Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 18

L-imħabba u l-ġustizzja fil-kongregazzjoni Kristjana

L-imħabba u l-ġustizzja fil-kongregazzjoni Kristjana

“Komplu ġorru t-​toqol taʼ xulxin, u b’hekk twettqu l-​liġi tal-​Kristu.”—GAL. 6:2.

GĦANJA 12 Kbir Alla Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Taʼ liema żewġ affarijiet nistgħu nkunu ċerti?

ALLA ĠEĦOVA jħobb lill-​adoraturi tiegħu. Dejjem ħabbhom u jibqaʼ jħobbhom. Hu jħobb il-​ġustizzja wkoll. (Salm 33:5) Mela nistgħu nkunu ċerti minn żewġ affarijiet. L-​ewwel, Ġeħova jweġġaʼ meta l-​qaddejja tiegħu jiġu trattati inġustament. It-​tieni, hu jwiegħed li l-​poplu tiegħu mhux se jibqaʼ jiġi trattat b’mod inġust u li se jagħmel ċert li ssir ġustizzja. Fl-​ewwel artiklu minn din is-​serje, * aħna tgħallimna li l-​Liġi li Alla ta lil Iżrael permezz taʼ Mosè kienet mibnija fuq l-​imħabba. Il-​Liġi inkuraġġiet il-​ġustizzja—ġustizzja għal kulħadd, speċjalment għal dawk li ma setgħux jipproteġu lilhom infushom. (Dt. 10:18) Din il-​Liġi turi kemm Ġeħova jieħu ħsieb l-​adoraturi tiegħu.

2. X’mistoqsijiet se nwieġbu?

2 Il-​Liġi Mosajka spiċċat fis-​sena 33 wara Kristu (WK) meta ġiet stabbilita l-​kongregazzjoni Kristjana. Kienu l-​Kristjani se jitħallew mingħajr il-​protezzjoni taʼ liġi mibnija fuq l-​imħabba u li tinkuraġġixxi l-​ġustizzja? Żgur li le! Il-​Kristjani kellhom liġi ġdida. F’dan l-​artiklu, l-​ewwel se niddiskutu x’inhi din il-​liġi. Imbagħad se nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet: Għala nistgħu ngħidu li din il-​liġi hi mibnija fuq l-​imħabba? Għala nistgħu ngħidu li tinkuraġġixxi l-​ġustizzja? Taħt din il-​liġi, dawk fl-​awtorità kif għandhom jittrattaw lil oħrajn?

X’INHI “L-​LIĠI TAL-​KRISTU”?

3. X’inhu inkluż fil-​“liġi tal-​Kristu” msemmija f’​Galatin 6:2?

3 Aqra Galatin 6:2. Il-​Kristjani qegħdin taħt “il-​liġi tal-​Kristu.” Ġesù ma kitibx lista taʼ liġijiet għas-​segwaċi tiegħu, iżda tahom struzzjonijiet, kmandi, u prinċipji biex jiggwidawhom. “Il-​Liġi tal-​Kristu” tinkludi kulma għallem Ġesù. Biex tifhem din il-​liġi aħjar, ikkunsidra dan li ġej.

4-5. B’liema modi għallem Ġesù, u meta għallem?

4 B’liema modi għallem Ġesù? L-​ewwel, hu għallem lin-​nies b’dak li qal. Kliemu kellu l-​qawwa għax wera l-​verità dwar Alla, għallem it-​tifsir veru tal-​ħajja, u rrefera għas-​Saltna t’Alla bħala s-​soluzzjoni għat-​tbatija kollha tal-​bniedem. (Lq. 24:19) Ġesù għallem ukoll bl-​eżempju. Bil-​mod kif għex, hu wera lis-​segwaċi tiegħu kif kellhom jgħixu.—Ġw. 13:15.

5 Ġesù meta għallem? Għallem matul il-​ministeru tiegħu fuq l-​art. (Mt. 4:23) Hu għallem ukoll lis-​segwaċi tiegħu ftit wara li ġie rxoxtat. Pereżempju, hu deher lil grupp taʼ dixxipli—forsi ’l fuq minn 500—u tahom il-​kmand biex ‘jagħmlu dixxipli.’ (Mt. 28:19, 20; 1 Kor. 15:6) Bħala kap tal-​kongregazzjoni, Ġesù baqaʼ jgħallem lid-​dixxipli tiegħu wara li mar lura fis-​sema. Darba minnhom, madwar is-​sena 96, Kristu dderieġa lill-​appostlu Ġwanni biex jinkuraġġixxi u jagħti parir lill-​Kristjani midlukin.—Kol. 1:18; Riv. 1:1.

6-7. (a) Fejn hu mniżżel it-​tagħlim taʼ Ġesù? (b) Kif nobdu l-​liġi tal-​Kristu?

6 Fejn hu mniżżel it-​tagħlim taʼ Ġesù? Fl-​erbaʼ Evanġelji hemm miktub ħafna mill-​affarijiet li Ġesù qal u għamel fuq l-​art. Il-​bqija tal-​Iskrittura Griega Kristjana tkompli tgħinna nifhmu kif kien jaħsibha Ġesù dwar l-​affarijiet, għax dawk li kitbuha kienu ispirati bl-​ispirtu qaddis u kellhom “il-​moħħ taʼ Kristu.”—1 Kor. 2:16.

7 Lezzjonijiet: It-​tagħlim taʼ Ġesù hu t’għajnuna fl-​aspetti kollha tal-​ħajja. Allura l-​liġi tal-​Kristu taffettwa kulma nagħmlu d-​dar, fuq ix-​xogħol jew l-​iskola, u fil-​kongregazzjoni. Aħna nitgħallmu din il-​liġi billi naqraw l-​Iskrittura Griega Kristjana u nimmeditaw fuqha. Aħna nobdu din il-​liġi billi nġibu ħajjitna fi qbil mal-​istruzzjonijiet, il-​kmandi, u l-​prinċipji li nsibu f’dawk il-​kotba tal-​Bibbja. Meta nobdu l-​liġi tal-​Kristu nkunu qed nobdu lil Alla tagħna taʼ mħabba, Ġeħova, li u s-​Sors taʼ dak kollu li Ġesù għallem.—Ġw. 8:28.

LIĠI MIBNIJA FUQ L-​IMĦABBA

8. X’inhu l-​pedament tal-​liġi tal-​Kristu?

8 Dar mibnija tajjeb fuq pedament sod tgħin lil dawk li jgħixu fiha jħossuhom protetti u siguri. Bl-​istess mod, liġi tajba mibnija fuq pedament sod tgħin lil dawk li jgħixu skont din il-​liġi jħossuhom protetti u siguri. Il-​liġi tal-​Kristu hi mibnija fuq l-​aqwa pedament possibbli—l-​imħabba. Għala nistgħu ngħidu dan?

Meta nittrattaw lil oħrajn bi mħabba, inkunu qed nobdu “l-​liġi tal-​Kristu” (Ara paragrafi 9-14) *

9-10. Liema eżempji juru li Ġesù kien imqanqal mill-​imħabba, u kif nistgħu nimitawh?

9 L-​ewwel, Ġesù kien imqanqal mill-​imħabba f’dak kollu li għamel. Il-​ħniena, jew il-​mogħdrija tenera, hi espressjoni taʼ mħabba. Imqanqal minn ħniena bħal din, Ġesù għallem lill-​folol, fejjaq lill-​morda, temaʼ lil dawk bil-​ġuħ, u qajjem lill-​mejtin. (Mt. 14:14; 15:32-38; Mk. 6:34; Lq. 7:11-15) Għalkemm li jagħmel dan ħadlu ħafna mill-​ħin u l-​enerġija tiegħu, Ġesù minn jeddu poġġa l-​bżonnijiet t’oħrajn qabel tiegħu. Fuq kollox, wera mħabba kbira billi ċeda ħajtu għal oħrajn.—Ġw. 15:13.

10 Lezzjonijiet: Aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù billi npoġġu l-​bżonnijiet t’oħrajn qabel tagħna. Nistgħu nimitawh ukoll billi nitgħallmu nuru iżjed mogħdrija tenera għan-​nies fit-​territorju tagħna. Meta mogħdrija bħal din tqanqalna nippritkaw u ngħallmu l-​aħbar tajba, aħna nkunu qed nobdu l-​liġi tal-​Kristu.

11-12. (a) X’juri li Ġeħova tassew jimpurtah minna? (b) Kif nistgħu nimitaw l-​imħabba taʼ Ġeħova?

11 It-​tieni, Ġesù wera l-​imħabba taʼ Missieru. Matul il-​ministeru tiegħu, Ġesù wera kemm tassew Ġeħova jimpurtah mill-​adoraturi tiegħu. Fost affarijiet oħra, Ġesù għallem dan: Kull wieħed minna hu taʼ valur u prezzjuż għal Missierna tas-​sema. (Mt. 10:31) Ġeħova hu ħerqan biex jilqaʼ nagħġa mitlufa li tindem u terġaʼ lura fil-​kongregazzjoni. (Lq. 15:7, 10) Ġeħova ta prova taʼ mħabbtu għalina billi ta lil Ibnu bħala fidwa għalina.—Ġw. 3:16.

12 Lezzjonijiet: Kif nistgħu nimitaw l-​imħabba taʼ Ġeħova? (Efes. 5:1, 2) Billi nqisu lil kull wieħed u waħda minn ħutna bħala taʼ valur u prezzjuż, u bil-​ferħ nilqgħu “nagħġa mitlufa” li terġaʼ lura lejn Ġeħova. (Salm 119:176) Aħna nuru li nħobbu lil ħutna billi nagħtu mill-​ħin u l-​enerġija tagħna, speċjalment meta jkollhom bżonn. (1 Ġw. 3:17) Meta nittrattaw lil oħrajn bi mħabba, aħna nkunu qed nobdu l-​liġi tal-​Kristu.

13-14. (a) Bħalma hu miktub fi Ġwanni 13:34, 35, Ġesù xi kkmanda lis-​segwaċi tiegħu juru, u dan għala hu kmandament ġdid? (b) Kif nobdu l-​kmandament il-​ġdid?

13 It-​tielet, Ġesù kkmanda lis-​segwaċi tiegħu biex juru mħabba bla egoiżmu. (Aqra Ġwanni 13:34, 35.) Il-​kmandament taʼ Ġesù hu ġdid għax jitlob minna li nuru mħabba b’mod li ma kienx mitlub mil-​Liġi li Alla ta lil Iżrael: Ħobb lil ħutek fit-​twemmin bħalma Ġesù ħabb lilek. Dan jirrikjedi mħabba bla egoiżmu. * Aħna rridu nħobbu lil ħutna saħansitra iktar milli nħobbu lilna nfusna. Għandna nħobbuhom sal-​punt li minn jeddna nkunu lesti li nagħtu ħajjitna għalihom, bħalma Ġesù għamel għalina.

14 Lezzjonijiet: Kif nobdu l-​kmandament il-​ġdid? Fi kliem sempliċi, billi nagħmlu sagrifiċċji għal ħutna. Aħna lesti mhux biss li nagħmlu l-​ikbar sagrifiċċju—li mmutu—imma wkoll sagrifiċċji iżgħar. Pereżempju, meta nagħmlu sforz speċjali biex inrikkbu magħna ħu jew oħt anzjana għal xi laqgħa, jew minn jeddna nwarrbu l-​preferenzi tagħna biex nogħġbu lil seħibna fit-​twemmin, jew nużaw il-​ġranet tal-​vaganzi tagħna biex ngħinu wara li jsir xi diżastru, aħna nkunu qed nobdu l-​liġi tal-​Kristu. B’dan il-​mod, inkunu qed ngħinu biex il-​kongregazzjoni tagħna tkun post fejn kull individwu jħossu protett u sigur.

LIĠI LI TINKURAĠĠIXXI L-​ĠUSTIZZJA

15-17. (a) L-​azzjonijiet taʼ Ġesù kif urew is-​sens taʼ ġustizzja tiegħu? (b) Kif nistgħu nimitaw lil Ġesù?

15 Il-​“ġustizzja,” kif użata fil-​Bibbja, bażikament tfisser li tagħmel dak li Alla jqis li hu tajjeb u li tagħmlu mingħajr parzjalità. Għala nistgħu ngħidu li l-​liġi tal-​Kristu tinkuraġġixxi l-​ġustizzja?

Ġesù rrispetta lin-​nisa u kien qalbu tajba magħhom, inkluż dawk li kienu jiġu mmaqdrin minn oħrajn (Ara paragrafu 16) *

16 L-​ewwel, aħseb dwar kif l-​azzjonijiet taʼ Ġesù wrew is-​sens taʼ ġustizzja tiegħu. Fi żmienu, il-​mexxejja reliġjużi Lhud kienu jobogħdu lil dawk li ma kinux Lhud, stmerrew lil-​Lhud komuni, u ma rrispettawx lin-​nisa. Madankollu, Ġesù ttratta lil kulħadd b’mod ġust u imparzjali. Hu ħalla lil dawk li ma kinux Lhud u li kellhom fidi fih biex isegwuh. (Mt. 8:5-10, 13) Bla preġudizzju, hu pprietka lil kulħadd, sinjuri u foqra. (Mt. 11:5; Lq. 19:2, 9) Qatt ma kien strett iżżejjed jew abbużiv meta ttratta man-​nisa. Għall-​kuntrarju, kien jirrispettahom u qalbu tajba magħhom, anke maʼ dawk li kienu jiġu mmaqdrin minn oħrajn.—Lq. 7:37-39, 44-50.

17 Lezzjonijiet: Aħna nistgħu nimitaw lil Ġesù billi nkunu imparzjali meta nittrattaw m’oħrajn u nippritkaw lil kull min hu lest li jismaʼ—minkejja jkunx sinjur jew fqir jew x’reliġjon ikollu. Irġiel Kristjani jsegwu l-​eżempju tiegħu billi jittrattaw lin-​nisa b’rispett. Meta nagħmlu affarijiet bħal dawn, aħna nkunu qed nobdu l-​liġi tal-​Kristu.

18-19. Ġesù x’għallem dwar il-​ġustizzja, u x’lezzjonijiet nitgħallmu mit-​tagħlim tiegħu?

18 It-​tieni, ikkunsidra x’għallem Ġesù dwar il-​ġustizzja. Hu għallem prinċipji li kellhom jgħinu lis-​segwaċi tiegħu jittrattaw lil oħrajn tajjeb. Pereżempju, aħseb dwar ir-​Regola tad-​Deheb. (Mt. 7:12) Ilkoll irridu niġu trattati tajjeb. Mela għandna nittrattaw tajjeb lil oħrajn. Jekk nagħmlu dan, għandhom mnejn jiġu motivati biex jittrattawna tajjeb. Imma xi ngħidu jekk ġejna trattati b’mod inġust? Ġesù għallem ukoll lis-​segwaċi tiegħu biex ikunu fiduċjużi li Ġeħova ‘jġiegħel li ssir ġustizzja lil dawk li jgħajtulu lejl u nhar.’ (Lq. 18:6, 7) Dik l-​istqarrija hi wegħda u tfisser li l-​Alla ġust tagħna hu konxju tal-​provi li qed niffaċċjaw f’dawn l-​aħħar jiem, u se jġiegħel li ssirilna ġustizzja fiż-​żmien stabbilit tiegħu.—2 Tess. 1:6.

19 Lezzjonijiet: Meta nimxu skont il-​prinċipji li Ġesù għallem, aħna se nittrattaw lil oħrajn b’mod ġust. U jekk konna vittmi taʼ inġustizzja fid-​dinja taʼ Satana, aħna jistaʼ jkollna l-​faraġ f’li nafu li Ġeħova se jġiegħel li ssir ġustizzja magħna.

DAWK FL-​AWTORITÀ KIF GĦANDHOM JITTRATTAW LIL OĦRAJN?

20-21. (a) Dawk fl-​awtorità kif għandhom jittrattaw lil oħrajn? (b) Raġel miżżewweġ kif jistaʼ juri mħabba bla egoiżmu, u missier kif għandu jittratta lil uliedu?

20 Taħt il-​liġi tal-​Kristu, dawk fl-​awtorità kif għandhom jittrattaw lil oħrajn? Ladarba din il-​liġi hi mibnija fuq l-​imħabba, dawk fl-​awtorità għandhom juru rispett lil dawk fdati f’idejhom u jittrattawhom bi mħabba. Huma għandhom jiftakru li Kristu jridna nuru l-​imħabba f’kulma nagħmlu.

21 Fil-​familja. Raġel miżżewweġ għandu jħobb lil martu “bħalma l-​Kristu wkoll ħabb lill-​kongregazzjoni.” (Efes. 5:25, 28, 29) Raġel miżżewweġ għandu jimita l-​imħabba bla egoiżmu taʼ Kristu billi jpoġġi l-​bżonnijiet u l-​interessi taʼ martu qabel tiegħu. Xi rġiel għandhom mnejn isibuha bi tqila biex juru mħabba bħal din, forsi għax ma trabbewx f’kultura fejn li tittratta lil oħrajn tajjeb u bi mħabba kien jiġi apprezzat. Jistaʼ jkun diffiċli għalihom biex jikkoreġu drawwiet ħżiena, imma huma għandhom jagħmlu dawn il-​bidliet sabiex jobdu l-​liġi tal-​Kristu. Raġel miżżewweġ li juri mħabba bla egoiżmu jirbaħ ir-​rispett taʼ martu. Missier li jħobb verament lil uliedu qatt mhu se jweġġagħhom b’dak li jgħid jew jagħmel. (Efes. 4:31) Minflok, jesprimi mħabbtu u l-​approvazzjoni tiegħu b’tali mod li jħossuhom protetti u siguri. Missier bħal dan jirbaħ l-​imħabba u l-​fiduċja taʼ wliedu.

22. Bħalma hu mniżżel fl-​1 Pietru 5:1-3, taʼ min huma “n-​nagħaġ,” u kif għandhom jiġu trattati?

22 Fil-​kongregazzjoni. L-​anzjani għandhom jiftakru li n-​“nagħaġ” mhumiex tagħhom. (Ġw. 10:16; aqra l-​1 Pietru 5:1-3.) L-​espressjonijiet “il-​merħla t’Alla” u “l-​wirt t’Alla” jfakkru lill-​anzjani li n-​nagħaġ huma taʼ Ġeħova. Hu jrid li n-​nagħaġ tiegħu jiġu trattati bi mħabba u tenerezza. (1 Tess. 2:7, 8) Anzjani li bi mħabba jerfgħu r-​responsabbiltà tagħhom bħala ragħajja jirbħu l-​approvazzjoni taʼ Ġeħova. Anzjani bħal dawn jirbħu wkoll l-​imħabba u r-​rispett taʼ ħuthom.

23-24. (a) X’inhi r-​responsabbiltà tal-​anzjani meta xi ħadd fil-​kongregazzjoni jagħmel dnub serju? (b) L-​anzjani xi jridu jiftakru meta jittrattaw każi bħal dawn?

23 X’inhi r-​responsabbiltà tal-​anzjani meta xi ħadd fil-​kongregazzjoni jagħmel dnub serju? Ir-​responsabbiltà tagħhom hi differenti minn dik tal-​imħallfin u l-​irġiel fl-​awtorità taħt il-​Liġi li Alla ta lil Iżrael. Taħt din il-​Liġi, irġiel maħturin ma ttrattawx biss kwistjonijiet konnessi mal-​qima taʼ Ġeħova, imma wkoll każi ċivili u kriminali. Iżda taħt il-​liġi tal-​Kristu, ir-​responsabbiltà tal-​anzjani hi li jittrattaw biss kwistjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-​qima taʼ Ġeħova. Huma jirrikonoxxu li Alla ta d-​dritt lill-​awtoritajiet governattivi biex jittrattaw każi ċivili u kriminali. Dan jinkludi li l-​awtorità tinforza pieni bħal multi jew ħabs.—Rum. 13:1-4.

24 X’inhi r-​responsabbiltà tal-​anzjani meta xi ħadd fil-​kongregazzjoni jkun għamel dnub serju? Huma jużaw l-​Iskrittura biex janalizzaw l-​affarijiet u jieħdu deċiżjonijiet. Huma jiftakru li l-​liġi tal-​Kristu hi mibnija fuq l-​imħabba. L-​imħabba tqanqal lill-​anzjani biex jaħsbu dwar: X’hemm bżonn isir biex ngħinu lil dawk fil-​kongregazzjoni li kienu vittmi tal-​għemil ħażin? Inkwantu għal min għamel l-​għemil ħażin, l-​imħabba tqanqal lill-​anzjani biex jaħsbu dwar: Nidem hu? Nistgħu ngħinuh jikseb lura s-​saħħa spiritwali tiegħu?

25. X’se jiddiskuti l-​artiklu li jmiss?

25 Kemm aħna grati li qegħdin taħt il-​liġi tal-​Kristu! Meta lkoll kemm aħna naħdmu iebes biex nobduha, inkunu qed ngħinu lill-​kongregazzjoni tagħna tkun post fejn kull individwu jistaʼ jħossu maħbub, apprezzat, u protett. Xorta waħda, aħna ngħixu f’dinja fejn nies ħżiena marru “mill-​ħażin għall-​agħar.” (2 Tim. 3:13) Aħna rridu nibqgħu moħħna hemm. Il-​kongregazzjoni Kristjana kif tistaʼ timita l-​ġustizzja t’Alla meta tittratta mal-​abbuż sesswali fuq it-​tfal? L-​artiklu li jmiss se jwieġeb din il-​mistoqsija.

GĦANJA 15 Faħħru l-​Ewwel Imwieled taʼ Ġeħova!

^ par. 5 Dan l-​artiklu u t-​tnejn taʼ warajh huma parti minn serje t’artikli li jiddiskutu għala nistgħu nkunu fiduċjużi li Ġeħova hu Alla taʼ mħabba u ġustizzja. Hu jrid li l-​poplu tiegħu ssirlu ġustizzja, u jfarraġ lil dawk li ġew trattati inġustament f’din id-​dinja bla qalb.

^ par. 1 Ara l-​artiklu “L-​imħabba u l-​ġustizzja f’Iżrael tal-​qedem” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa taʼ Frar 2019.

^ par. 13 ESPRESSJONI SPJEGATA: Imħabba bla egoiżmu tqanqalna npoġġu l-​bżonnijiet u l-​interessi t’oħrajn qabel tagħna. Aħna lesti li nagħmlu sagrifiċċju jew li niċċaħħdu minn xi ħaġa biex ngħinu jew inkunu taʼ benefiċċju għal oħrajn.

^ par. 61 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġesù josserva armla li mitilha l-​uniku tifel li kellha. Ġesù tħassarha u rxoxtah.

^ par. 63 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġesù qed jiekol f’dar taʼ Fariżew jismu Xmun. Mara, forsi prostituta, għadha kif ħaslet saqajn Ġesù bid-​dmugħ tagħha, ixxottathomlu b’xagħarha, u dilkithomlu biż-​żejt. Xmun jikkritika dak li għamlet din il-​mara, imma Ġesù jiddefendiha.