Protezzjoni ċerta minn nasba taʼ Satana
HEKK kif l-Iżraelin tal-qedem kienu se jaqsmu x-Xmara Ġordan biex jidħlu fl-art li Alla kien wegħedhom, ġew iżuruhom xi nies. Dawn kienu nisa barranin li stiednu lill-irġiel għal festa. Li jagħmlu ħbieb ġodda, jiżfnu, u jieklu ikla tajba setaʼ deher bħala opportunità mill-isbaħ, unika, u li tħajrek. Minkejja li d-drawwiet u l-morali tan-nisa ma kinux bħal dawk li l-Iżraelin tgħallmu fil-Liġi t’Alla, xi rġiel Iżraelin forsi ħasbu: ‘Mhux se niġu effettwati minnhom. Issa noqogħdu attenti.’
X’ġara? Ir-rakkont imnebbaħ jgħidilna: “Il-poplu beda jkollu relazzjonijiet immorali mal-bniet taʼ Mowab.” Fil-fatt, in-nisa riedu lil dawn l-irġiel Iżraelin iqimu allat foloz. U hekk ġara! Nistgħu nifhmu għala “r-rabja taʼ Ġeħova xegħlet kontra Israel.”—Dawn l-Iżraelin kisru l-Liġi t’Alla b’żewġ modi: Huma qiemu allat foloz, u għamlu immoralità sesswali. Minħabba d-diżubbidjenza tagħhom mietu eluf taʼ Iżraelin. (Eżo. 20:4, 5, 14; Dt. 13:6-9) L-azzjonijiet tagħhom għala kienu speċjalment taʼ niket? Minħabba ż-żmien li fih seħħew. Li kieku l-irġiel ma kisrux il-Liġi t’Alla, dawk l-eluf taʼ Iżraelin daqt kienu se jaqsmu l-Ġordan għal ġol-Art Imwiegħda.—Num. 25:5, 9.
Dwar dawn il-ġrajjiet, l-appostlu Pawlu kiteb: “Dan kollu ġralhom b’eżempju, u nkiteb bħala twissija għalina li fuqna wasal it-tmiem tas-sistemi.” (1 Kor. 10:7-11) Bla dubju Satana kien ferħan ħafna li wħud minn dawk l-Iżraelin dinbu serjament kontra Ġeħova, u b’hekk ma tħallewx jidħlu fl-Art Imwiegħda. Aħna hemm bżonn nitgħallmu mill-iżball tagħhom għax nafu li Satana jkun ferħan ħafna li kieku jirnexxilu jwaqqafna milli nidħlu fid-dinja l-ġdida t’Alla.
NASBA PERIKOLUŻA
Illum, Satana jrid jonsob lill-Kristjani billi juża tattiki li diġà uża u rnexxew fuq ħafna nies. Kif diġà rajna fil-każ tal-Iżraelin, Satana uża l-immoralità sesswali. Fi żmienna, l-immoralità għadha nasba perikoluża. Mod effettiv kif l-immoralità tistaʼ tonsobna hu permezz tal-pornografija.
Illum, spiss tistaʼ tara l-pornografija mingħajr ma jkun jaf ħaddieħor. Fil-passat, xi ħadd li ried jara l-pornografija kellu jmur iċ-ċinema biex jara films mhux xierqa jew imur f’ħanut fejn ibigħu kotba pornografiċi. Il-mistħija li xi ħadd jarak f’xi post bħal dan jew viċin tiegħu probabbilment żammet ħafna nies milli jmorru. Imma issa, min għandu aċċess għall-Internet jistaʼ jara l-pornografija fuq ix-xogħol jew anke f’karozza pparkjata. U f’ħafna pajjiżi, raġel jew mara tistaʼ tara l-pornografija f’darha stess.
Dan mhux kollox. Il-mobiles u t-tablets għamluha iktar faċli biex in-nies jaraw il-pornografija. Jistgħu jkunu mexjin fit-triq jew rekbin f’karozza tal-linja u jaraw stampi immorali fuq dan l-apparat.
Peress li sar iktar faċli li persuna tara l-pornografija u taħbi dak li qed tagħmel, il-pornografija qed tagħmel ħsara lil ħafna iktar nies milli kienet qabel. Numru li ma tistax tgħoddu taʼ nies li jaraw il-pornografija jagħmlu ħsara liż-żwieġ, lid-dinjità, u lill-kuxjenza tagħhom. Agħar minn hekk, huma jirriskjaw li jħassru l-ħbiberija tagħhom m’Alla. Int tistaʼ tkun ċert li l-pornografija tagħmel ħsara lil dawk li jarawha. F’ħafna każijiet, tikkaġuna ġrieħi emozzjonali fondi. Dawn il-ġrieħi forsi jfiqu bil-mod il-mod imma jistgħu jħallu marki għal żmien twil.
Iżda, aħna għandna nkunu konxji li Ġeħova joffri protezzjoni minn din in-nasba taʼ Satana. Jekk irridu din il-protezzjoni, għandna nagħmlu dak li m’għamlux l-irġiel Iżraelin tal-qedem, jiġifieri, li ‘tassew nobdu’ lil Ġeħova. (Eżo. 19:5) Għandna nirrikonoxxu li Alla jobgħod il-pornografija. Għala nistgħu nkunu ċerti minn dan?
OBGĦODHA—BĦALMA JAGĦMEL ĠEĦOVA
Aħseb fuq dan: Il-liġijiet li Alla ta lill-poplu taʼ Iżrael ma kienx hemm bħalhom f’dak iż-żmien. Bħal ħajt, dawn setgħu jipproteġu lill-Iżraelin mill-popli taʼ madwarhom u mill-affarijiet diżgustanti li kienu jagħmlu. (Dt. 4:6-8) Dawn il-liġijiet urew b’mod ċar verità importanti ħafna: Ġeħova jobgħod l-immoralità sesswali.
Wara li semma l-affarijiet immorali li kienu qed jagħmlu popli oħra fil-madwar, Ġeħova qal lill-Iżraelin: “Tagħmlux kif tagħmel l-art taʼ Kangħan, li qed inġibkom fiha; . . . l-art mhix nadifa, u se nġib il-kastig għall-iżball tagħha fuqha.” Għal Ġeħova, l-Alla qaddis taʼ Iżrael, il-mod taʼ ħajja tal-Kangħanin kien tant diżgustanti u immorali li hu qies l-art li kienu jgħixu fiha bħala mhix nadifa u kkontaminata.—Lev. 18:3, 25.
Għalkemm Ġeħova kkastiga lill-Kangħanin, nies oħrajn komplew jagħmlu l-immoralità sesswali. ’Il fuq minn 1,500 sena wara, Pawlu ddeskriva l-popli li l-Kristjani kienu mdawrin bihom bħala li “tilfu kull sens morali.” Fil-fatt, “ngħataw għall-kondotta laxka biex b’regħba jagħmlu kull xorta taʼ nuqqas taʼ ndafa.” (Efes. 4:17-19) Anke llum, ħafna nies huma immorali għall-aħħar u kburin b’dan. Sakemm hu possibbli, l-adoraturi veri għandhom jevitaw li jaraw affarijiet immorali li toffri d-dinja.
Il-pornografija turi diżrispett kbir lejn Alla. Hu ħalaq lill-bnedmin fix-xbieha u s-sura tiegħu u tahom l-abbiltà li jħossu li xi ħaġa hi tajba jew ħażina. Fl-għerf tiegħu, Alla ta liġijiet dwar relazzjonijiet sesswali. Hu ried li dawn ir-relazzjonijiet ikunu xi ħaġa li l-miżżewġin setgħu jgawdu flimkien. (Ġen. 1:26-28; Prov. 5:18, 19) Imma x’qed jagħmlu dawk li jipproduċu jew jippromwovu l-pornografija? Huma qed jinjoraw kompletament il-livelli morali t’Alla. Iva, in-nies li jippromwovu l-pornografija ma jirrispettawx lil Ġeħova. Hu se jiġġudika lil dawk li jinjoraw il-livelli tiegħu billi jipproduċu jew jippromwovu materjal immorali.—Rum. 1:24-27.
Imma xi ngħidu dwar dawk li apposta jaqraw jew jaraw il-pornografija? Ħafna forsi jħossu li hu divertiment bla ħsara. Madankollu, fil-fatt ikunu qed jappoġġjaw lil dawk li ma jurux rispett lejn il-livelli taʼ Ġeħova. Forsi ma tkunx l-intenzjoni tagħhom li jagħmlu dan meta bdew jaraw il-pornografija. Iżda l-Bibbja tagħmilha ċara li l-adoraturi tal-Alla l-veru għandhom jistmerru l-pornografija. Il-Bibbja Salm 97:10.
tħeġġeġ: “O intom li tħobbu lil Ġeħova, obogħdu dak li hu ħażin.”—Anke dawk li jridu jevitaw li jaraw il-pornografija jistgħu jsibuha diffiċli jagħmlu dan. Aħna imperfetti, u jistaʼ jkollna ġlieda biex nirreżistu xewqat sesswali mhux nodfa. Ukoll, bil-qalb imperfetta tagħna nistgħu forsi nipprovaw nirraġunaw magħna nfusna li mhux ħażin li naraw il-pornografija. (Ġer. 17:9) Imma ħafna li saru Kristjani rebħuha dil-ġlieda. Li tkun taf dan jistaʼ jkun taʼ inkuraġġiment jekk għandek ġlieda simili. Innota kif il-Kelma t’Alla tistaʼ tgħinek tevita n-nasba taʼ Satana tal-pornografija.
TIBQAX TAĦSEB FUQ XEWQAT IMMORALI
Bħalma rajna fil-bidu, ħafna Iżraelin ħallew xewqat ħżiena jwassluhom għal diżastru. Illum jistaʼ jiġri l-istess. Ġakbu, ħu Ġesù mill-omm, iddeskriva l-periklu: “Kull bniedem . . . ikun miġbud u mħajjar mix-xewqa tiegħu stess. Imbagħad, meta x-xewqa ssir fertili, tiled id-dnub.” (Ġak. 1:14, 15) Jekk xi ħadd iħalli xewqa immorali tiżviluppa fih, maż-żmien aktarx li se jispiċċa jidneb. Allura, għandna neħilsu minn ħsibijiet immorali u ma nibqgħux naħsbu fuqhom.
Jekk issib li l-ħin kollu taħseb dwar affarijiet immorali, agħmel xi ħaġa minnufih. Ġesù qal: “Mela, jekk idek jew sieqek qed tfixklek, aqtagħha barra u armiha ’l bogħod minnek. . . . Ukoll, jekk għajnek qed tfixklek, aqlagħha barra u armiha ’l bogħod minnek.” (Mt. 18:8, 9) Ġesù ma kienx qed jissuġġerixxi li għandna letteralment nagħmlu ħsara lil ġisimna. Hu kien qed juża tixbiha biex jgħinna nifhmu l-bżonn li nsiru nafu għala qed naħsbu dwar affarijiet ħżiena u mbagħad nagħmlu l-bidliet meħtieġa. Kif nistgħu napplikaw dal-parir fejn tidħol il-pornografija?
Jekk tinzerta xi tip taʼ pornografija, taħsibx, ‘Mhux se niġi effettwat.’ Dawwar wiċċek mill-ewwel. Itfi t-televixin minnufih. Itfi l-kompjuter jew il-mobile fil-pront. Erġaʼ ffoka fuq xi ħaġa tajba. Jekk tagħmel dan jistaʼ jgħinek tikkontrolla l-ħsibijiet tiegħek u mhux jikkontrollawk huma.
X’NISTGĦU NAGĦMLU JEKK JIĠU QUDDIEM GĦAJNEJNA STAMPI IMMORALI LI KONNA RAJNA?
Xi ngħidu jekk irnexxielek tieqaf tara l-pornografija imma kultant jiġu quddiem għajnejk stampi immorali li kont rajt? Stampi jew ħsibijiet pornografiċi jistgħu jibqgħu f’moħħ persuna għal ħafna żmien u dawn jiġu quddiem għajnejha bla twissija taʼ xejn. Jekk dan jiġri, int forsi tħoss ix-xewqa li tagħmel xi ħaġa mhix nadifa, bħal li timmasturba. Allura kun konxju li f’daqqa waħda jistaʼ jkollok ħsibijiet bħal dawn, u kun preparat li tiġġieled kontrihom.
Sir saħansitra iktar determinat li taħseb u taġixxi kif iridek Alla. Kun bħall-appostlu Pawlu, li kien lest li ‘jsawwat lil ġismu u jassru.’ (1 Kor. 9:27) Tħallix xewqat mhux nodfa jikkontrollawk. ‘Inbidel billi ġġedded moħħok, biex tagħti prova lilek innifsek dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.’ (Rum. 12:2) Ftakar: Jekk taħseb u taġixxi skont ir-rieda t’Alla, dan se jġiblek ħafna iktar sodisfazzjon milli tagħmel affarijiet immorali.
Jekk taħseb u taġixxi skont ir-rieda t’Alla, dan se jġiblek ħafna iktar sodisfazzjon milli tagħmel affarijiet immorali
Ipprova tgħallem bl-amment ċerti versi mill-Bibbja. Imbagħad meta jiġuk f’moħħok ħsibijiet ħżiena, ġiegħel lilek innifsek taħseb dwar dawn il-versi. Versi bħal Salm 119:37; Isaija 52:11; Mattew 5:28; Efesin 5:3; Kolossin 3:5; u l-1 Tessalonikin 4:4-8 se jgħinuk tqis il-pornografija kif iqisha Ġeħova u tifhem xi jridek tagħmel.
Xi ngħidu jekk f’xi okkażjonijiet ma tkunx tistaʼ tissaporti x-xewqa li tara l-pornografija jew taħseb dwarha? Imxi mill-qrib fuq il-passi tax-Xempju tagħna, Ġesù. (1 Pt. 2:21) Wara li tgħammed, Satana baqaʼ jittantah. Ġesù x’għamel? Hu baqaʼ jirreżisti. Billi uża skrittura wara l-oħra, hu rreżista t-tentazzjonijiet li għamillu Satana. Hu qal: “Mur ’l hemm, Satana!” u Satana ħallieh. Bħalma Ġesù qatt ma waqaf jirreżisti lix-Xitan, lanqas int m’għandek tieqaf. (Mt. 4:1-11) Satana u d-dinja tiegħu se jkomplu jipprovaw jimlewlek moħħok b’affarijiet immorali, imma ċċedix. Int tistaʼ tirbaħ il-ġlieda kontra l-pornografija. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, int tistaʼ tegħleb lill-għadu tiegħek.
ITLOB LIL ĠEĦOVA U OBDIH
Kompli itlob lil Ġeħova biex jgħinek. Pawlu qal: “Ħallu lil Alla jkun jaf x’teħtieġu; u l-paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb tgħasses lil qalbkom u l-qawwa mentali tagħkom permezz taʼ Kristu Ġesù.” (Flp. 4:6, 7) Il-paċi t’Alla se tgħinek tirreżisti l-ħażin. Jekk tersaq qrib lejn Ġeħova, ‘hu jersaq qrib lejk.’—Ġak. 4:8.
Jekk inżommu l-ħbiberija tagħna mas-Sovran tal-univers b’saħħitha, se nkunu protetti kontra n-nasbiet taʼ Satana. Ġesù qal: “Ġej il-ħakkiem tad-dinja [Satana]. Hu m’għandu ebda setgħa fuqi.” (Ġw. 14:30) Ġesù għala kien daqstant fiduċjuż? Darba minnhom hu spjega: “Dak li bagħatni qiegħed miegħi; hu ma telaqnix waħdi, għax dejjem nagħmel dak li jogħġob lilu.” (Ġw. 8:29) Jekk int ukoll tipprova togħġob lil Ġeħova b’dak kollu li tagħmel, tistaʼ tkun ċert li qatt mhu se jitilqek. Evita n-nasba tal-pornografija, u Satana mhux se jkun jistaʼ jaqbdek fiha.