Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 29

‘Morru agħmlu dixxipli’

‘Morru agħmlu dixxipli’

“Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.”—MT. 28:19.

GĦANJA 60 Hemm ħajjithom fin-​nofs

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Skont il-​kmand taʼ Ġesù mniżżel f’​Mattew 28:18-20, x’inhi r-​responsabbiltà prinċipali li għandha l-​kongregazzjoni Kristjana? (b) X’mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

MIN jaf kemm l-​appostli kienu eċitati hekk kif inġabru fuq muntanja! Wara li Ġesù ġie rxoxtat, hu ftiehem biex jiltaqaʼ magħhom f’dak il-​post. (Mt. 28:16) Din forsi kienet l-​okkażjoni meta “deher lil iktar minn ħames mitt ħu f’daqqa.” (1 Kor. 15:6) Ġesù għala qal lid-​dixxipli tiegħu biex jiltaqgħu miegħu hemm? Sabiex jagħtihom kmand eċitanti: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.”—Aqra Mattew 28:18-20.

2 Id-​dixxipli li semgħu kliem Ġesù iktar tard saru parti mill-​kongregazzjoni Kristjana tal-​ewwel seklu. Ir-​responsabbiltà prinċipali taʼ dik il-​kongregazzjoni kienet li jagħmlu iktar dixxipli taʼ Kristu. * Illum, hemm għaxriet t’eluf taʼ kongregazzjonijiet Kristjani veri madwar id-​dinja, u r-​responsabbiltà prinċipali tagħhom tibqaʼ l-​istess. F’dan l-​artiklu se niddiskutu erbaʼ mistoqsijiet: Li nagħmlu dixxipli għala hu daqstant importanti? X’jinvolvi? Il-​Kristjani kollha huma involuti f’li jagħmlu dixxipli? U għala għandna bżonn il-​paċenzja għal dax-​xogħol?

LI NAGĦMLU DIXXIPLI GĦALA HU DAQSTANT IMPORTANTI?

3. Skont Ġwanni 14:6 u 17:3, għala hu daqstant importanti x-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli?

3 Ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli għala hu daqstant importanti? Għaliex dixxipli taʼ Kristu biss jistgħu jkunu ħbieb t’Alla. Ukoll, dawk li jsegwu lil Kristu jtejbu ħajjithom issa u għandhom it-​tama li jgawdu ħajja bla tmiem fil-​futur. (Aqra Ġwanni 14:6; 17:3.) Ċertament, Ġesù fdalna responsabbiltà importanti, imma aħna ma nagħmlux dax-​xogħol waħedna. L-​appostlu Pawlu kiteb dwaru u dwar ċerti wħud: “Aħna ħaddiema sħab m’Alla.” (1 Kor. 3:9) Xi privileġġ ingħata lil bnedmin imperfetti minn Ġeħova u Kristu!

4. X’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Ivan u Matilde?

4 Ix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli jistaʼ jġibilna ħafna ferħ. Aħseb dwar l-​eżempju taʼ Ivan u martu, Matilde, fil-​Kolombja. Huma taw xhieda lil raġel żagħżugħ jismu Davier, li qalilhom: “Nixtieq ninbidel, imma ma nistax.” Davier kien boxer li jieħu d-​drogi, jixrob ħafna, u jgħix mal-​għarusa tiegħu, Erika. Ivan jispjega: “Bdejna nżuruh fir-​raħal tiegħu li kien imwarrab. Dan kien ifisser li nivvjaġġaw bir-​roti tagħna għal ħafna sigħat f’toroq bit-​tajn. Wara li Erika nnotat li Davier tejjeb l-​imġiba u l-​attitudni tiegħu, hi bdiet toqgħod għall-​istudju tal-​Bibbja magħna.” Maż-​żmien, Davier qataʼ d-​drogi, ix-​xorb, u l-​boxing. Wasal ukoll biex iżżewweġ lil Erika. Matilde tgħid: “Meta tgħammdu Davier u Erika fl-​2016 ftakarna li Davier kien jgħid, ‘Nixtieq ninbidel, imma ma nistax.’ Id-​dmugħ qabeż waħdu minn għajnejna.” Bla dubju, inħossuna ferħanin wisq meta ngħinu lin-​nies isiru dixxipli taʼ Kristu.

X’JINVOLVI LI NAGĦMLU DIXXIPLI?

5. X’inhi l-​ewwel ħaġa li għandha bżonn issir biex nagħmlu dixxipli?

5 L-​ewwel ħaġa li għandha bżonn issir biex nagħmlu dixxipli hi li ‘nfittxu’ għal nies li jridu jitgħallmu dwar Ġeħova. (Mt. 10:11) Aħna nagħtu prova li verament aħna Xhieda taʼ Ġeħova billi nagħtu xhieda lil dawk kollha li niltaqgħu magħhom. Aħna nagħtu prova li aħna Kristjani ġenwini billi nobdu l-​kmand taʼ Kristu biex nippritkaw.

6. X’se jgħinna nirnexxu fil-​ministeru?

6 Xi nies ikunu ħerqanin biex jitgħallmu l-​veritajiet tal-​Bibbja, iżda ħafna minn dawk li niltaqgħu magħhom jistgħu jidhru li ma jimpurtahomx għall-​ewwel. Forsi jkollna bżonn ninkuraġġuhom biex ikunu jridu jitgħallmu iżjed. Sabiex nirnexxu fil-​ministeru, jeħtieġ li nippreparaw sew. Agħżel suġġetti speċifiċi li x’aktarx se jinteressaw lil dawk li tiltaqaʼ magħhom. Imbagħad ippjana kif se tintroduċi kull suġġett.

7. Kif tistaʼ tibda konversazzjoni maʼ xi ħadd, u għala taħseb li hu importanti li tismaʼ u turi rispett?

7 Pereżempju, tistaʼ tistaqsi lil inkwilin: “Jimporta nieħu l-​opinjoni tiegħek dwar xi ħaġa? Ħafna nies illum jiffaċċjaw problemi serji. Taħseb li hemm xi gvern li jistaʼ jsolvi l-​problemi tad-​dinja kollha?” Imbagħad tistaʼ tiddiskuti Danjel 2:44. Jew tistaʼ tgħid lil xi ħadd: “X’taħseb li jistaʼ jgħinek trabbi tfal bil-​għaqal? Nixtieq nismaʼ l-​opinjoni tiegħek.” Imbagħad iddiskuti Dewteronomju 6:6, 7. Ikun xi jkun is-​suġġett li tagħżel biex tiddiskuti, aħseb dwar in-​nies li se jisimgħuk. Immaġina kif se jibbenefikaw milli jitgħallmu x’tgħallem verament il-​Bibbja. Huwa importanti li meta titkellem magħhom, trid tismagħhom u tirrispetta l-​mod kif jaħsbuha. B’hekk, se tifhimhom aħjar, u x’aktarx ikunu jridu jisimgħuk iktar.

8. Għala għandna nibqgħu nipprovaw nagħmlu żjajjar lura?

8 Qabel ma persuna tiddeċiedi li tistudja l-​Bibbja, għandu mnejn ikollok bżonn tieħu l-​ħin u tagħmel sforz biex terġaʼ żżurha ħafna drabi. Għala? Għaliex in-​nies jistgħu ma jkunux id-​dar meta nerġgħu mmorru għandhom. Ukoll, forsi jkun hemm bżonn tmur diversi drabi qabel l-​inkwilin iħossu komdu biżżejjed miegħek biex jaċċetta studju tal-​Bibbja. Ftakar li pjanta x’aktarx se tikber iżjed meta tissaqqa regolarment. Bl-​istess mod, hemm iktar ċans li l-​imħabba taʼ persuna interessata għal Ġeħova u Kristu tikber meta b’mod regolari niddiskutu l-​Kelma t’Alla magħha.

HUMA L-​KRISTJANI KOLLHA INVOLUTI F’LI JAGĦMLU DIXXIPLI?

Xhieda madwar id-dinja huma involuti fit-tfittxija għal uħud li jistħoqqilhom (Ara paragrafi 9-10) *

9-10. Għala nistgħu ngħidu li kull Kristjan veru hu involut f’li jsib lil uħud taʼ qalb onesta?

9 Kull Kristjan veru hu involut f’li jgħin isib lil uħud taʼ qalb onesta. Aħna nistgħu nqabblu dax-​xogħol maʼ li jinstab tifel mitluf. B’liema mod? Ikkunsidra l-​eżempju veru taʼ tifel taʼ tliet snin li tbiegħed mid-​dar. Madwar 500 ruħ kienu involuti fit-​tfittxija għalih. Fl-​aħħar, xi 20 siegħa wara li ntilef it-​tifel, voluntier sab liċ-​ċkejken f’għalqa miżrugħa bil-​qamħ. Dan il-​voluntier ma riedx jieħu l-​krettu talli sab lit-​tifel. Hu qal: “Kienu mijiet taʼ nies li sabuh.”

10 Ħafna nies huma bħal dak it-​tifel. Iħossuhom mitlufin. M’għandhomx tama, imma jridu l-​għajnuna. (Efes. 2:12) ’Il fuq minn tmien miljun persuna fostna huma involuti f’li jipprovaw ifittxu lil dawn l-​uħud li jistħoqqilhom. Forsi personalment ma ssibx lil xi ħadd li jistudja l-​Bibbja miegħek. Madankollu, pubblikaturi oħra li jaħdmu l-​istess territorju jistgħu jsibu lil xi ħadd li jrid jitgħallem il-​verità misjuba fil-​Kelma t’Alla. Meta ħu jew oħt issib lil xi ħadd li jsir dixxiplu taʼ Kristu, kull min ħa sehem fit-​tfittxija għandu għal xiex jifraħ.

11. Anke jekk m’intix tikkonduċi studju tal-​Bibbja, b’liema modi oħra tistaʼ tgħin f’li tagħmel dixxipli?

11 Anke jekk fil-​preżent m’intix tikkonduċi studju tal-​Bibbja, int tistaʼ tgħin f’li tagħmel dixxipli b’modi oħra. Pereżempju, tistaʼ tilqaʼ lil uħud ġodda u tkun dħuli magħhom meta jiġu s-​Sala tas-​Saltna. B’dan il-​mod, tistaʼ tgħin biex tikkonvinċihom li l-​imħabba tidentifikana bħala Kristjani veri. (Ġw. 13:34, 35) Tistaʼ tgħinhom ukoll bit-​tweġibiet li tagħti waqt il-​laqgħat. Għalkemm ikunu qosra, in-​naturalezza u r-​rispett li turi huma evidenza li tagħti kas il-​mod taʼ kif iħossuhom oħrajn. Dan hu eżempju tajjeb għal dawk ġodda biex isegwuh. Tistaʼ wkoll takkumpanja lil pubblikatur ġdid fil-​ministeru u tgħinu juża l-​Iskrittura biex jirraġuna man-​nies. Billi tagħmel dan tkun qed tgħallmu jimita lil Kristu.—Lq. 10:25-28.

12. Neħtieġu xi abbiltajiet eċċezzjonali biex nagħmlu dixxipli? Spjega.

12 Ħadd minna m’għandu jaħseb li neħtieġu abbiltajiet eċċezzjonali biex ngħallmu lil oħrajn ikunu dixxipli taʼ Ġesù. Għala le? Aħseb ftit fl-​eżempju taʼ Faustina, li toqgħod il-​Bolivja. Ma kinitx taf taqra meta għall-​ewwel iltaqgħet max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Minn dak iż-​żmien ’l hawn, tgħallmet taqra sa ċertu punt. Hi issa mgħammda u tħobb tgħallem lil oħrajn. Ġeneralment, tikkonduċi ħames studji tal-​Bibbja kull ġimgħa. Għalkemm Faustina għadha ma taqrax tajjeb daqs il-​biċċa l-​kbira tal-​istudenti tagħha, hi għenet lil sitta min-​nies biex jitgħammdu.—Lq. 10:21.

13. Anke jekk ikollna ħafna x’nagħmlu, liema huma xi ftit mill-​barkiet li nistgħu ngawdu fix-​xogħol taʼ li nagħmlu dixxipli?

13 Ħafna Kristjani għandhom ħafna x’jagħmlu f’li jieħdu ħsieb responsabbiltajiet importanti. Xorta waħda, huma jsibu l-​ħin jikkonduċu studji tal-​Bibbja, u b’hekk jiksbu ħafna ferħ. Innota l-​eżempju taʼ Melanie. Hi omm li kienet tgħix l-​Alaska u rabbiet lil bintha taʼ tmien snin waħedha. Ukoll, kellha xogħol full-​time u kienet tieħu ħsieb ġenitur li kellu l-​kanċer. Melanie kienet l-​unika Xhud fil-​villaġġ imwarrab tagħha. Minħabba l-​ksieħ, kienet titlob għas-​saħħa biex tmur tipprietka għax tassew riedet issib lil xi ħadd maʼ min tkun tistaʼ tistudja l-​Bibbja. Fl-​aħħar iltaqgħet maʼ Sara, li ferħet mhux ftit meta saret taf li Alla għandu isem personali. Wara ftit, Sara aċċettat studju tal-​Bibbja. Melanie tgħid: “Il-​Ġimgħa filgħaxija kont inkun għajjiena mejta, imma jien u binti t-​tnejn ibbenefikajna billi ħriġna biex nikkonduċu dak l-​istudju. Ħadna gost infittxu t-​tweġibiet għall-​mistoqsijiet taʼ Sara, u konna ferħanin ħafna li narawha ssir ħabiba taʼ Ġeħova.” B’kuraġġ, Sara ssaportiet l-​oppożizzjoni, ħalliet ir-​reliġjon tagħha, u tgħammdet.

GĦANDNA BŻONN IL-​PAĊENZJA BIEX NAGĦMLU DIXXIPLI

14. (a) Dawk li jagħmlu dixxipli kif inhuma bħal sajjieda? (b) X’effett għandu fuqek il-​kliem imniżżel fit-​2 Timotju 4:1, 2?

14 Anke jekk il-​ministeru tiegħek jidher li mhux produttiv, taqtax qalbek li ssib uħud li jridu jsiru dixxipli. Ftakar li Ġesù qal li dawk li jagħmlu dixxipli huma bħal sajjieda. Dawn għandhom mnejn jaħdmu ħafna sigħat qabel jaqbdu l-​ħut. Spiss jaħdmu tard billejl jew kmieni filgħodu, u kultant ikollhom joħorġu jistadu ’l barra ħafna. (Lq. 5:5) Bl-​istess mod, xi wħud minn dawk li jagħmlu dixxipli jqattgħu ħafna sigħat bil-​paċenzja “jistadu” f’ħinijiet differenti u f’postijiet diversi. Għala? Sabiex ikollhom iktar ċans jiltaqgħu man-​nies. Dawk li jagħmlu dak l-​isforz żejjed spiss ikunu ppremjati f’li jiltaqgħu maʼ nies li jkunu interessati fil-​messaġġ tagħna. Tistaʼ tipprova tipprietka f’ħin tal-​ġurnata meta jkun iktar probabbli li tiltaqaʼ man-​nies jew f’post fejn iktar għandek ċans li ssibhom?—Aqra t-​2 Timotju 4:1, 2.

Għin bil-paċenzja lill-istudenti tiegħek biex isiru jafu, iħobbu, u jobdu lil Ġeħova (Ara paragrafi 15-16) *

15. Li tikkonduċi studji tal-​Bibbja għala jeħtieġ il-​paċenzja?

15 Għala neħtieġu l-​paċenzja biex nikkonduċu studji tal-​Bibbja? Raġuni waħda hi li hemm bżonn iżjed milli ngħinu lil student jitgħallem u jħobb it-​tagħlim tal-​Bibbja. Għandna bżonn ngħinuh jitgħallem u jħobb lill-​Awtur tal-​Bibbja, Ġeħova. U flimkien maʼ li ngħallmuh dak li Ġesù jirrikjedi mid-​dixxipli tiegħu, għandna bżonn ngħinuh jitgħallem kif jgħix bħala Kristjan veru. Aħna għandna ngħinuh bil-​paċenzja hekk kif jaħdem iebes biex ipoġġi l-​prinċipji tal-​Bibbja fil-​prattika. Xi wħud jirnexxilhom ibiddlu l-​ħsibijiet u d-​drawwiet tagħhom fi ftit xhur biss; oħrajn jieħdu iktar.

16. X’tgħallimt mill-​esperjenza li tinvolvi lil Raúl?

16 Missjunarju fil-​Perù kellu esperjenza li turi l-​benefiċċju taʼ li tkun paċenzjuż. “Kont studjajt żewġ kotba maʼ student tal-​Bibbja jismu Raúl,” jgħid il-​missjunarju. “Imma xorta sabha diffiċli japplika dak li tgħallem mill-​Bibbja. Fiż-​żwieġ tiegħu dejjem kien hemm l-​inkwiet, kien jitkellem ħażin ħafna, u wliedu sabuha diffiċli biex jirrispettawh minħabba l-​imġiba ħażina tiegħu. Kien jiġi l-​laqgħat regolarment, allura bqajt immur għandu biex ngħin lilu u l-​familja tiegħu. Wara iktar minn tliet snin li ltqajt miegħu, hu kkwalifika għall-​magħmudija.”

17. X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

17 Ġesù qalilna biex ‘immorru nagħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha.’ Biex inwettqu dax-​xogħol, spiss nitkellmu maʼ nies li t-​twemmin tagħhom ikun differenti minn tagħna. Uħud ma jħaddnu l-​ebda reliġjon jew lanqas biss jemmnu f’Alla. L-​artiklu li jmiss se jiddiskuti kif nistgħu nippreżentaw l-​aħbar tajba lil nies bħal dawn.

GĦANJA 68 Niżirgħu żerriegħa tas-​Saltna

^ par. 5 Il-​kongregazzjoni Kristjana għandha responsabbiltà prinċipali—li tgħin lin-​nies isiru dixxipli taʼ Kristu. Dan l-​artiklu fih suġġerimenti prattiċi li se jgħinuna nwettqu r-​responsabbiltà tagħna.

^ par. 2 ESPRESSJONI SPJEGATA: Id-​dixxipli taʼ Kristu jagħmlu iżjed milli jitgħallmu x’għallem Ġesù. Huma jpoġġu fil-​prattika dak li jitgħallmu. Huma jipprovaw isegwu mill-​qrib kemm jistaʼ jkun il-​passi, jew l-​eżempju, taʼ Ġesù.—1 Pt. 2:21.

^ par. 52 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Raġel li sejjer għal vaganza jaċċetta letteratura mingħand ix-​Xhieda f’ajruport. Iktar tard, waqt il-​vaganza, jara Xhieda oħrajn jippritkaw f’postijiet pubbliċi. Wara li jmur lura d-​dar, xi pubblikaturi jmorru għandu.

^ par. 54 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: L-​istess raġel jaċċetta studju tal-​Bibbja. Maż-​żmien jikkwalifika għall-​magħmudija.