Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 27

Ipprepara issa għall-persekuzzjoni

Ipprepara issa għall-persekuzzjoni

“Kulmin jixtieq jgħix bid-​devozzjoni lejn Alla fi sħubija maʼ Kristu Ġesù jkun persegwitat ukoll.”—2 TIM. 3:12.

GĦANJA 129 Aħna se nibqgħu nissaportu

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Għala għandna bżonn nippreparaw għall-​persekuzzjoni?

FIL-​lejl taʼ qabel ma nqatel il-​Mulej tagħna Ġesù, hu qal li dawk kollha li jagħżlu li jkunu dixxipli tiegħu kienu se jiġu mibgħudin. (Ġw. 17:14) S’issa, Kristjani leali ġew persegwitati minn dawk li jopponu l-​qima vera. (2 Tim. 3:12) Hekk kif it-​tmiem taʼ din is-​sistema qed joqrob iktar, aħna nistennew li l-​għedewwa tagħna jopponuna saħansitra iktar.—Mt. 24:9.

2-3. (a) X’għandna nkunu nafu dwar il-​biżaʼ? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Kif nistgħu nippreparaw lilna nfusna issa biex niffaċċjaw il-​persekuzzjoni? M’hemmx bżonn noqogħdu naħsbu dwar l-​affarijiet kollha li jistgħu jiġrulna. Jekk nagħmlu dan nistgħu ninħakmu mill-​biżaʼ u l-​ansjetà saħansitra qabel ma nkunu ffaċċjajna xi prova. (Prov. 12:25; 17:22) Il-​biżaʼ hija arma b’saħħitha li ‘l-​avversarju tagħna, ix-​Xitan,’ jipprova juża kontrina. (1 Pt. 5:8, 9) X’nistgħu nagħmlu issa biex insaħħu lilna nfusna?

3 F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw kif nistgħu nsaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova u għala huwa vitali li nagħmlu dan issa. Se niddiskutu wkoll kif jistaʼ jkollna iktar kuraġġ. U fl-​aħħar se neżaminaw x’nistgħu nagħmlu meta n-​nies jobogħduna.

KIF ISSAĦĦAĦ IL-​ĦBIBERIJA TIEGĦEK MAʼ ĠEĦOVA

4. Skont Ebrej 13:5, 6, minn xiex għandna nkunu konvinti, u għala?

4 Kun konvint li Ġeħova jħobbok u qatt mhu se jabbandunak. (Aqra Ebrej 13:5, 6.) Ħafna snin ilu, It-​Torri tal-​Għassa qal: “Min tassew jaf lil Alla se jafda l-​iktar fih waqt il-​persekuzzjoni.” Kemm hu veru dan! Biex niffaċċjaw il-​persekuzzjoni b’suċċess għandna nħobbu lil Ġeħova u nafdaw fih kompletament, u qatt ma niddubitaw li għandu affezzjoni lejna.—Mt. 22:36-​38; Ġak. 5:11.

5. X’se jgħinek tħoss l-​imħabba taʼ Ġeħova?

5 Aqra l-​Bibbja kuljum bil-​mira li tersaq eqreb lejn Ġeħova. (Ġak. 4:8) Hekk kif taqra, iffoka fuq il-​kwalitajiet sbieħ taʼ Ġeħova. Ħoss l-​imħabba u l-​affezzjoni tiegħu li jintwerew f’dak li jgħid u jagħmel. (Eżo. 34:6) Xi wħud jistaʼ jkun li jsibuha diffiċli jemmnu li Alla jħobbhom għax qatt ma ntwerew imħabba. Jekk tħossok b’dal-​mod ipprova agħmel lista kull ġurnata taʼ kif Ġeħova wera ħniena u qalb tajba miegħek. (Salm 78:38, 39; Rum. 8:32) Hekk kif tikkunsidra l-​esperjenza tiegħek u timmedita fuq dak li qrajt fil-​Kelma t’Alla, x’aktarx li se tkun tistaʼ tniżżel ħafna affarijiet li Ġeħova għamel għalik. Iktar ma tapprezza dak li jagħmel Ġeħova, iktar se tissaħħaħ il-​ħbiberija taʼ bejnietkom.—Salm 116:1, 2.

6. Skont Salm 94:17-19, talb mill-​qalb kif jistaʼ jgħinek?

6 Itlob regolarment. Immaġina tfajjel mgħannaq maʼ missieru li jħobbu. Tant iħossu protett li ma jibżax jitkellem miegħu kemm dwar l-​affarijiet tajbin u kemm dawk ħżiena li ġrawlu f’dik il-​ġurnata. Int tistaʼ tgawdi l-​istess tip taʼ relazzjoni jekk tersaq qrib Ġeħova b’talb mill-​qalb kuljum. (Aqra Salm 94:17-19.) Hekk kif titlob lil Ġeħova, “ferraʼ qalbek . . . bħall-​ilma” u għid lil Missierek kollu mħabba dwar il-​beżgħat u l-​ansjetajiet tiegħek. (Lam. 2:19) X’se jkun ir-​riżultat? Int se tesperjenza dik li l-​Bibbja ssejħilha “l-​paċi t’Alla li tisboq kull ħsieb.” (Flp. 4:6, 7) Iktar ma titlob b’dal-​mod, iktar se tħossok qrib Ġeħova.—Rum. 8:38, 39.

Il-kuraġġ jiġi meta jkollna fidi b’saħħitha f’Ġeħova u fis-Saltna tiegħu

Il-fidi taʼ Stanley Jones kienet b’saħħitha għax kien jaf dwar is-Saltna t’Alla u x’kienet se twettaq (Ara paragrafu 7)

7. Għala għandek tkun konvint li l-​wegħdi t’Alla dwar Saltnatu se jitwettqu?

7 Kun konvint li l-​barkiet tas-​Saltna t’Alla se jitwettqu. (Num. 23:19) Jekk il-​fidi tiegħek f’wegħdi bħal dawn hi dgħajfa, se jkun eħfef għal Satana u dawk li qegħdin fil-​kontroll tiegħu biex iwerwruk. (Prov. 24:10; Ebr. 2:15) Kif tistaʼ ssaħħaħ il-​fidi tiegħek issa fis-​Saltna t’Alla? Ħu l-​ħin biex tistudja l-​wegħdi t’Alla dwar is-​Saltna tiegħu u r-​raġunijiet għala tistaʼ tkun ċert li se jitwettqu. Dan kif jistaʼ jgħinek? Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Stanley Jones, li kien mitfugħ il-​ħabs għal sebaʼ snin minħabba l-​fidi tiegħu. * X’għenu jissaporti lealment? Hu qal: “Il-​fidi tiegħi kienet b’saħħitha għax kont naf dwar is-​Saltna t’Alla u x’kienet se twettaq, u qatt ma ddubitajtu dan. B’hekk, ħadd ma setaʼ jbegħedni minn Ġeħova.” Jekk għandek fidi b’saħħitha fil-​wegħdi t’Alla, int se tersaq eqreb lejh u mhux se tħalli l-​biżaʼ twaqqfek milli taqdih.—Prov. 3:25, 26.

8. X’turina l-​attitudni tagħna lejn l-​attendenza għal-​laqgħat? Spjega.

8 Attendi regolarment il-​laqgħat Kristjani. Il-​laqgħat jgħinuna nersqu eqreb lejn Ġeħova. L-​attitudni tagħna lejn l-​attendenza għal-​laqgħat isservi biex turina kemm se nissaportu sew il-​persekuzzjoni fil-​futur. (Ebr. 10:24, 25) Għala nistgħu ngħidu dan? Jekk inħallu ostakli żgħar iwaqqfuna milli nattendu l-​laqgħat issa, x’se nagħmlu fil-​futur jekk ikollna nirriskjaw is-​sigurtà tagħna biex niltaqgħu maʼ ħutna? Mill-​banda l-​oħra, jekk inkunu determinati li nattendu l-​laqgħat, mhux se nċedu meta dawk li jopponuna jipprovaw iwaqqfuna milli niltaqgħu flimkien. Issa l-​waqt li niżviluppaw l-​imħabba għal-​laqgħat. Meta nkunu nħobbu nattendu l-​laqgħat, l-​ebda oppożizzjoni, lanqas xi liġi tal-​gvern li tipprojbixxi l-​laqgħat tagħna, mhi se twaqqafna milli nobdu lil Alla.—Atti 5:29.

Li titgħallem bl-amment skritturi u għanjiet tas-Saltna issa se jkun t’għajnuna kbira waqt il-persekuzzjoni (Ara paragrafu 9) *

9. Li titgħallem bl-​amment l-​iskritturi għala hu mod tajjeb kif tipprepara għall-​persekuzzjoni?

9 Tgħallem bl-​amment l-​iskritturi favoriti tiegħek. (Mt. 13:52) Il-​memorja tiegħek forsi mhix perfetta, imma Ġeħova jistaʼ juża l-​forza tal-​ispirtu qaddis tiegħu biex ifakkrek f’dawk l-​iskritturi. (Ġw. 14:26) Innota x’qal ħu li kien il-​ħabs fil-​Ġermanja tal-​Lvant u maqful f’ċella waħdu: “Kemm kont ferħan li sa dak iż-​żmien kont tgħallimt mijiet taʼ skritturi bl-​amment! Stajt nimla dawk il-​ġranet vojta billi nimmedita fuq varjetà taʼ suġġetti Bibliċi.” Dawn l-​iskritturi għenu lil ħuna biex jibqaʼ qrib Ġeħova u jissaporti lealment.

(Ara paragrafu 10) *

10. Għala għandna nitgħallmu bl-​amment għanjiet li jfaħħru lil Ġeħova?

10 Tgħallem bl-​amment u kanta għanjiet li jfaħħru lil Ġeħova mill-​ktieb u l-​websajt tagħna. Meta Pawlu u Sila kienu mitfugħin il-​ħabs f’Filippi, huma kantaw għanjiet li kienu jafu biex ifaħħru lil Ġeħova. (Atti 16:25) B’mod simili, meta ħutna f’dik li qabel kienet l-​Unjoni Sovjetika ġew eżiljati s-​Siberja, kif saħħew lilhom infushom? Oħtna Mariya Fedun tiftakar: “Aħna kantajna għanjiet li konna nafu, dawk mill-​ktieb tal-​għanjiet.” Hi qalet li dawk l-​għanjiet inkuraġġewhom u għenuhom iħossuhom eqreb lejn Ġeħova. Tħossok inkuraġġit meta tkanta l-​għanja favorita tiegħek mill-​ktieb u l-​websajt tagħna? Allura tgħallimha bl-​amment issa!—Ara l-​kaxxa “ Agħtini l-​kuraġġ.”

KIF IKOLLOK IŻJED KURAĠĠ

11-12. (a) Skont l-​1 Samwel 17:37, 45-47, David għala kien kuraġġuż? (b) Liema lezzjoni importanti nitgħallmu mill-​eżempju taʼ David?

11 Biex tiffaċċja l-​persekuzzjoni, teħtieġ il-​kuraġġ. X’tistaʼ tagħmel jekk tħoss li m’intix kuraġġuż? Ftakar li l-​kuraġġ veru ma jiddependix mid-​daqs, is-​saħħa, jew l-​abbiltà tiegħek. Ikkunsidra l-​eżempju taż-​żagħżugħ David meta ffaċċja lil Gulija. Imqabbel mal-​ġgant, David kien iżgħar, inqas b’saħħtu, u mhux armat sew għall-​ġlieda. Lanqas sejf ma kellu. Madankollu, hu kien mimli kuraġġ, u ġera biex jiġġieled maʼ dal-​ġgant arroganti.

12 David għala kien daqshekk kuraġġuż? B’konvinzjoni emmen li Ġeħova kien miegħu. (Aqra l-​1 Samwel 17:37, 45-47.) David ma kkonċentrax fuq kemm kien ikbar minnu Gulija. Minflok, iffoka fuq kemm Gulija kien jidher żgħir meta mqabbel maʼ Ġeħova. X’nitgħallmu minn dan ir-​rakkont? Aħna se nħossuna kuraġġużi jekk inkunu fiduċjużi li Ġeħova hu magħna u jekk aħna ċerti li l-​opponenti tagħna huma żgħar meta mqabblin m’Alla li Jistaʼ Kollox. (2 Kron. 20:15; Salm 16:8) Kif jistaʼ jkollna iżjed kuraġġ issa—qabel ma tiġi l-​persekuzzjoni?

13. Kif jistaʼ jkollna iżjed kuraġġ? Spjega.

13 Aħna jistaʼ jkollna iżjed kuraġġ issa billi nippritkaw l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla pubblikament. Għala? Għax l-​ippritkar jgħallimna nafdaw f’Ġeħova u negħlbu kull biżaʼ mill-​bniedem. (Prov. 29:25) L-​istess bħalma l-​muskoli jissaħħu meta nittrennjaw, il-​kuraġġ tagħna jissaħħaħ meta nippritkaw minn dar għal dar, f’postijiet pubbliċi, b’mod informali, u f’territorju taʼ negozju. Jekk niżviluppaw il-​kuraġġ biex nippritkaw issa, se nkunu preparati sew biex nibqgħu nippritkaw anke jekk xogħolna jkun projbit.—1 Tess. 2:1, 2.

Nancy Yuen irrifjutat li tieqaf tipprietka l-aħbar tajba (Ara paragrafu 14)

14-15. X’nistgħu nitgħallmu minn Nancy Yuen u Valentina Garnovskaya?

14 Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​eżempju taʼ żewġ aħwa nisa leali li wrew kuraġġ kbir. Nancy Yuen ma kienx fiha iktar minn metru u nofs, imma ma kinitx tiġi mbeżżgħa malajr. * Hi rrifjutat li tieqaf tipprietka l-​aħbar tajba tas-​Saltna t’Alla. B’hekk, ġiet mitfugħa l-​ħabs għal 20 sena fiċ-​Ċina Komunista. L-​uffiċjali li interrogawha qalu li kienet “l-​iktar persuna rasha iebsa” f’pajjiżhom.

Valentina Garnovskaya kienet konvinta li Ġeħova kien magħha (Ara paragrafu 15)

15 B’mod simili, Valentina Garnovskaya ġiet mitfugħa l-​ħabs tliet darbiet f’dik li kienet l-​Unjoni Sovjetika u qattgħet total taʼ 21 sena. * Għala? Hi tant kienet determinata li tibqaʼ tipprietka li l-​uffiċjali sejħulha “kriminal perikoluż ferm.” X’għen lil dawn iż-​żewġ aħwa nisa leali jkunu daqstant kuraġġużi? Huma kienu konvinti li Ġeħova kien magħhom.

16. X’inhu s-​sigriet biex inkunu verament kuraġġużi?

16 Kif iddiskutejna, biex ikollna iżjed kuraġġ m’għandniex niffokaw fuq is-​saħħa u l-​abbiltajiet tagħna. Minflok, għandna nemmnu li Ġeħova qiegħed magħna u li qed jiġġieled għalina. (Dt. 1:29, 30; Żak. 4:6) Dan hu s-​sigriet biex inkunu verament kuraġġużi.

X’TISTAʼ TAGĦMEL META N-​NIES JOBOGĦDUK

17-18. Bħalma hu mniżżel fi Ġwanni 15:18-​21, Ġesù xi twissija tana? Spjega.

17 Aħna nieħdu gost meta oħrajn jirrispettawna, imma m’għandniex naħsbu li ma niswew għal xejn meta ma jħobbuniex. Ġesù qal: “Henjin intom kulmeta n-​nies jobogħdukom, u kulmeta jwarrbukom u jmaqdrukom u jarmu isimkom bħala xi ħaġa ħażina minħabba Bin il-​bniedem.” (Lq. 6:22) X’ried ifisser Ġesù b’dan?

18 Ġesù ma kienx qed jgħid li l-​Kristjani kienu se jieħdu gost ikunu mibgħudin. Minflok kien qed iwissina dwar x’kellu jiġrilna. Aħna m’aħniex parti mid-​dinja. Aħna ngħixu fi qbil mat-​tagħlim taʼ Ġesù u nippritkaw il-​messaġġ li pprietka hu. B’hekk, id-​dinja tobgħodna. (Aqra Ġwanni 15:18-21.) Aħna rridu nogħġbu lil Ġeħova. Jekk in-​nies jobogħduna għax inħobbu lil Missierna, dik problema tagħhom.

19. Kif nistgħu nimitaw l-​eżempju tal-​appostli?

19 Tħalli xejn li sempliċi bnedmin jgħidu jew jagħmlu jġiegħlek tistħi li int wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. (Mik. 4:5) Aħna nistgħu nitgħallmu nittrattaw mal-​biżaʼ mill-​bniedem billi nikkunsidraw l-​eżempju li ħallewlna l-​appostli f’Ġerusalemm ftit wara li nqatel Ġesù. Huma kienu jafu kemm il-​mexxejja reliġjużi Lhud kienu jobogħduhom. (Atti 5:17, 18, 27, 28) Madankollu, kuljum komplew imorru t-​tempju u juru li kienu d-​dixxipli taʼ Ġesù billi ppritkaw. (Atti 5:42) Huma ma ħallewx il-​biżaʼ twaqqafhom. Aħna wkoll nistgħu negħlbu l-​biżaʼ tagħna mill-​bniedem billi ngħidu lin-​nies li aħna Xhieda taʼ Ġeħova, kemm jekk qegħdin ix-​xogħol, l-​iskola, jew fejn ngħixu.—Atti 4:29; Rum. 1:16.

20. Għalkemm kienu mibgħudin, l-​appostli għala kienu ferħanin?

20 L-​appostli għala kienu ferħanin? Huma kienu jafu għala n-​nies jobogħduhom, u qisuh bħala unur li jiġu trattati ħażin talli għamlu r-​rieda taʼ Ġeħova. (Lq. 6:23; Atti 5:41) Iktar tard, l-​appostlu Pietru kiteb: “Anki jekk ikollkom issofru minħabba s-​sewwa, tkunu henjin.” (1 Pt. 2:19-21; 3:14) Meta nifhmu li n-​nies jobogħduna għax qed nagħmlu dak li hu tajjeb, qatt mhu se nħallu din il-​mibegħda twaqqafna milli naqdu lil Ġeħova.

SE TIBBENEFIKA JEKK TKUN PREPARAT

21-22. (a) Xi ddeċidejt li tagħmel biex tkun preparat għall-​persekuzzjoni? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

21 Aħna ma nafux meta n-​nies se jibdew jippersegwitawna jew meta l-​gvernijiet forsi jipprojbixxu l-​qima tagħna lejn Ġeħova. Minkejja dan, aħna nafu li nistgħu nippreparaw issa billi nsaħħu l-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova, billi jkollna iżjed kuraġġ, u billi nitgħallmu x’nistgħu nagħmlu meta n-​nies jobogħduna. Il-​preparamenti li nagħmlu issa se jgħinuna nkomplu naqdu lil Ġeħova fil-​futur.

22 Imma xi ngħidu jekk il-​qima tagħna tkun projbita? Fl-​artiklu li jmiss se niddiskutu prinċipji Bibliċi li se jgħinuna nkomplu naqdu lil Ġeħova anke meta l-​qima tagħna tkun projbita.

GĦANJA 118 “Agħtina iktar fidi”

^ par. 5 Aħna ma rridux inkunu mibgħudin. Imma llum jew għada, ilkoll kemm aħna jkollna niffaċċjaw il-​persekuzzjoni. Dan l-​artiklu se jgħinna nkunu kuraġġużi u  ppreparati għall-​persekuzzjoni.

^ par. 7 Ara It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 taʼ Diċembru 1965, pp. 756-​767.

^ par. 14 Ara l-​vidjow L-​isem taʼ Ġeħova se jsir magħruf fuq JW Broadcasting®. Mur fuq VIDJOWS REKORDJATI > INTERVISTI U ESPERJENZI > MILL-​ARKIVJI TAGĦNA.

^ par. 67 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Waqt il-​qima bħala familja, il-​ġenituri jużaw kards li jkollhom vers fuq naħa u l-​kliem tiegħu miktub fuq in-​naħa l-​oħra biex jgħinu lil uliedhom jitgħallmuh bl-​amment.

^ par. 70 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Fi triqitha lejn il-​laqgħa, familja tkanta għanjiet tas-​Saltna fil-​karozza.