Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 40

Ibqaʼ bieżel fl-aħħar tal-“aħħar jiem”

Ibqaʼ bieżel fl-aħħar tal-“aħħar jiem”

“Ibqgħu sodi, titħarrkux, waqt li dejjem ikollkom ħafna x’tagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.”—1 KOR. 15:58.

GĦANJA 58 Infittxu għal ħbieb tas-​sliem

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’jikkonvinċina li qed ngħixu “fl-​aħħar jiem”?

JEKK int twelidt wara l-​1914, mela qed tgħix “fl-​aħħar jiem” taʼ din is-​sistema. (2 Tim. 3:1) Kull wieħed minna semaʼ bi ġrajjiet li Ġesù bassar li kellhom jiġru f’daż-​żmien. Dawn jinkludu gwerer, nuqqas taʼ ikel, terremoti, mard li jittieħed, żieda fil-​ħażen, u l-​persekuzzjoni fuq il-​poplu taʼ Ġeħova. (Mt. 24:3, 7-​9, 12; Lq. 21:10-​12) Aħna rajna wkoll nies jaġixxu bil-​mod li bassar l-​appostlu Pawlu. (Ara l-​kaxxa “ Kif inhuma n-​nies illum.”) Bħala Xhieda taʼ Ġeħova, aħna konvinti li qed ngħixu matul “l-​aħħar parti tal-​jiem.”—Mik. 4:1.

2. X’mistoqsijiet għandna bżonn inwieġbu?

2 Peress li għadda ħafna żmien mill-​1914 ’l hawn, bilfors li qed ngħixu fl-​aħħar tal-​“aħħar jiem.” Ladarba t-​tmiem hu daqshekk viċin, għandna bżonn inkunu nafu t-​tweġibiet għal xi mistoqsijiet importanti: Xi ġrajjiet se jseħħu fit-​tmiem tal-​“aħħar jiem”? Ġeħova xi jridna nagħmlu waqt li qed nistennew dawn l-​affarijiet jiġru?

X’SE JIĠRI FL-​AĦĦAR TAL-​“AĦĦAR JIEM”?

3. Skont il-​profezija tal-​1 Tessalonikin 5:1-3, xi stqarrija se jagħmlu l-​mexxejja tad-​dinja?

3 Aqra l-​1 Tessalonikin 5:1-​3. Pawlu jsemmi “jum Ġeħova.” F’dan il-​kuntest, dan jirreferi għall-​perjodu li jibda bl-​attakk fuq “Babilonja l-​Kbira,” l-​imperu dinji taʼ reliġjon falza, u jispiċċa b’Armageddon. (Riv. 16:14, 16; 17:5) Eżatt qabel jibda dal-​“jum,” il-​mexxejja tad-​dinja se jgħidu li hemm “Paċi u sigurtà!” Kultant mexxejja tad-​dinja jużaw espressjonijiet simili meta jitkellmu dwar li jtejbu r-​relazzjonijiet taʼ bejn il-​pajjiżi. * Però, l-​istqarrija taʼ “paċi u sigurtà” li titkellem dwarha l-​Bibbja hija differenti. Għala? Meta din se tiġri, ħafna nies se jaħsbu li l-​mexxejja tad-​dinja rnexxielhom jagħmlu d-​dinja post iktar sigur. Imma fir-​realtà, it-​“tribulazzjoni l-​kbira” tkun se tibda u mbagħad ikun hemm “qerda f’daqqa.”—Mt. 24:21.

Tiġix imqarraq meta l-mexxejja tad-dinja jagħmlu stqarrija falza li hemm “paċi u sigurtà” (Ara paragrafi 3-6) *

4. (a) X’għad irridu nkunu nafu dwar l-​istqarrija taʼ “paċi u sigurtà”? (b) X’diġà nafu dwar l-​istqarrija?

4 Dwar l-​istqarrija taʼ “paċi u sigurtà” aħna nafu xi affarijiet. Però, hemm affarijiet li ma nafux. Ma nafux x’se jwassal lill-​mexxejja biex jgħidu dan jew kif se jagħmlu l-​istqarrija. U ma nafux jekk hix se tkun biss stqarrija waħda jew serje taʼ stqarrijiet. Jiġri x’jiġri, aħna nafu dan: M’għandna nħallu xejn iġegħelna nemmnu li l-​mexxejja umani jistgħu jġibu l-​paċi fid-​dinja. Minflok, din hi l-​istqarrija li l-​Bibbja tgħidilna biex noqogħdu attenti għaliha. Hi s-​sinjal li “jum Ġeħova” se jibda dalwaqt!

5. L-​1 Tessalonikin 5:4-​6 kif jgħinna nkunu lesti għal “jum Ġeħova”?

5 Aqra l-​1 Tessalonikin 5:4-6. It-​twissija taʼ Pawlu tgħidilna kif nistgħu nkunu ċerti li aħna lesti għal “jum Ġeħova.” M’għandniex ‘nibqgħu reqdin bħalma jagħmlu l-​oħrajn.’ Għandna “nibqgħu mqajmin.” Pereżempju, għandna bżonn noqogħdu attenti li nibqgħu newtrali billi qatt ma ninvolvu ruħna fi kwistjonijiet politiċi. Jekk ninvolvu ruħna f’dawn l-​affarijiet, nistgħu nsiru “parti mid-​dinja.” (Ġw. 15:19) Aħna nafu li s-​Saltna t’Alla hi l-​unika tama għall-​paċi fid-​dinja.

6. Xi rridu ngħinu lil oħrajn jagħmlu, u għala?

6 Minbarra li nibqgħu mqajmin aħna, irridu wkoll ngħinu lil oħrajn jistenbħu għal dak li l-​Bibbja bassret li se jiġri fid-​dinja. Dan issa għandna bżonn nagħmluh għax meta tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, se jkun tard wisq għan-​nies biex jibdew jaqdu lil Ġeħova. Dan hu għala x-​xogħol tal-​ippritkar tagħna huwa daqstant urġenti! *

IBQAʼ BIEŻEL FL-​IPPRITKAR

Hekk kif illum nippritkaw, aħna nuru li s-Saltna t’Alla biss tistaʼ ġġib paċi u sigurtà vera fid-dinja (Ara paragrafi 7-9)

7. Ġeħova xi jridna nagħmlu issa?

7 Fiż-​żmien qasir li fadal qabel il-​“jum” tiegħu jibda, Ġeħova jridna nibqgħu beżlin fix-​xogħol tal-​ippritkar. Jeħtieġ inkunu ċerti li qed ‘ikollna ħafna x’nagħmlu fix-​xogħol tal-​Mulej.’ (1 Kor. 15:58) Ġesù bassar x’konna se nagħmlu. Meta tkellem dwar is-​sinjali importanti kollha li kellhom jiġru fl-​aħħar jiem, hu żied: “Ukoll, l-​ewwel trid tiġi pridkata l-​aħbar tajba fil-​ġnus kollha.” (Mk. 13:4, 8, 10; Mt. 24:14) Aħseb ftit: Kull darba li toħroġ fil-​ministeru, int tgħin biex titwettaq din il-​profezija tal-​Bibbja!

8. Kif nafu li x-​xogħol tal-​ippritkar qed ikollu suċċess?

8 X’nistgħu ngħidu fuq is-​suċċess tax-​xogħol tal-​ippritkar? Sena wara oħra, iktar nies qed jisimgħu l-​aħbar tajba tas-​Saltna. Pereżempju, aħseb kif żdied in-​numru taʼ pubblikaturi madwar id-​dinja matul l-​aħħar jiem. Fl-​1914, kien hemm 5,155 pubblikatur fi 43 pajjiż. Illum, hemm madwar 8,500,000 pubblikatur f’240 pajjiż! Minkejja dan kollu, ix-​xogħol tagħna għadu mhux lest. Aħna għandna nibqgħu ngħidu lil oħrajn li s-​Saltna t’Alla hi l-​unika soluzzjoni għall-​problemi kollha tal-​bnedmin.—Salm 145:11-​13.

9. Għala għandna nibqgħu nippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna?

9 Ix-​xogħol tagħna tal-​ippritkar dwar is-​Saltna se jispiċċa meta Ġeħova jgħid li hu lest. Kemm fadal żmien biex in-​nies jieħdu l-​għarfien dwar Alla Ġeħova u Ġesù Kristu? (Ġw. 17:3) Ma nafux. Dak li nafu hu li sakemm tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, nies li għandhom “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem” jistgħu jaċċettaw l-​aħbar tajba u jagħżlu li jaqdu lil Ġeħova. (Atti 13:48) Kif nistgħu ngħinu lil dawn in-​nies qabel ikun tard wisq?

10. X’għajnuna qed jagħtina Ġeħova biex ngħallmu l-​verità lin-​nies?

10 Permezz tal-​organizzazzjoni tiegħu, Ġeħova qed jagħtina dak kollu li għandna bżonn biex ngħallmu l-​verità lin-​nies. Pereżempju, kull ġimgħa fil-​laqgħa taʼ matul il-​ġimgħa aħna nirċievu taħriġ. Din il-​laqgħa tgħinna nkunu nafu x’għandna ngħidu fl-​ewwel konversazzjoni u fiż-​żjajjar lura. U tgħallimna kif nikkonduċu studji tal-​Bibbja. L-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova pprovdiet ukoll l-​affarijiet li għandna fil-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim tagħna. Dawn jgħinuna biex . . .

  • nibdew konversazzjonijiet,

  • nippreżentaw il-​messaġġ tagħna b’mod interessanti,

  • ngħinu lin-​nies ikunu jridu jitgħallmu iktar dwar il-​Bibbja,

  • ngħallmu l-​verità fl-​istudji tal-​Bibbja, u

  • nistiednu lil dawk interessati jidħlu fil-​websajt tagħna u jiġu fis-​Sala tas-​Saltna.

Però, li jkollna l-​għodda mhux biżżejjed. Għandna nużawha. * Pereżempju, jekk wara konversazzjoni sabiħa maʼ xi ħadd interessat tħalli fuljett jew rivista, dan se jkun jistaʼ jaqraha sakemm terġaʼ żżuru. Hija r-​responsabbiltà personali tagħna li nibqgħu beżlin kemm nistgħu kull xahar fix-​xogħol tal-​ippritkar.

11. Għala saru l-​Lezzjonijiet tal-​Bibbja onlajn?

11 Bħala eżempju ieħor taʼ kif Ġeħova qed jgħin lin-​nies jitgħallmu l-​verità, ikkunsidra l-​Lezzjonijiet tal-​Bibbja onlajn li hemm fuq jw.org®. (Mur fuq BIBLE TEACHINGS > ONLINE LESSONS.) Dawn il-​lezzjonijiet għala saru? Kull xahar, numru kbir ħafna taʼ nies minn madwar id-​dinja jfittxu fuq l-​Internet għal lezzjonijiet tal-​Bibbja. Dawn il-​lezzjonijiet fuq il-​websajt tagħna jistgħu jgħinu lin-​nies jibdew jitgħallmu l-​verità tal-​Kelma t’Alla. Ukoll, xi nies li titkellem magħhom forsi jkunu bejn ħaltejn jekk jaċċettawx studju tal-​Bibbja personali. Għalhekk, urihom din is-​sezzjoni fuq il-​websajt tagħna jew ibagħtilhom link għal-​lezzjonijiet. *

12. X’tistaʼ titgħallem persuna mil-​Lezzjonijiet tal-​Bibbja onlajn?

12 Il-​Lezzjonijiet tal-​Bibbja onlajn tagħna jiddiskutu dawn is-​suġġetti: “Il-​Bibbja u l-​Awtur tagħha,” “Il-​karattri prinċipali tal-​Bibbja,” u “Il-​messaġġ taʼ tama mill-​Bibbja.” Waqt li tistudja dawn il-​lezzjonijiet, persuna se titgħallem:

  • Kif il-​Bibbja tistaʼ tgħin lil persuna

  • Min huma Ġeħova, Ġesù, u l-​anġli

  • Għala Alla ħalaq lill-​bnedmin

  • Għala jeżistu t-​tbatija u l-​ħażen

Il-​lezzjonijiet jiddiskutu wkoll kif Ġeħova se . . .

  • itemm it-​tbatija u l-​mewt,

  • jirxoxta l-​mejtin, u

  • ibiddel it-​tmexxija falluta tal-​gvernijiet umani mas-​Saltna t’Alla.

13. Il-​lezzjonijiet onlajn qegħdin biex jieħdu post l-​arranġament tal-​istudju tal-​Bibbja? Spjega.

13 Il-​lezzjonijiet onlajn ma jiħdux post l-​arranġament tal-​istudju tal-​Bibbja. Ġesù tana l-​privileġġ li nagħmlu dixxipli. Aħna nittamaw li wħud interessati jistudjaw il-​lezzjonijiet onlajn, japprezzaw dak li jitgħallmu, u jkunu jridu jafu iktar. Jekk jagħmlu dan, forsi jaċċettaw studju tal-​Bibbja. Fl-​aħħar taʼ kull lezzjoni, il-​qarrej hu mistieden jimla rikjesta biex ikollu għalliem personali ħalli jistudja l-​Bibbja miegħu. Kuljum, permezz tal-​websajt l-​organizzazzjoni tirċievi madwar 230 talba għal studju tal-​Bibbja minn madwar id-​dinja kollha! Li wieħed jistudja maʼ persuna oħra huwa importanti ħafna!

IBQAʼ PPROVA AGĦMEL DIXXIPLI

14. Skont il-​kmand li tana Ġesù mniżżel f’​Mattew 28:19, 20, x’għandna nipprovaw nagħmlu mill-​aħjar li nistgħu, u għala?

14 Aqra Mattew 28:19, 20. Hekk kif nikkonduċu studji tal-​Bibbja, għandna nipprovaw nagħmlu mill-​aħjar li nistgħu biex ‘nagħmlu dixxipli, u ngħallmuhom josservaw dak kollu li [Ġesù] ordnalna.’ Għandna bżonn ngħinu lin-​nies jifhmu kemm hu importanti għalihom li jagħżlu li jaqdu lil Ġeħova u jissapportjaw is-​Saltna tiegħu. Dan ifisser li nipprovaw nimmotivaw lin-​nies jagħmlu l-​verità tagħhom billi japplikaw dak li jitgħallmu, jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova, u jitgħammdu. Huwa biss wara dan kollu li se jsalvaw f’jum Ġeħova.—1 Pt. 3:21.

15. Għal xiex m’għandniex ħin, u għala?

15 Kif għedna qabel, fadal biss ftit żmien qabel it-​tmiem taʼ din is-​sistema. Għal din ir-​raġuni, m’għandniex ħin nibqgħu nistudjaw il-​Bibbja maʼ nies li ma jagħmlux bidliet f’ħajjithom biex juru li jridu jaqdu lil Ġeħova. (1 Kor. 9:26) Xogħolna hu urġenti! Għad hemm ħafna nies li għadhom ma semgħux bil-​messaġġ tas-​Saltna qabel jiġi t-​tmiem.

KUN ĊERT LI M’INTIX PARTI MIR-​RELIĠJON FALZA

16. Skont Rivelazzjoni 18:2, 4, 5, 8, x’għandna nagħmlu lkoll? (Ara wkoll in-​nota taʼ taħt.)

16 Aqra Rivelazzjoni 18:2, 4, 5, 8. Dawn il-​versi juru xi ħaġa oħra li Ġeħova jrid lill-​qaddejja tiegħu jagħmlu. Il-​Kristjani veri kollha għandhom jagħmlu ċert li ma jinvolvux ruħhom maʼ Babilonja l-​Kbira. Qabel tgħallem il-​verità, student tal-​Bibbja setaʼ kien membru taʼ xi reliġjon falza. Forsi kien jattendi servizzi reliġjużi jew jieħu sehem fl-​attivitajiet tagħha. Jew jistaʼ jkun li ta xi flus lil din l-​organizzazzjoni. Qabel ma student tal-​Bibbja jistaʼ jkun approvat bħala pubblikatur mhux mgħammed, hu jrid jagħmel ċert li m’għadux parti mir-​reliġjon falza. Għandu jikteb ittra lill-​knisja fejn kien jattendi jew lil xi organizzazzjoni oħra li għandha x’taqsam mar-​reliġjon falza biex jgħidilha li m’għadux membru tagħha. *

17. Liema xogħol għandu jevita Kristjan, u għala?

17 Kristjan veru għandu jagħmel ċert li x-​xogħol tiegħu m’għandux x’jaqsam b’xi mod mar-​reliġjon falza. (2 Kor. 6:14-​17) Pereżempju, hu qatt mhu se jkun impjegat mal-​knisja. Apparti minn hekk, Kristjan li jaħdem maʼ kumpanija, pereżempju bħala plumber jew electrician, mhux se jkun irid jagħmel ħafna xogħol f’bini li jintuża għall-​qima falza. U jekk jaħdem għal rasu, hu żgur li mhux se jsib xogħol jew jaċċetta offerta li għandha x’taqsam maʼ Babilonja l-​Kbira. Aħna għala nieħdu din il-​waqfa soda? Għax ma rridux li jkollna x’naqsmu b’xi mod mat-​tagħlim falz u prattiki ħżiena tar-​reliġjon falza, li Alla jgħid li mhumiex nodfa.—Is. 52:11. *

18. Ħu kif obda prinċipji Bibliċi f’xogħlu?

18 Snin ilu, anzjan li jaħdem għal rasu rċieva offerta mingħand kuntrattur biex jaċċetta biċċa xogħol tal-​injam żgħira fi knisja fil-​lokalità tal-​ħu. Il-​kuntrattur kien jaf li l-​ħu dejjem qal li qatt mhu se jagħmel xogħol fi knejjes. Imma issa l-​kuntrattur kien iddisprat biex isib lil xi ħadd. Minkejja dan, il-​ħu żamm sod mal-​prinċipji tal-​Bibbja u rrifjuta x-​xogħol. Il-​ġimgħa taʼ wara, gazzetta lokali ġabet ritratt tar-​raġel l-​ieħor li aċċetta x-​xogħol iwaħħal salib mal-​knisja. Kieku l-​ħu ma żammx mal-​prinċipji tal-​Bibbja, setaʼ kien hu f’dik il-​gazzetta. Aħseb xi ħsara dan kien ikollu fuq ir-​reputazzjoni tiegħu mal-​aħwa! Aħseb, ukoll, kif kien se jħossu Ġeħova.

X’TGĦALLIMNA?

19-20. (a) X’tgħallimna s’issa? (b) X’għandna bżonn nitgħallmu iktar?

19 Il-​Bibbja tgħid li l-​profezija importanti li jmiss titwettaq dalwaqt, se tkun meta l-​mexxejja tad-​dinja jistqarru li hemm “paċi u sigurtà.” Grazzi għal dak li għallimna Ġeħova, aħna nafu li l-​ġnus mhux se jġibu paċi vera u dejjiema. X’għandna nagħmlu qabel din il-​ġrajja sseħħ u tiġi l-​qerda f’daqqa? Ġeħova jridna nibqgħu beżlin nippritkaw il-​messaġġ tas-​Saltna u nipprovaw nagħmlu iktar dixxipli. Fl-​istess ħin, għandna bżonn nibqgħu separati mir-​reliġjonijiet foloz kollha. Dan ifisser ukoll li għandna nieqfu nkunu membri taʼ Babilonja l-​Kbira u ma nagħmlux xogħol li għandu x’jaqsam magħha.

20 Hemm ġrajjiet oħra li se jiġru fl-​aħħar tal-​“aħħar jiem.” Hemm ukoll affarijiet oħra li Ġeħova jridna nagħmlu. Dawn x’inhuma, u kif nistgħu nippreparaw lilna nfusna għal dak kollu li ġej fil-​futur qarib? Se naraw dan fl-​artiklu li jmiss.

GĦANJA 71 Aħna l-​armata taʼ Ġeħova!

^ par. 5 Aħna qed nistennew li dalwaqt nisimgħu lill-​mexxejja tad-​dinja jgħidu li rnexxielhom iġibu “paċi u sigurtà!” Dan se jkun is-​sinjal li t-​tribulazzjoni l-​kbira tkun se tibda. Ġeħova xi jridna nagħmlu sakemm issir din l-​istqarrija? Dan l-​artiklu se jgħinna nsibu t-​tweġiba.

^ par. 3 Pereżempju, fuq il-​websajt tagħha l-​Ġnus Magħquda tgħid li hi “żżomm paċi u sigurtà internazzjonali.”

^ par. 6 Ara l-​artiklu “Il-​ġudizzji t’Alla—Dejjem iwissi biżżejjed?” f’din il-​ħarġa.

^ par. 10 Għal informazzjoni dwar kif tuża l-​affarijiet fil-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim, ara l-​artiklu “Ngħallmu l-​verità” fil-​ħarġa taʼ Ottubru 2018 tat-​Torri tal-​Għassa.

^ par. 11 Il-​lezzjonijiet bħalissa huma disponibbli bl-​Ingliż u bil-​Portugiż. Se jkun hemm iktar lingwi fil-​futur.

^ par. 16 Għandna nevitaw ukoll organizzazzjonijiet bħal ċentri taż-​żgħażagħ jew faċilitajiet taʼ rikreazzjoni bħal xi gym, pool pubbliku, jew health club li għandhom x’jaqsmu mar-​reliġjon falza. Pereżempju, rigward li wieħed ikun membru fil-​YMCA (Young Men’s Christian Association), ara “Mistoqsijiet mill-​qarrejja” fil-​ħarġa bl-​Ingliż tat-​Torri tal-​Għassa tal-​1 taʼ Jannar 1979. L-​istess nistgħu ngħidu għall-​YWCA (Young Women’s Christian Association). Għalkemm l-​assoċjazzjonijiet lokali tal-​YMCA jew il-​YWCA għandhom mnejn jgħidu li l-​attivitajiet tagħhom mhumiex verament reliġjużi, dawn fil-​fatt huma organizzazzjonijiet li jippromwovu ideat u miri reliġjużi.

^ par. 17 Għal diskussjoni iktar dettaljata dwar il-​ħarsa Skritturali lejn xogħol li jinvolvi organizzazzjonijiet reliġjużi, ara “Mistoqsijiet mill-​qarrejja” fil-​ħarġa tat-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ April 1999.

^ par. 83 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Klijenti f’kafetterija jirreaġixxu għal “Breaking News” fuq it-televixin dwar stqarrija taʼ “paċi u sigurtà.” Koppja Xhieda, li jieħdu brejk mis-servizz tal-għalqa, ma jiġux imqarrqin b’din l-aħbar.