Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 44

Ibni ħbiberiji b’saħħithom qabel jiġi t-tmiem

Ibni ħbiberiji b’saħħithom qabel jiġi t-tmiem

“Ħabib veru jħobb il-​ħin kollu.”—PROV. 17:17.

GĦANJA 101 Naħdmu flimkien f’unità

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

Se niġu bżonn ħbieb tajbin matul “it-​tribulazzjoni l-​kbira”(Ara paragrafu 2) *

1-2. Skont l-​1 Pietru 4:7, 8, x’se jgħinna nkampaw mad-​diffikultajiet?

AĦNA qed nersqu eqreb lejn it-​tmiem tal-​“aħħar jiem,” allura nistgħu niffaċċjaw diffikultajiet ħorox. (2 Tim. 3:1) Pereżempju wara elezzjoni, pajjiż fil-​Punent tal-​Afrika kien imkisser bi rvellijiet u vjolenza. Għal iktar minn sitt xhur, ħutna ma setgħux joħorġu fit-​toroq bil-​libertà għax kien hemm il-​ġlied kullimkien. X’għenhom ikampaw matul dawn it-​tbatijiet? Xi wħud sabu kenn fid-​djar t’aħwa li kienu joqogħdu f’postijiet iktar siguri. Ħu qal: “F’sitwazzjoni bħal din apprezzajt li kelli l-​aħwa madwari. Stajna ninkuraġġixxu lil xulxin.”

2 Meta tfaqqaʼ “t-​tribulazzjoni l-​kbira,” aħna se napprezzaw li jkollna aħwa tajbin li jħobbuna. (Riv. 7:14) Allura hu urġenti li nibnu ħbiberiji b’saħħithom issa. (Aqra l-​1 Pietru 4:7, 8.) Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​esperjenza taʼ Ġeremija, li ħbiebu għenuh isalva matul iż-​żmien li wassal għall-​qerda taʼ Ġerusalemm. * Kif nistgħu nimitaw lil Ġeremija?

TGĦALLEM MILL-​EŻEMPJU TAʼ ĠEREMIJA

3. (a) X’setaʼ ġiegħel lil Ġeremija jinqataʼ għalih waħdu? (b) X’qal Ġeremija lis-​segretarju tiegħu Baruk, u b’liema riżultat?

3 Għal minn tal-​inqas 40 sena, Ġeremija għex fost nies żleali, inkluż ġirien u possibilment xi qraba minn Għanatot, il-​post fejn kien jgħix. (Ġer. 11:21; 12:6) Madankollu, ma nqatax għalih waħdu. Fil-​fatt, hu esprima kif kien iħossu mas-​segretarju leali tiegħu Baruk u fl-​aħħar mill-​aħħar magħna. (Ġer. 8:21; 9:1; 20:14-​18; 45:1) Bir-​raġun nistgħu nimmaġinaw li waqt li Baruk kiteb l-​istorja mimlija ġrajjiet taʼ Ġeremija, huma t-​tnejn żviluppaw imħabba u rispett għal xulxin.—Ġer. 20:1, 2; 26:7-11.

4. Ġeħova x’qal lil Ġeremija jagħmel, u dan l-​inkarigu kif saħħaħ il-​ħbiberija bejn Ġeremija u Baruk?

4 Għal ħafna snin, Ġeremija bi qlubija wissa lill-​Iżraelin dwar dak li kien se jiġri lil Ġerusalemm. (Ġer. 25:3) Bi sforz biex iċaqlaq lin-​nies ħalli jindmu, Ġeħova qal lil Ġeremija biex jikteb it-​twissijiet Tiegħu f’romblu, jew skroll. (Ġer. 36:1-4) Matul iż-​żmien li Ġeremija u Baruk ħadmu mill-​qrib flimkien fuq din il-​biċċa xogħol li Alla tahom, li probabilment damet sejra diversi xhur, huma bla dubju kellhom konversazzjonijiet li jsaħħulhom il-​fidi.

5. Baruk kif wera li kien ħabib tajjeb għal Ġeremija?

5 Meta wasal iż-​żmien biex dak li kien hemm miktub fir-​romblu jkun magħruf, Ġeremija kellu jafda lill-​ħabib tiegħu Baruk biex iwassal il-​messaġġ. (Ġer. 36:5, 6) Bil-​kuraġġ kollu, Baruk wettaq dan l-​inkarigu perikoluż. Tistaʼ timmaġina kemm żgur li ħassu kburi Ġeremija meta Baruk mar fil-​bitħa tat-​tempju u għamel dak li kien ġie mitlub minnu? (Ġer. 36:8-10) Il-​prinċpijiet taʼ Ġuda semgħu b’dak li għamel Baruk, u kkmandawh jaqralhom x’kien fih ir-​romblu b’vuċi għolja. (Ġer. 36:14, 15) Il-​prinċpijiet iddeċidew li jgħidu lis-​Sultan Ġeħojakim x’kien qal Ġeremija. B’qalb tajba, qalu lil Baruk: “Mur, inħeba, int u Ġeremija, ħalli ħadd ma jkun jaf fejn intom.” (Ġer. 36:16-19) Parir għaqli tassew!

6. X’għamlu Ġeremija u Baruk meta esperjenzaw l-​oppożizzjoni?

6 Is-​Sultan Ġeħojakim tant irrabja meta semaʼ l-​kliem miktub minn Ġeremija, li ħaraq ir-​romblu u ordna biex Ġeremija u Baruk jiġu arrestati. Iżda Ġeremija ma beżax. Hu ħa romblu ieħor, tah lil Baruk, u waqt li Ġeremija qal il-​messaġġ taʼ Ġeħova, Baruk kiteb “il-​kliem kollu tal-​ktieb li Ġeħojakim, is-​sultan taʼ Ġuda, kien ħaraq fin-​nar.”—Ġer. 36:26-28, 32.

7. X’aktarx li ġara waqt li Ġeremija u Baruk ħadmu flimkien?

7 Nies li jgħaddu minn żminijiet diffiċli flimkien spiss jifformaw ħbiberija mill-​qrib. Allura nistgħu nimmaġinaw li waqt li ħadmu flimkien biex jipprovdu romblu ieħor minflok dak li kien qered is-​sultan mill-​agħar Ġeħojakim, Ġeremija u Baruk żviluppaw apprezzament ikbar għall-​kwalitajiet taʼ xulxin. Kif nistgħu nibbenefikaw mill-​eżempju li jagħtuna dawn iż-​żewġt irġiel leali?

KOMUNIKAZZJONI SINĊIERA

8. X’jistaʼ jżommna lura milli nikkultivaw ħbiberiji mill-​qrib, u għala m’għandniex naqtgħu qalbna?

8 Għandna mnejn insibuha diffiċli li ngħidu lil oħrajn kif inħossuna jekk xi ħadd ikun weġġagħna jew iddiżappuntana fil-​passat. (Prov. 18:19, 24) Jew nistgħu nħossuna li m’għandniex ħin u enerġija biex nikkultivaw ħbiberiji mill-​qrib. Iżda m’għandniex naqtgħu qalbna. Jekk irridu lil ħutna jgħinuna meta ngħaddu minn żminijiet diffiċli, għandna nitgħallmu nafdawhom issa billi ngħidulhom x’naħsbu u kif inħossuna. Dan hu pass importanti biex insiru ħbieb veri.—1 Pt. 1:22.

9. (a) Ġesù kif wera li fada lil ħbiebu? (b) Li titkellem dwar dak li taħseb u tħoss għala jistaʼ jgħinek tkun ħabib tal-​qalb? Agħti eżempju.

9 Ġesù wera li fada lil ħbiebu billi kkomunika magħhom b’sinċerità. (Ġw. 15:15) Aħna nistgħu nimitawh billi naqsmu m’oħrajn il-​ferħ, l-​inkwiet, u d-​diżappunti tagħna. Agħti l-​attenzjoni tiegħek kollha meta xi ħadd ikellmek, u tkun tistaʼ tinduna li jkollkom ħafna ħsibijiet, sentimenti, u miri bħal taʼ xulxin. Ejja naraw l-​eżempju taʼ Cindy, oħt li għandha fuq l-​20 sena. Hi għamlet ħbieb maʼ pijuniera jisimha Marie-​Louise, li għandha fuq is-​60 sena. Cindy u Marie-​Louise jaħdmu flimkien fuq il-​ministeru kull nhar taʼ Ħamis filgħodu u jħossuhom komdi jitkellmu dwar diversi suġġetti. Cindy tgħid, “Inħobb nitkellem dwar affarijiet importanti mal-​aħwa għax dan jgħinni nsir nafhom u nifhimhom aħjar.” Meta titkellem dwar dak li taħseb u tħoss maʼ ħbiebek u tismagħhom meta jitkellmu, il-​ħbiberija tagħkom issir iżjed b’saħħitha. Bħal Cindy, jekk tkun minn taʼ quddiem biex ikollok konversazzjonijiet sinċieri m’oħrajn, il-​ħbiberiji tiegħek magħhom x’aktarx li jikbru.—Prov. 27:9.

AĦDEM M’OĦRAJN

Ħbieb tajbin jaħdmu flimkien fil-ministeru (Ara paragrafu 10)

10. Skont Proverbji 27:17, x’jistaʼ jiġri meta naħdmu maʼ sħabna fit-​twemmin?

10 Bħalma ġara fil-​każ taʼ Ġeremija u Baruk, meta naħdmu maʼ sħabna fit-​twemmin u naraw il-​kwalitajiet tajbin tagħhom, aħna nitgħallmu minnhom u nsiru ħbieb iktar mill-​qrib. (Aqra Proverbji 27:17.) Pereżempju, kif tħossok meta tkun fuq il-​ministeru u tismaʼ lil ħabibek jiddefendi l-​fidi tiegħu jew jitkellem b’konvinzjoni sinċiera dwar Ġeħova u l-​iskopijiet tiegħu? X’aktarx li tħossok tinġibed lejh saħansitra iżjed.

11-12. Agħti eżempju taʼ kif li nkunu fil-​ministeru m’oħrajn jistaʼ jgħinna nsaħħu l-​ħbiberiji tagħna.

11 Ikkunsidra żewġ esperjenzi li juru kif li naħdmu flimkien fil-​ministeru jiġbidna lejn xulxin. Adeline, oħt taʼ 23 sena, qalet lil waħda minn sħabha, Candice, biex tmur magħha tipprietka f’territorju li ma jinħadimx spiss. “Ridna nippritkaw b’iżjed żelu u nieħdu gost iktar bil-​ministeru,” hi tgħid. “It-​tnejn kellna bżonn ftit inkuraġġiment biex inkunu nistgħu nibqgħu nagħtu l-​aħjar tagħna lil Ġeħova.” Kif ibbenefikaw milli jaħdmu flimkien? Adeline tgħid, “Wara kull ġurnata fil-​ministeru ddiskutejna kif konna qed inħossuna, x’inkuraġġiena dwar il-​konversazzjonijiet li kellna, u kif ħassejna d-​direzzjoni taʼ Ġeħova fil-​ministeru tagħna. It-​tnejn li aħna ħadna gost b’dawn id-​diskussjonijiet u sirna nafu lil xulxin saħansitra iktar.”

12 Laïla u Marianne, żewġ aħwa nisa single minn Franza, marru jippritkaw għal ħames ġimgħat f’Bangui, il-​belt kapitali ffollata bin-​nies tar-​Repubblika Ċentru-​Afrikana. Laïla tgħid: “Jien u Marianne għandna personalitajiet u preferenzi differenti, imma grazzi għal komunikazzjoni tajba u mħabba ġenwina, il-​ħbiberija tagħna ssaħħet iktar. Waqt li osservajt l-​abbiltà taʼ Marianne biex tadatta ruħha għal ċirkustanzi ġodda, l-​imħabba tagħha għan-​nies lokali, u ż-​żelu tagħha għall-​ministeru, jien bdejt nirrispettaha iktar.” Int m’għandekx għalfejn tmur pajjiż ieħor biex tgawdi dawn il-​benefiċċji. Kull darba li taħdem fit-​territorju lokali tiegħek maʼ xi ħu jew oħt, int ikollok l-​opportunità biex issir tafu jew tafha aħjar u biex issaħħaħ il-​ħbiberija tagħkom.

IFFOKA FUQ IT-​TAJJEB TAL-​AĦWA, U AĦFER

13. Liema sfida nistgħu niffaċċjaw meta naħdmu mill-​qrib maʼ ħutna?

13 Kultant meta naħdmu mill-​qrib maʼ ħutna, aħna ninnotaw il-​kwalitajiet tajbin tagħhom imma wkoll l-​iżbalji li jagħmlu. X’jistaʼ jgħinna nittrattaw maʼ din l-​isfida? Erġaʼ kkunsidra l-​eżempju taʼ Ġeremija. X’għenu jara t-​tajjeb f’oħrajn u jinjora l-​iżbalji tagħhom?

14. X’tgħallem Ġeremija dwar Ġeħova, u dan kif għenu?

14 Ġeremija kiteb il-​ktieb li jġib ismu, u aktarx il-​kotba tal-​Bibbja tal-​1 u t-​2 Slaten. Dan l-​inkarigu żgur li għamlu speċjalment konxju tal-​ħniena taʼ Ġeħova lejn bnedmin imperfetti. Pereżempju, hu kien jaf li meta s-​Sultan Aħab nidem mill-​għemejjel ħżiena tiegħu, Ġeħova ma ġabx il-​gwaj fuq il-​familja kollha tiegħu fi żmienu. (1 Slat. 21:27-29) B’mod simili, Ġeremija kien jaf li Manasse għamel bil-​wisq iżjed minn Aħab biex iweġġaʼ lil Ġeħova. Xorta waħda, Ġeħova ħafer lil Manasse għax hu nidem. (2 Slat. 21:16, 17; 2 Kron. 33:10-13) Dawn ir-​rakkonti żgur li għenu lil Ġeremija biex jimita l-​paċenzja u l-​ħniena t’Alla meta ttratta mal-​ħbieb tal-​qalb tiegħu.—Salm 103:8, 9.

15. Ġeremija kif imita l-​paċenzja taʼ Ġeħova meta Baruk beda jaljena ruħu?

15 Ikkunsidra kif Ġeremija ttratta maʼ Baruk meta għal xi żmien dan beda jaljena ruħu fl-​inkarigu tiegħu. Minflok ma qabad u qataʼ qalbu mill-​ħabib tiegħu, Ġeremija għenu billi qallu x’kien il-​messaġġ għaqli imma dirett t’Alla għalih. (Ġer. 45:1-5) X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn dan ir-​rakkont?

Ħbieb tajbin jaħfru lil xulxin mill-qalb (Ara paragrafu 16)

16. Bħalma juri Proverbji 17:9, x’għandna bżonn nagħmlu biex inżommu l-​ħbiberiji tagħna ħajjin?

16 Fir-​realtà, ma nistgħux nistennew il-​perfezzjoni mingħand ħutna. Allura, ladarba nkunu fformajna ħbiberiji mill-​qrib, ikollna bżonn naħdmu iebes sabiex inżommuhom ħajjin. Jekk sħabna jiżbaljaw, forsi jkollna bżonn nagħtuhom parir għaqli imma dirett, ibbażat fuq il-​Kelma t’Alla. (Salm 141:5) U jekk iweġġgħuna, jeħtieġ li naħfrulhom. La nkunu ħfirnielhom, għandna nevitaw it-​tentazzjoni li nitkellmu magħhom jew maʼ ħaddieħor dwar dak li għamlulna. (Aqra Proverbji 17:9.) Kemm hu importanti li f’dawn iż-​żminijiet kritiċi niffokaw fuq il-​kwalitajiet tajbin taʼ ħutna minflok fuq in-​nuqqasijiet! Jekk nagħmlu dan se nsaħħu l-​ħbiberiji bejnietna. Żgur li se jkollna bżonn ħbieb tal-​qalb matul it-​tribulazzjoni l-​kbira!

URI MĦABBA LEALI

17. Ġeremija kif wera li kien ħabib veru fi żminijiet taʼ niket?

17 Il-​profeta Ġeremija wera li kien ħabib veru fi żminijiet taʼ niket. Pereżempju, wara li l-​ewnuku, jew l-​uffiċjal tal-​palazz, Għebed-​melek salva lil Ġeremija minn mewta ċerta f’ġiebja bil-​ħama, Għebed-​melek beżaʼ li l-​prinċpijiet kienu se jagħmlulu l-​ħsara. Meta Ġeremija sar jaf b’dan, ma baqax sieket u ttama li sieħbu b’xi mod kien se jkampa waħdu. Għalkemm Ġeremija kien il-​ħabs, hu għamel dak li setaʼ billi qasam il-​wegħda taʼ faraġ mingħand Ġeħova maʼ sieħbu Għebed-​melek.—Ġer. 38:7-13; 39:15-18.

Ħbieb tajbin jgħinu lil ħuthom fil-bżonn (Ara paragrafu 18)

18. Skont Proverbji 17:17, x’għandna nagħmlu meta xi ħadd minn ħutna jkun qed ibati?

18 Illum, ħutna jiffaċċjaw diversi sfidi. Pereżempju, ħafna qed ibatu minħabba affarijiet bħal terremoti jew gwerer. Meta jiġri dan, uħud minna forsi nkunu nistgħu nilqgħu lil dawn l-​aħwa fi djarna. Oħrajn forsi jistgħu jgħinu finanzjarjament. Imma lkoll kemm aħna nistgħu nitolbu lil Ġeħova biex jgħin lil ħutna. Jekk insiru nafu li xi ħadd minn ħutna hu skuraġġit, forsi ma nkunux nafu x’se ngħidu jew kif nirreaġixxu. Imma lkoll għandna ħafna x’noffru. Pereżempju, nistgħu nqattgħu xi ħin miegħu. Aħna nistgħu nuru qalb tajba billi nisimgħuh meta jitkellem. U nistgħu naqsmu miegħu l-​iskrittura favorita tagħna li tkun taʼ faraġ għalih. (Is. 50:4) Dak li jgħodd l-​iktar hu li tkun maʼ ħutek meta jkollhom bżonnok.—Aqra Proverbji 17:17.

19. Li nibnu ħbiberiji b’saħħithom issa kif se jgħinna fil-​futur?

19 Aħna għandna nkunu determinati li nibnu u nżommu relazzjonijiet b’saħħithom maʼ ħutna issa. Għala? Għax l-​għedewwa tagħna se jipprovaw jifirduna permezz taʼ gideb u informazzjoni żbaljata. Huma se jipprovaw iġegħluna nieqfu nafdaw u nappoġġjaw lil ħutna. Imma l-​isforzi tagħhom se jkunu għalxejn. Mhux se jkunu jistgħu jġegħluna nieqfu nħobbu lil ħutna. Jagħmlu x’jagħmlu, mhumiex se jkissru l-​ħbiberiji li fformajna. Fil-​fatt, dawn il-​ħbiberiji mhux biss se jibqgħu sa tmiem din is-​sistema, imma wkoll għall-​eternità!

GĦANJA 24 Ejjew lejn il-​muntanja taʼ Ġeħova

^ par. 5 Hekk kif qed joqrob it-​tmiem, ilkoll kemm aħna jeħtieġ li nsaħħu r-​relazzjonijiet tagħna maʼ sħabna fit-​twemmin. F’dan l-​artiklu, se neżaminaw x’nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Ġeremija. Se niddiskutu wkoll kif li niżviluppaw ħbiberiji mill-​qrib illum se jgħinna fi żminijiet diffiċli.

^ par. 2 Il-​ġrajjiet fil-​ktieb taʼ Ġeremija mhumiex miktubin wara xulxin skont iż-​żmien li fih seħħew.

^ par. 57 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Din ix-​xena turi x’jistaʼ jiġri fil-​futur matul “it-​tribulazzjoni l-​kbira.” Xi aħwa rnexxielhom jiltaqgħu f’post sigur f’dar taʼ ħu. Huma jsibu faraġ fil-​kumpanija taʼ xulxin matul dak iż-​żmien taʼ prova. It-tliet xeni li ġejjin juru li ħafna qabel il-bidu tat-tribulazzjoni l-kbira, l-istess aħwa kienu fformaw ħbiberiji b’saħħithom.