Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 48

‘Temm dak li bdejt tagħmel’

‘Temm dak li bdejt tagħmel’

‘Temmu dak li bdejtu tagħmlu.’—2 KOR. 8:11.

GĦANJA 35 X’inhu l-​iktar importanti?

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Xi jħallina nagħmlu Ġeħova?

ĠEĦOVA jħalli f’idejna x’tip taʼ ħajja rridu ngħixu. Hu jgħallimna nieħdu deċiżjonijiet tajbin. Meta nieħdu deċiżjonijiet li jogħġbuh, hu jgħinna nwettquhom. (Salm 119:173) Iktar ma npoġġu fil-​prattika l-​għerf tal-​Kelma t’Alla, iktar se nieħdu deċiżjonijiet tajbin.—Ebr. 5:14.

2. Xi sfida nistgħu nħabbtu wiċċna magħha wara li nieħdu deċiżjoni?

2 Però, anki meta nieħdu deċiżjoni tajba, jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli biex inlestu dak li nibdew. Ikkunsidra dawn l-​eżempji: Żagħżugħ jiddeċiedi li jaqra l-​Bibbja kollha. Għall-​ewwel ftit ġimgħat imur sew, imma mbagħad għal xi raġuni jieqaf. Oħt tiddeċiedi li tibda taqdi bħala pijuniera regolari, imma tibqaʼ tipposponi meta se tibda. Ġemgħa tal-​anzjani tiddeċiedi li tagħmel iktar shepherding calls, imma wara ħafna xhur l-​anzjani jkunu għadhom ma bdewx jagħmluhom. Dawn is-​sitwazzjonijiet huma differenti, imma għandhom xi ħaġa komuni bejniethom. Huma ma żammewx maʼ dak li ddeċidew. Il-​Kristjani tal-​bidu f’Korintu ħabbtu wiċċhom maʼ sfida simili. Ejja niddiskutu x’nistgħu nitgħallmu minnhom.

3. X’deċiżjoni ħadu l-​Korintin, imma x’ġara?

3 Madwar is-​sena 55 wara Kristu (WK), l-​aħwa f’Korintu ħadu deċiżjoni importanti. Huma saru jafu li l-​aħwa f’Ġerusalemm u l-​Lhudija kienu qed jesperjenzaw il-​problemi u l-​faqar. Kienu jafu wkoll li kongregazzjonijiet oħra kienu qed jiġbru l-​flus biex jgħinuhom. Peress li l-​aħwa f’Korintu kellhom qalbhom tajba u kienu ġenerużi, huma ddeċidew li jgħinu l-​aħwa fil-​bżonn. Huma talbu l-​għajnuna tal-​appostlu Pawlu biex jagħmlu dan. Hu bagħat l-​istruzzjonijiet lill-​kongregazzjoni u għażel lil Titu biex jgħin f’li jiġbor id-​donazzjonijiet. (1 Kor. 16:1; 2 Kor. 8:6) Imma ftit xhur wara, Pawlu sar jaf li l-​Korintin kienu għadhom ma tawx id-​donazzjonijiet tagħhom. B’hekk, id-​donazzjonijiet aktarx ma kinux se jkunu lesti fil-​ħin biex jittieħdu Ġerusalemm flimkien mad-​donazzjonijiet taʼ kongregazzjonijiet oħra.—2 Kor. 9:4, 5.

4. Skont it-​2 Korintin 8:7, 10, 11, Pawlu x’inkuraġġiehom jagħmlu lill-​Korintin?

4 L-​aħwa f’Korintu ħadu deċiżjoni tajba, u Pawlu faħħarhom għall-​fidi b’saħħitha li kellhom u għall-​fatt li xtaqu jkunu ġenerużi. Imma hu kellu jinkuraġġihom biex ilestu dak li bdew. (Aqra t-​2 Korintin 8:7, 10, 11.) L-​esperjenza tagħhom tgħallimna li anki Kristjani leali jistgħu jsibuha diffiċli biex jagħmlu dak li ddeċidew.

5. X’mistoqsijiet se nwieġbu?

5 Bħall-​Korintin, forsi nsibuha diffiċli biex nagħmlu dak li għedna. Għala? Peress li aħna imperfetti, għandu mnejn noqogħdu nittratienu. Jew għandu mnejn jiġri xi ħaġa li ma nkunux qed nistennewha u mbagħad ikun diffiċli biex nagħmlu dak li għedna. (Ekk. 9:11; Rum. 7:18) X’nistgħu nagħmlu jekk hemm bżonn nerġgħu naħsbu fuq deċiżjoni li ħadna fil-​passat? Kif nistgħu niddeċiedu jekk għandniex nibdluha? U kif nistgħu nkunu iktar effettivi f’li nlestu dak li nibdew?

QABEL MA TIEĦU DEĊIŻJONI

6. Meta jistaʼ jkun hemm bżonn inbiddlu d-​deċiżjoni tagħna?

6 Ċerti deċiżjonijiet importanti qatt ma nibdluhom. Pereżempju, aħna nżommu mad-​deċiżjoni li ħadna dwar li naqdu lil Ġeħova, u aħna determinati li nibqgħu leali lejn il-​persuna li żżewwiġna. (Mt. 16:24; 19:6) Imma deċiżjonijiet oħra, jistaʼ jkun hemm bżonn li nibdluhom. Għala? Għax iċ-​ċirkustanzi jinbidlu. Liema passi jistgħu jgħinuna nieħdu l-​aħjar deċiżjoni?

7. Għal liema ħaġa rridu nitolbu, u għala?

7 Itlob għall-​għerf. Ġakbu ġie ispirat minn Ġeħova biex jikteb: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf, ħa jibqaʼ jitlob lil Alla, għax hu jagħti b’mod ġeneruż.” (Ġak. 1:5) Sa ċertu punt, aħna lkoll ‘jonqosna l-​għerf.’ Allura, itlob lil Ġeħova biex jgħinek qabel ma tieħu deċiżjoni u meta jkollok tbiddel deċiżjoni. Imbagħad, Ġeħova se jgħinek tieħu deċiżjoni tajba.

8. X’riċerka għandna nagħmlu qabel nieħdu deċiżjoni?

8 Agħmel riċerka sew. Fittex fil-​Kelma t’Alla, aqra l-​pubblikazzjonijiet tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, u tkellem maʼ nies li taf li se jtuk pariri tajbin. (Prov. 20:18) Riċerka bħal din hi importanti ħafna qabel ma tieħu deċiżjoni dwar li tibdel ix-​xogħol, qabel tmur toqgħod xi mkien ieħor, jew qabel tagħżel edukazzjoni addattata biex tgħinek fil-​ministeru.

9. Kif se nibbenefikaw jekk inkunu onesti magħna nfusna?

9 Ara x’inhi r-​raġuni wara d-​deċiżjoni. Ġeħova jimpurtah mir-​raġuni li jkun hemm wara l-​għażliet tagħna. (Prov. 16:2) Hu jridna nkunu onesti f’kollox. Allura meta nieħdu deċiżjoni, aħna rridu nkunu onesti magħna nfusna u m’oħrajn dwar ir-​raġunijiet tagħna. Jekk ma nkunux onesti għalkollox, aktarx se nsibuha diffiċli biex inżommu maʼ li nkunu ddeċidejna. Pereżempju, żagħżugħ forsi jiddeċiedi li jsir pijunier regolari. Però, wara xi żmien, hu jsibha diffiċli biex ilaħħaq is-​sigħat u ma tantx jibqaʼ jieħu pjaċir fil-​ministeru. Għandu mnejn jaħseb li beda jaqdi bħala pijunier minħabba li ried jogħġob lil Ġeħova. Imma jistaʼ jkun li r-​raġuni vera kienet biex jikkuntenta lill-​ġenituri tiegħu jew lil xi ħadd ieħor?

10. X’hemm bżonn biex tagħmel bidla?

10 Aħseb dwar student tal-​Bibbja li ddeċieda li jaqtaʼ s-​sigaretti. Għall-​ewwel ġimgħa jew tnejn ma pejjipx avolja sabha diffiċli. Imma mbagħad reġaʼ beda jpejjep. Fl-​aħħar, hu rnexxielu jaqtagħhom! L-​imħabba tiegħu għal Ġeħova u x-​xewqa biex jogħġob Lilu għenuh jaqtaʼ l-​vizzju.—Kol. 1:10; 3:23.

11. Għala għandu jkollok miri speċifiċi?

11 Ara li jkollok miri speċifiċi. Iktar kemm tkun speċifiku, iktar hemm ċans li tlesti dak li tibda. Pereżempju, forsi ddeċidejt li taqra l-​Bibbja iktar spiss. Imma jekk ma jkollokx pjan speċifiku, għandu mnejn ma jirnexxilekx. * Jew l-​anzjani tal-​kongregazzjoni forsi jiddeċiedu li jagħmlu shepherding calls iktar spiss, imma ma jagħmlux hekk. Biex jirnexxilhom jagħmlu dan, jistgħu jsaqsu mistoqsijiet bħal dawn: “Għamilna lista taʼ liema aħwa għandhom bżonn shepherding call? Iddeċidejna żmien speċifiku biex inżuruhom?”

12. X’jistaʼ jkollok bżonn tagħmel, u għala?

12 Kun realistiku. Ħadd m’għandu l-​ħin, ir-​riżorsi, jew l-​enerġija biex jagħmel kulma jixtieq. Allura kun realistiku u raġonevoli. Meta jkun hemm bżonn, forsi jkollok tbiddel deċiżjoni li tkun ħadt għax tirrealizza li ma tistax tlestiha. (Ekk. 3:6) Imma ejja ngħidu li rġajt iċċekkjajt id-​deċiżjoni tiegħek, biddiltha skont il-​bżonn, u tħoss li tistaʼ tlestiha. Ikkunsidra ħames passi li jistgħu jgħinuk tlesti dak li tibda.

PASSI LI JGĦINUK IŻŻOMM MAD-​DEĊIŻJONI

13. Kif jistaʼ jkollok is-​saħħa bżonjuża biex tagħmel skont kif iddeċidejt?

13 Itlob ħalli jkollok is-​saħħa biex taġixxi. Alla jistaʼ jagħtik is-​saħħa biex taġixxi u tagħmel dak li tkun iddeċidejt. (Flp. 2:13) Allura, itlob għall-​ispirtu taʼ Ġeħova biex jagħtik il-​qawwa li jkollok bżonn. Ibqaʼ itlob anki jekk taħseb li t-​talb tiegħek għadu mhux qed jiġi mwieġeb. Bħalma qal Ġesù: “Ibqgħu itolbu, u jingħatalkom,” jiġifieri l-​ispirtu qaddis.—Lq. 11:9, 13.

14. Il-​prinċipju li nsibu fi Proverbji 21:5, kif jistaʼ jgħinek iżżomm mad-​deċiżjoni tiegħek?

14 Agħmel pjan. (Aqra Proverbji 21:5.) Biex tlesti dak li qed taħdem fuqu, għandek bżonn pjan. Imbagħad trid iżżomm mal-​pjan. Bl-​istess mod, meta tieħu deċiżjoni, agħmel lista taʼ kulma għandek bżonn biex tlesti. Meta jkollok biċċa xogħol ikkomplikata, aqsamha f’biċċiet iżgħar. Kull meta tlesti waħda minn dawn il-​biċċiet żgħar, se tkun tistaʼ tara fiex wasalt. Pawlu inkuraġġixxa lill-​aħwa taʼ Korintu biex iwarrbu xi ħaġa bħala kontribuzzjoni fl-​“ewwel jum tal-​ġimgħa” flok ma jipprovaw jiġbru kollox meta jiġi. (1 Kor. 16:2) Meta jkollok biċċa xogħol kbira u taqsamha f’xogħlijiet żgħar, mhux se taqtaʼ qalbek malajr.

15. X’tistaʼ tagħmel wara li tagħmel pjan?

15 Jekk tikteb xi pjanajt li tagħmel, ikun eħfef għalik biex tlesti biċċa xogħol. (1 Kor. 14:40) Pereżempju, il-​ġemgħa tal-​anzjani ngħataw id-​direzzjoni li jqabbdu lil anzjan jikteb kull deċiżjoni li jieħdu, bħal min hu inkarigat biex jagħmel dak li ġie deċiż u meta għandha titlesta biċċa xogħol. Meta l-​anzjani jagħmlu lista bħal din, ikun iktar faċli għalihom biex jagħmlu dak li ddeċidew. (1 Kor. 9:26) Int tistaʼ tagħmel xi ħaġa simili fil-​ħajja taʼ kuljum tiegħek. Pereżempju, int tistaʼ tagħmel lista taʼ x’għandek tagħmel kuljum u titfaʼ fil-​bidu nett tal-​lista l-​ewwel ħaġa li trid tagħmel. Apparti li se tlesti dak li għandek tagħmel, se tkun tistaʼ tagħmel iktar affarijiet f’inqas ħin.

16. X’hemm bżonn tagħmel biex tlesti dak li tkun iddeċidejt, u Rumani 12:11 kif jappoġġa dan?

16 Irsisti. Hemm bżonn sforz biex iżżomm mal-​pjan li tkun għamilt u tlesti dak li tibda. (Aqra Rumani 12:11.) Pawlu qal lil Timotju biex ikompli jitħarreġ u jirsisti biex isir għalliem aħjar. Aħna nistgħu napplikaw il-​parir taʼ Pawlu fi kwalunkwe ħaġa li rridu nagħmlu għal Ġeħova.—1 Tim. 4:13, 16.

17. L-​iskrittura taʼ Efesin 5:15, 16, kif tistaʼ tgħinna nagħmlu dak li pjanajna?

17 Uża l-​ħin bl-​aħjar mod. (Aqra Efesin 5:15, 16.) Warrab il-​ħin biex tagħmel dak li ddeċidejt u żomm miegħu. Toqgħodx tistenna għaċ-​ċirkustanzi perfetti biex tibda. Probabbli qatt mhu se jkollok iċ-​ċirkustanzi perfetti. (Ekk. 11:4) Oqgħod attent minn affarijiet inqas importanti li jistgħu jiħdulek mill-​ħin u l-​enerġija li jkollok bżonn biex tagħmel dak li hu iktar importanti. (Flp. 1:10) Jekk inhu possibbli, agħżel ħin meta jkun hemm inqas ċans li oħrajn itellfuk. Għid lil oħrajn li għandek bżonn xi ħin biex tikkonċentra. Ara jkunx aħjar li titfi l-​mowbajl u tiċċekkja l-​e-​mails jew is-​social media iktar tard. *

18-19. X’se jgħinek biex ma taqtax qalbek mid-​deċiżjoni tajba li tkun ħadt meta tiffaċċja l-​problemi?

18 Iffoka fuq ir-​riżultat. Ir-​riżultat tad-​deċiżjoni tiegħek hu bħal destinazzjoni taʼ vjaġġ. Jekk vera trid tasal f’dik id-​destinazzjoni, int se tibqaʼ għaddej bil-​vjaġġ anki jekk ikollok tgħaddi minn triq differenti biex tasal. Bl-​istess mod, jekk niffokaw fuq ir-​riżultat tad-​deċiżjoni tagħna, mhux se naqtgħu qalbna malajr meta niffaċċjaw il-​problemi.—Gal. 6:9.

19 Hu diffiċli biex tieħu deċiżjoni tajba, u hi taʼ sfida biex iżżomm maʼ dak li tiddeċiedi. Imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, jistaʼ jkollok l-​għerf u s-​saħħa li għandek bżonn biex tlesti dak li tibda.

GĦANJA 65 Imxi ’l quddiem!

^ par. 5 Ġieli tieħu deċiżjoni u mbagħad jiddispjaċik? Jew ġieli jkun diffiċli biex tieħu deċiżjoni tajba u biex tagħmel dak li ddeċidejt? Dan l-​artiklu se jgħinek tegħleb dawn il-​problemi u tlesti dak li tibda.

^ par. 11 Bħala għajnuna biex tippjana l-​qari tal-​Bibbja personali tiegħek, tistaʼ tuża l-​“Iskeda għall-​Qari tal-​Bibbja” li ssibha fuq jw.org®.

^ par. 17 Għal iktar suġġerimenti dwar kif tistaʼ tqassam il-​ħin tiegħek, ara l-​artiklu “20 Mod Kif Tagħmel Iktar Ħin,” fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! taʼ Lulju-​Settembru 2010.