GĦIX BĦALA KRISTJAN
Kif ikollok iktar imħabba għal Alla u għall-proxxmu
Għalkemm il-Kristjani m’għadhomx taħt il-Liġi Mosajka, l-akbar żewġ kmandamenti tagħha—li nħobbu lil Alla u lill-proxxmu tagħna—xorta juru fi ftit kliem dak li Ġeħova jeħtieġ minna. (Mt 22:37-39) Din l-imħabba ma tintiritx. Irridu naħdmu għaliha. Kif? Mod importanti kif nagħmlu dan hu billi naqraw il-Bibbja kuljum. Meta nikkunsidraw aspetti differenti tal-personalità t’Alla kif jidhru fl-Iskrittura, aħna naraw “is-sbuħija taʼ Ġeħova.” (Sa 27:4) Minħabba f’hekk, l-imħabba tagħna għalih tikber u l-mod kif naħsbu jsir iktar bħal tiegħu. Dan se jqanqalna biex nobdu l-kmandamenti t’Alla, inkluż il-kmand li nuru mħabba li tkun lesta li tagħmel sagrifiċċji għal oħrajn. (Ġw 13:34, 35; 1Ġw 5:3) Hawnhekk se ssib tliet suġġerimenti kif tagħmel il-qari tal-Bibbja iktar pjaċevoli:
-
Uża l-immaġinazzjoni u s-sensi tiegħek. Immaġinak qiegħed hemm. Kieku x’tara, x’tismaʼ, u xi xxomm? Kif setgħu ħassewhom dawk involuti?
-
Uża metodi differenti. Hawnhekk għandek xi għażliet: Aqra b’leħen għoli jew segwi waqt li tismaʼ r-rekording bl-awdjo. Aqra dwar persunaġġ Bibliku jew suġġett partikulari minflok ma taqra l-kapitli wara xulxin. Pereżempju, uża r-4 jew is-16-il taqsima taʼ Gwida għall-Istudju tal-Kelma t’Alla biex taqra dwar Ġesù. Aqra l-kapitlu kollu minn fejn tkun meħuda l-iskrittura tal-jum. Aqra l-kotba tal-Bibbja bl-ordni li nkitbu.
-
Aqra biex tifhem. Li taqra almenu kapitlu wieħed kuljum b’mod li jinftiehem u timmedita fuqu jkun ħafna aħjar milli taqra diversi kapitli sempliċement biex tgħid qrajthom. Ikkunsidra ċ-ċirkustanzi. Analizza d-dettalji. Uża l-mapep u r-referenzi marġinali. Fittex imqar punt wieħed li ma tkunx fhimt. Jekk ikun possibbli, qattaʼ l-istess ammont taʼ ħin timmedita daqskemm tkun użajt biex qrajt.