Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 1

“Morru u agħmlu dixxipli”

“Morru u agħmlu dixxipli”

L-ISKRITTURA GĦAS-SENA 2020: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli . . . , [u] għammduhom.”—MT. 28:19.

GĦANJA 79 Għallimhom iżommu sod

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. L-​anġlu fejn il-​qabar taʼ Ġesù x’jgħid lin-​nisa, u Ġesù liema struzzjonijiet jagħtihom?

KIEN kmieni filgħodu fis-​16 taʼ Nisan tas-​sena 33. Xi nisa li huma mnikktin u li jħobbu lil Alla jmorru lejn il-​qabar fejn kien ġie midfun il-​Mulej Ġesù Kristu, iktar minn 36 siegħa qabel. Huma jmorru fil-​post tad-​dfin bil-​ħsieb li jħejju ġismu bi fwejjaħ aromatiċi u żejt ifuħ. Madankollu, huma jibqgħu mistagħġbin meta jsibu l-​qabar vojt! Anġlu jgħid lil dawn in-​nisa li Ġesù ġie rxoxtat, u jżid jgħid: “Hu sejjer qabilkom fil-​Galilija; tarawh hemmhekk.”—Mt. 28:1-​7; Lq. 23:56; 24:10.

2 Wara li n-​nisa jitilqu minn ħdejn il-​qabar, Ġesù nnifsu jmur ikellimhom u jagħtihom din l-​istruzzjoni: “Morru, agħtu l-​aħbar lil ħuti, sabiex jitilqu lejn il-​Galilija; jarawni hemmhekk.” (Mt. 28:10) L-​ewwel ħaġa li jagħmel Ġesù wara li jiġi rxoxtat hi li jagħmel arranġament biex jiltaqaʼ mad-​dixxipli tiegħu. F’din il-​laqgħa, hu jagħtihom xi struzzjonijiet importanti ferm.

ĠESÙ LIL MIN IKKMANDA BIEX JAGĦMEL DIXXIPLI?

Meta Ġesù ltaqaʼ mal-appostli u oħrajn fil-Galilija wara l-irxoxt tiegħu, hu kkmandahom “morru u agħmlu dixxipli” (Ara paragrafi 3-4)

3-4. Għala nistgħu ngħidu li l-​kmand f’​Mattew 28:19, 20 ma ngħatax biss lill-​appostli? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

3 Aqra Mattew 28:16-​20. Fil-​laqgħa li organizza, Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu dwar ix-​xogħol importanti li kienu se jagħmlu dak iż-​żmien. Dan hu l-​istess xogħol li qegħdin nagħmlu aħna llum. Ġesù qal: “Morru u agħmlu dixxipli min-​nies tal-​ġnus kollha, . . . u għallmuhom josservaw dak kollu li ordnajtilkom.”

4 Ġesù jrid li s-​segwaċi kollha tiegħu jippritkaw. Hu ma tax dan il-​kmand lill-​11-​il appostlu leali biss. Kif nistgħu nkunu daqshekk ċerti? Meta Ġesù ta l-​kmand biex jagħmlu dixxipli, l-​appostli ma kinux l-​uniċi nies fuq il-​muntanja tal-​Galilija. Kif nafu dan? Ftakar li l-​anġlu qal lin-​nisa: “Tarawh [il-​Galilija].” Mela n-​nisa leali wkoll kienu preżenti f’dik il-​laqgħa. Imma dan mhux kollox. L-​appostlu Pawlu jirrivela li Ġesù “deher lil iktar minn ħames mitt ħu f’daqqa.” (1 Kor. 15:6) Fejn kien dan?

5. Għala nemmnu li l-​1 Korintin 15:6 jirreferi għal-​laqgħa fil-​Galilija li nsibu f’​Mattew kapitlu 28?

5 Għandna raġunijiet tajbin biex nemmnu li fl-​1 Korintin 15:6, Pawlu kien qed jirreferi għal-​laqgħa fil-​Galilija li tiġi deskritta f’​Mattew kapitlu 28. Liema raġunijiet? L-​ewwel nett, il-​maġġoranza tad-​dixxipli taʼ Ġesù kienu mill-​Galilija. Allura, muntanja fil-​Galilija kienet iktar post adattat fejn jinġabar grupp kbir taʼ nies milli ġo dar privata f’Ġerusalemm. It-​tieni, wara li ġie rxoxtat, Ġesù kien diġà ltaqaʼ mal-​11-​il appostlu tiegħu f’dar privata f’Ġerusalemm. Kieku Ġesù xtaq li jagħti l-​kmand biex jippritkaw u jagħmlu dixxipli lill-​appostli biss, setaʼ jagħmel dan f’Ġerusalemm minflok ma joqgħod jgħid lilhom, lin-​nisa, u lil oħrajn biex jiltaqgħu miegħu fil-​Galilija.—Lq. 24:33, 36.

6. Mattew 28:20 kif juri li l-​kmand biex jagħmlu dixxipli japplika llum, u n-​nies illum kif qed jobdu dan il-​kmand?

6 Innota t-​tielet raġuni importanti. Il-​kmand taʼ Ġesù biex jagħmlu dixxipli ma kienx biss għall-​Kristjani tal-​ewwel seklu. Kif nafu dan? Ġesù kkonkluda l-​istruzzjonijiet li ta lis-​segwaċi tiegħu bil-​kliem: “Jien magħkom il-​jiem kollha sal-​konklużjoni tas-​sistema.” (Mt. 28:20) Bħalma qal Ġesù, illum ħafna nies qed jagħmlu dixxipli. Aħseb dwar dan! Kważi 300,000 ruħ jitgħammdu kull sena bħala Xhieda taʼ Ġeħova u jsiru dixxipli taʼ Ġesù Kristu!

7. Issa x’se niddiskutu, u għala?

7 Ħafna li jistudjaw il-​Bibbja jagħmlu progress u jitgħammdu. Madankollu, xi wħud li jistudjaw il-​Bibbja b’mod regulari magħna jżommu lura milli jsiru dixxipli. Huma jieħdu pjaċir bl-​istudju, imma ma jagħmlux progress u jitgħammdu. Jekk int qed tikkonduċi studju tal-​Bibbja, aħna ċerti li int tixtieq tgħin lill-​istudent tiegħek japplika dak li jitgħallem u tgħinu jsir dixxiplu taʼ Kristu. Dan l-​artiklu se jiddiskuti kif nistgħu nilħqu qalb l-​istudent u kif nistgħu ngħinuh jikber spiritwalment. Għala għandna bżonn niddiskutu dan is-​suġġett? Għax xi darba jistaʼ jkollna bżonn niddeċiedu jekk għandniex inkomplu l-​istudju jew le.

IPPROVA ILĦAQ QALB L-​ISTUDENT

8. Għala tistaʼ tkun taʼ sfida li tilħaq qalb l-​istudent?

8 Ġeħova jrid li n-​nies jaqduh għax iħobbuh. Mela l-​mira tagħna għandha tkun biex ngħinu lill-​istudenti tagħna jifhmu li Ġeħova jimpurtah verament minnhom bħala individwi u li jħobbhom ħafna. Aħna rridu ngħinuhom jaraw li Ġeħova hu “missier għat-​tifel bla missier u mħallef [jew, “difensur”] għall-​armla.” (Salm 68:5) Meta l-​istudenti tiegħek jirrealizzaw kemm Alla jħobbhom, aktarx li se jibdew iħobbuh huma wkoll. Xi studenti jistgħu jħossuha diffiċli biex iħarsu lejn Ġeħova bħala Missier li jħobb għax missierhom stess ma kienx jurihom imħabba u affezzjoni. (2 Tim. 3:1, 3) Mela, waqt li tikkonduċi l-​istudju, enfasizza l-​kwalitajiet mill-​isbaħ taʼ Ġeħova. Għin lill-​istudenti tiegħek jifhmu li Alla tagħna kollu mħabba jridhom jgħixu għal dejjem, u li hu lest biex jgħinhom jilħqu din il-​mira. Aħna x’nistgħu nagħmlu iktar?

9-10. Liema kotba għandna nużaw meta nikkonduċu studji tal-​Bibbja, u għala għandna nużaw dawn il-​kotba?

9 Uża l-​kotba “X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja?” u “Kif tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla.” Dawn il-​pubblikazzjonijiet huma ddisinjati b’mod speċjali biex jgħinuna nilħqu qalb l-​istudenti tagħna. Pereżempju, kapitlu 1 tal-​ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu? jwieġeb il-​mistoqsijiet: Alla jimpurtah minna jew hu bla qalb?, Alla kif iħossu meta n-​nies ibatu?, u Tistaʼ int issir ħabib taʼ Ġeħova? U xi ngħidu dwar il-​ktieb Ibqaʼ fl-​imħabba t’Alla? Din il-​pubblikazzjoni se tgħin lill-​istudent jifhem kif jistaʼ jtejjeb ħajtu u jersaq eqreb lejn Ġeħova billi japplika prinċipji mill-​Bibbja. Anke jekk studjajt dawn il-​pubblikazzjonijiet maʼ studenti oħra tal-​Bibbja, għandek bżonn tipprepara għal kull studju biex b’hekk tkun tistaʼ tapplika t-​tagħlim għal dak li l-​istudent għandu bżonn.

10 Imma ejja ngħidu li l-​istudent hu interessat f’suġġett li jiġi diskuss f’pubblikazzjoni li mhux qiegħda fil-​Kaxxa tal-​Għodda tat-​Tagħlim. Forsi tistaʼ tinkuraġġih jaqra dik il-​pubblikazzjoni waħdu biex tkun tistaʼ tkompli tikkonduċi l-​istudju bil-​kotba X’Nistgħu Nitgħallmu? jew Ibqaʼ fl-​imħabba t’Alla.

Ibda l-istudju b’talba (Ara paragrafu 11)

11. Meta għandna nibdew u nispiċċaw l-​istudju b’talba, u kif tistaʼ tqajjem is-​suġġett?

11 Ibda’ l-​istudju b’talba. Ġeneralment, ikun l-​aħjar li nibdew u nispiċċaw l-​istudju b’talba malajr kemm jistaʼ jkun. Aktarx li nistgħu nagħmlu dan fl-​ewwel ftit ġimgħat wara li l-​istudju jkun beda b’mod regolari. Għandna ngħinu lill-​istudent jirrealizza li nistgħu nifhmu l-​Kelma t’Alla biss bl-​għajnuna tal-​ispirtu t’Alla. Xi għalliema tal-​Bibbja jqajmu s-​suġġett tat-​talb billi jaqraw Ġakbu 1:5, li jgħid: “Jekk xi ħadd minnkom jonqsu l-​għerf, ħa jibqaʼ jitlob lil Alla.” Imbagħad, dak li jkun qed jikkonduċi jistaqsi lill-​istudent, “Kif nistgħu nistaqsu lill-​Alla għall-​għerf?” L-​istudent aktarx li jaqbel li għandna nitolbu lil Alla.

12. Kieku kif tuża Salm 139:2-4 biex tgħin student itejjeb il-​kwalità tat-​talb tiegħu?

12 Għallem lill-​istudent tiegħek kif jitlob. Assigurah li Ġeħova jrid jismaʼ t-​talb sinċier tiegħu. Spjegalu li meta nitolbu fil-​privat, inkunu nistgħu niftħu qalbna maʼ Ġeħova għalkollox u ngħidulu affarijiet li forsi niddejqu ngħiduhom lil ħaddieħor. Wara kollox, Ġeħova diġà jaf l-​iktar ħsibijiet personali tagħna. (Aqra Salm 139:2-​4.) Nistgħu wkoll ninkuraġġixxu lill-​istudent tagħna biex jitlob għall-​għajnuna t’Alla ħalli jeħles minn ħsibijiet ħżiena u jegħleb vizzji ħżiena. Pereżempju, immaġina li xi ħadd li ilu jistudja għal xi żmien iħobb xi festa b’oriġini pagana. Hu jaf li din hi ħażina, imma xorta jogħġbuh xi affarijiet minnha. Inkuraġġih jgħid lil Ġeħova eżatt kif iħossu u jitlobu bil-​ħrara għall-​għajnuna biex isir iħobb biss affarijiet li Ġeħova jħobb.—Salm 97:10.

Stieden lill-istudent tal-Bibbja tiegħek biex jattendi l-laqgħat (Ara paragrafu 13)

13. (a) Għala għandna nistiednu lill-​istudenti tagħna jattendu l-​laqgħat malajr kemm jistaʼ jkun? (b) Kif nistgħu ngħinu lil student iħossu iktar komdu fis-​Sala tas-​Saltna?

13 Stieden lill-​istudent tal-​Bibbja tiegħek biex jattendi l-​laqgħat malajr kemm jistaʼ jkun. Dak li l-​istudent tiegħek jismaʼ u josserva fil-​laqgħat Kristjani jistaʼ jmisslu qalbu u jgħinu jagħmel progress. Uri l-​vidjow X’jiġri f’Sala tas-​Saltna?, u bi mħabba stiednu biex jiġi miegħek. Offri li tipprovdilu mezz biex imur il-​laqgħat jekk ikun possibbli. Tkun idea tajba jekk tistieden diversi pubblikaturi biex jiġu miegħek fuq l-​istudju. B’dan il-​mod, l-​istudent tiegħek se jsir jaf lil oħrajn fil-​kongregazzjoni, u hu aktarx li se jħossu iktar komdu meta jattendi l-​laqgħat tagħna.

GĦIN LILL-​ISTUDENT JAGĦMEL PROGRESS

14. X’jistaʼ jimmotiva student biex jagħmel progress?

14 Il-​mira tagħna hi li ngħinu lill-​istudent tal-​Bibbja tagħna biex jagħmel progress. (Efes. 4:13) Meta xi ħadd jaċċetta li jibda studju tal-​Bibbja, hu forsi jkun iktar interessat dwar kif l-​istudju se jgħin lilu. Madankollu, hekk kif l-​imħabba tiegħu għal Ġeħova tikber, hu aktarx li se jibda jaħseb dwar kif jistaʼ jgħin lil oħrajn, inkluż lil dawk li diġà huma parti mill-​kongregazzjoni. (Mt. 22:37-​39) Meta jkun il-​waqt it-​tajjeb, iżżommx lura milli ssemmi l-​privileġġ li nappoġġaw ix-​xogħol tas-​Saltna b’mod finanzjarju.

Għallem lill-istudent tiegħek x’għandu jagħmel meta jkollu xi problema (Ara paragrafu 15)

15. Kif nistgħu ngħinu student tal-​Bibbja jagħmel dak li hu tajjeb meta jkollu xi problema?

15 Għallem lill-​istudent tal-​Bibbja tiegħek x’għandu jagħmel meta jkollu xi problema. Ejja ngħidu li l-​istudent tiegħek, li hu pubblikatur mhux mgħammed, jgħidlek li weġġgħu xi ħadd mill-​kongregazzjoni. Toqgħodx tgħidlu min għandu raġun jew m’għandux, imma spjega x’tgħid il-​Bibbja dwar dak li għandu jagħmel. Jistaʼ jew jaħfer lill-​ħu jew, jekk ma jistax jinsa, ikellem lill-​individwu bi ħlewwa u bi mħabba bl-​iskop li ‘jikseb lura lil ħuh.’ (Qabbel Mattew 18:15.) Għin lill-​istudent tiegħek jipprepara dak li se jgħid. Urih kif juża l-​JW Library® app, il-​Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet tax-​Xhieda taʼ Ġeħova, u l-​jw.org® biex jitgħallem modi prattiċi kif isolvi l-​problema. Iktar ma jirċievi taħriġ qabel jitgħammed, iktar se jmur tajjeb m’oħrajn fil-​kongregazzjoni wara.

16. Għala hu tajjeb li tistieden lil pubblikaturi oħra biex jiġu miegħek fuq l-​istudju?

16 Stieden lil oħrajn mill-​kongregazzjoni biex jiġu miegħek fuq l-​istudju u anki l-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Għala? Minbarra r-​raġunijiet li semmejna iktar kmieni, pubblikaturi oħra jaf ikunu jistgħu jgħinu lill-​istudent tiegħek b’modi li int ma tistax. Pereżempju, ejja ngħidu li l-​istudent ipprova jieqaf ipejjep imma ma rnexxilux għal diversi drabi. Stieden lil Xhud li rnexxielu jegħleb dan il-​vizzju, forsi wara li pprova diversi drabi. Forsi x-​Xhud ikun jistaʼ jagħti lill-​istudent xi pariri prattiċi. Jekk int tħossok skomdu tikkonduċi l-​istudju waqt li jkun hemm ħu, jew oħt, taʼ esperjenza, dik id-​darba stieden lilu biex jikkonduċi l-​istudju. Meta tistieden lil oħrajn biex jiġu miegħek fuq l-​istudju tal-​Bibbja, l-​istudent tiegħek ikun jistaʼ jibbenefika mill-​esperjenza tagħhom. Ftakar, il-​mira tagħna hi li ngħinu lill-​istudent jagħmel progress spiritwali.

GĦANDI JIEN INWAQQAF L-​ISTUDJU?

17-18. X’għandek tikkunsidra meta tkun qed tiddeċiedi jekk għandekx twaqqaf studju?

17 Jekk l-​istudent tal-​Bibbja tiegħek mhux jagħmel bidliet f’ħajtu, se jkollok tistaqsi lilek innifsek, ‘Għandi jien inwaqqaf l-​istudju?’ Qabel tieħu din id-​deċiżjoni, għandek taħseb dwar l-​abbiltà tal-​persuna. Xi nies jieħdu iktar żmien minn oħrajn biex jagħmlu progress. Staqsi lilek innifsek: ‘L-​istudent tiegħi qed jagħmel progress b’mod raġunevoli meta nqis is-​sitwazzjoni tiegħu?’ ‘Beda hu ‘josserva,’ jew japplika, l-​affarijiet li qed jitgħallem?’ (Mt. 28:20) Jistaʼ jieħu ħafna żmien biex student isir dixxiplu. Imma bil-​mod il-​mod għandu jibqaʼ jagħmel bidliet f’ħajtu.

18 Imma x’għandna nagħmlu jekk ilna nistudjaw maʼ xi ħadd u mhux juri li l-​istudju hu importanti għalih? Immaġina li l-​istudent tiegħek lesta l-​istudju tal-​ktieb X’Nistgħu Nitgħallmu?, u forsi anke beda l-​ktieb Ibqaʼ fl-​imħabba t’Alla, imma għadu lanqas biss attenda laqgħa waħda tal-​kongregazzjoni—saħansitra lanqas it-​Tifkira! U spiss jikkanċella l-​istudju għal kull ħaġa taʼ xejn. Jekk l-​istudent tiegħek hu bħal dan, għandek titkellem b’mod ċar miegħu. *

19. X’tistaʼ tgħid lil xi ħadd li jidher li ma japprezzax l-​istudju tal-​Bibbja tiegħu, u x’se jkollok bżonn tikkunsidra?

19 Forsi tibda billi tistaqsi lill-​istudent, ‘X’taħseb li se tkun l-​ikbar sfida biex issir Xhud taʼ Ġeħova?’ Hu għandu mnejn iwieġeb, ‘Nieħu pjaċir nistudja l-​Bibbja, imma qatt mhu se nsir wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova!’ Jekk din hi l-​attitudni tiegħu wara li studja għal xi żmien, għandek għalfejn tkompli bl-​istudju? Mill-​banda l-​oħra, l-​istudent tiegħek jistaʼ għall-​ewwel darba jgħidlek x’inhu jżommu lura. Pereżempju, forsi jħoss li qatt mhu se jipprietka minn dar għal dar. Issa, li taf kif iħossu, se tkun tistaʼ tgħinu iktar.

Tużax il-ħin tiegħek biex tistudja maʼ xi ħadd li mhux jagħmel progress (Ara paragrafu 20)

20. Li nifhmu Atti 13:48, kif jistaʼ jgħinna niddeċiedu jekk għandniex inkomplu nikkonduċu studju jew le?

20 B’sogħba, xi studenti huma bħall-​Iżraelin fi żmien Eżekjel. Dwarhom, Ġeħova qal lil Eżekjel: “Għalihom int bħal għanja taʼ mħabba senswali, bħal xi ħadd li għandu leħen sabiħ u li jdoqq tajjeb strument tal-​korda. U kliemek jisimgħuh, imma ħadd ma jagħmlu.” (Eżek. 33:32) Nistgħu nsibuha bi tqila biex ngħidu student li ħa nieqfu nistudjaw il-​Bibbja miegħu. Madankollu, “iż-​żmien li fadal tqassar.” (1 Kor. 7:29) Minflok ma nkomplu nużaw il-​ħin tagħna biex nikkonduċu studju li mhux jagħmel progress, għandna nużaw il-​ħin biex insibu lil xi ħadd li juri li għandu “attitudni xierqa lejn il-​ħajja taʼ dejjem.”—Aqra Atti 13:48.

Jistaʼ jkun hemm oħrajn fit-territorju tiegħek li qed jitolbu għall-għajnuna (Ara paragrafu 20)

21. X’inhi l-​iskrittura għas-​sena 2020, u għala hi xierqa?

21 L-​iskrittura għas-​sena 2020 se tgħinna niffokaw fuq li ntejbu l-​kwalità tax-​xogħol tagħna taʼ li nagħmlu dixxipli. Tinkludi xi kliem li Ġesù qal matul dik il-​laqgħa importanti fuq muntanja fil-​Galilija: “Għalhekk, morru u agħmlu dixxipli . . . , [u] għammduhom.”Mt. 28:19.

Jalla nkunu determinati li niffokaw fuq li ntejbu l-kwalità tax-xogħol tagħna taʼ li nagħmlu dixxipli u fuq li ngħinu lill-istudenti tagħna jitgħammdu (Ara paragrafu 21)

GĦANJA 70 “Fittxu lil min jistħoqqlu”

^ par. 5 L-​iskrittura għas-​sena 2020 tinkuraġġina biex ‘nagħmlu dixxipli.’ Dan il-​kmand japplika għall-​qaddejja kollha taʼ Ġeħova. Kif nistgħu nilħqu qalb l-​istudenti tal-​Bibbja tagħna biex huma jsiru dixxipli taʼ Kristu? F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw kif nistgħu ngħinu lill-​istudenti tal-​Bibbja tagħna jersqu eqreb lejn Ġeħova. Se nikkunsidraw ukoll kif għandna niddeċiedu jekk għandniex inkomplu l-​istudju jew le.

^ par. 18 Ara l-​vidjow Inwaqqfu studji tal-​Bibbja li mhux jagħmlu progress fuq il-​JW Broadcasting®.