Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 6

Ġeħova, Missierna, Iħobbna Ħafna

Ġeħova, Missierna, Iħobbna Ħafna

“Hekk, mela, itolbu: ‘Missierna fis-​smewwiet.’”—MT. 6:9.

GĦANJA 135 L-​appell mill-​qalb taʼ Ġeħova: “Ibni, kun għaref”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’kellu jagħmel xi ħadd li ried ikellem lis-​sultan tal-​Persja?

IMMAĠINAK li qed tgħix madwar 2,500 sena ilu fil-​Persja. Inti trid tkellem lis-​sultan tal-​pajjiż dwar problema, għalhekk tivvjaġġa lejn il-​belt irjali taʼ Susan. Imma qabel ma tkellem lis-​sultan, inti għandek bżonn il-​permess tiegħu. Jekk ma tagħmilx hekk, jistaʼ jiswielek ħajtek!—Est. 4:11.

2. Ġeħova kif irid li nħossuna meta nitkellmu miegħu?

2 Kemm aħna grati li Ġeħova mhux bħal dak is-​sultan tal-​Persja! Għalkemm Ġeħova hu bil-​wisq superjuri minn kull mexxej uman, hu jistidinna nitkellmu miegħu meta rridu. Hu jrid li aħna nħossuna komdi meta nitkellmu miegħu. Pereżempju, għalkemm Ġeħova għandu ħafna titli impressjonanti bħall-​Ħallieq Grandjuż, Dak li Jistaʼ Kollox, u l-​Mulej Sovran, hu jridna nitkellmu miegħu u nużaw it-​terminu t’affezzjoni ‘Missier.’ (Mt. 6:9) Kemm jagħmilna ferħanin il-​fatt li Ġeħova jridna nħossuna daqshekk qrib tiegħu!

3. Lil Ġeħova għala nistgħu nsejħulu ‘Missier,’ u dan l-​artiklu x’se jiddiskuti?

3 Aħna bir-​raġun insejħu lil Ġeħova ‘Missier,’ għax hu Dak li jagħti l-​ħajja u n-​nifs u kollox. (Atti 17:24, 25) Peress li hu Missierna, aħna għandna r-​responsabbiltà li nobduh. Meta nagħmlu dak li jitlob minna, aħna ser ingawdu barkiet meraviljużi. (Ebr. 12:9) Dawn il-​barkiet jinkludu ħajja taʼ dejjem, kemm jekk fis-​sema u kemm jekk fuq l-​art. Aħna qed ingawdu barkiet issa wkoll. Dan l-​artiklu se jiddiskuti kif Ġeħova qed jaġixxi bħala Missier li jħobb u kif aħna nistgħu nkunu ċerti li hu qatt mhu se jabbandunana fil-​futur. Imma l-​ewwel, ejja naraw għala nistgħu nkunu ċerti li Missierna tas-​sema jħobbna ħafna u jieħu ħsiebna.

ĠEĦOVA HU MISSIER LI JAF IĦOBB ĦAFNA

Ġeħova jrid ikun qrib tagħna, bħalma missier li jħobb ikun irid iħossu viċin it-​tfal tiegħu (Ara paragrafu 4)

4. Għala xi wħud isibuha diffiċli biex iqisu lil Ġeħova bħala Missierhom?

4 Issibha diffiċli biex taħseb dwar Alla bħala Missierek? Xi wħud forsi jaħsbu li Ġeħova tant hu kbir li mhumiex importanti għalih. Huma jiddubitaw jekk Alla li Jistaʼ Kollox jimpurtahx minnhom b’mod individwali. Però, Missierna kollu mħabba ma jridniex inħossuna hekk. Hu tana l-​ħajja u jridna nfittxuh u nsibuh. Wara li qal dawn il-​veritajiet, l-​appostlu Pawlu spjega lis-​semmiegħa tiegħu f’Ateni li Ġeħova “m’huwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna.” (Atti 17:24-29) Alla jrid li kull wieħed minna jmur għandu bħal meta tifel dejjem imur għand missieru li jħobbu ħafna.

5. X’nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ oħt Kristjana?

5 Oħrajn għandu mnejn isibuha diffiċli biex iqisu lil Ġeħova bħala Missierhom peress li missierhom wera ftit li xejn imħabba u affezzjoni lejhom. Ikkunsidra l-​kummenti taʼ oħt Kristjana, “Missieri weġġagħni ħafna b’dak li kien jgħidli.” Hi tgħid, “Meta bdejt nistudja l-​Bibbja, kien diffiċli għalija biex inħossni qrib Missieri tas-​sema. Imma wara li sirt naf lil Ġeħova, inbidel kollox.” Ġieli ħassejtek hekk? Jekk iva, kun ċert li int ukoll tistaʼ tibda tqis lil Ġeħova bħala l-​aqwa Missier li jistaʼ jkollok.

6. Skont Mattew 11:27, b’liema mod Ġeħova jgħinna nqisuh bħala Missier kollu mħabba?

6 Mod wieħed kif Ġeħova għenna nqisuh bħala Missier li jħobbna hu billi għandna l-​kliem u l-​azzjonijiet taʼ Ġesù mniżżlin fil-​Bibbja. (Aqra Mattew 11:27.) Ġesù tant imita perfettament il-​personalità taʼ Missieru li setaʼ jgħid: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġw. 14:9) Ġesù spiss tkellem dwar l-​irwol li Ġeħova wettaq bħala Missier. Biss biss, fl-​erbaʼ Evanġelji, Ġesù uża t-​terminu “Missier” madwar 165 darba biex jirreferi għal Ġeħova. Ġesù għala tkellem ħafna dwar Ġeħova? Raġuni waħda hija biex in-​nies ikunu konvinti li Ġeħova huwa Missier kollu mħabba.—Ġw. 17:25, 26.

7. X’nitgħallmu dwar Ġeħova mill-​mod kif tratta lil Ġesù?

7 Ikkunsidra x’nitgħallmu dwar Ġeħova mill-​mod kif hu tratta lil Ibnu, Ġesù. Ġeħova dejjem semaʼ t-​talb taʼ Ġesù. Hu mhux biss semaʼ t-​talb tiegħu imma wieġbu wkoll. (Ġw. 11:41, 42) Kienu x’kienu l-​provi li Ġesù ffaċċja, hu dejjem ħass l-​imħabba u l-​għajnuna taʼ Missieru.—Lq. 22:42, 43.

8. B’liema modi Ġeħova pprovda għal Ġesù?

8 Ġesù fehem li Missieru kien Dak li tah il-​ħajja u li sostnieh meta qal: “Jien ngħix minħabba l-​Missier.” (Ġw. 6:57) Ġesù fada lil Missieru kompletament, u Ġeħova tah dak kollu li kellu bżonn biex jgħix. Iktar importanti minn hekk, Ġeħova għen lil Ġesù biex jibqaʼ leali lejh.—Mt. 4:4.

9. Ġeħova kif wera li bħala Missier ħabb ħafna lil Ġesù?

9 Bħala Missier kollu mħabba, Ġeħova għamel ċert li Ġesù jkun jaf li għandu l-​għajnuna taʼ Missieru. (Mt. 26:53; Ġw. 8:16) Minkejja li Ġeħova ma pproteġiex lil Ġesù minn dak kollu li setaʼ jagħmillu l-​ħsara, Hu għenu jissaporti l-​provi. Ġesù kien jaf li kull tip taʼ tbatija li kien se jiffaċċja kienet temporanja. (Ebr. 12:2) Ġeħova wera li ħabb lil Ġesù billi semaʼ t-​talb tiegħu, ipprovdielu dak li kellu bżonn, għallmu, u għenu. (Ġw. 5:20; 8:28) Issa ejja naraw kif Missierna tas-​sema jieħu ħsiebna b’mod simili.

KIF JIEĦU ĦSIEBNA MISSIERNA KOLLU MĦABBA?

Missier kollu mħabba (1) jismaʼ, (2) jipprovdi, (3) jgħallem, u (4) jipproteġi lit-​tfal tiegħu. Missierna tas-​sema kollu mħabba jieħu ħsiebna b’mod simili (Ara paragrafi 10-15) *

10. Skont Salm 66:19, 20, Ġeħova kif juri li jħobbna?

10 Ġeħova jismaʼ t-​talb tagħna. (Aqra Salm 66:19, 20.) Hu ma jridniex inżommu lura milli nitolbuh, minflok iħeġġiġna biex nitolbu spiss. (1 Tess. 5:17) Aħna nistgħu nitolbu lil Alla meta rridu, inkunu fejn inkunu. Hu dejjem isib il-​ħin biex jismagħna b’attenzjoni. Meta aħna napprezzaw li Ġeħova jismaʼ t-​talb tagħna, se nersqu eqreb lejh. Is-​salmista qal: “Jien nimtela bl-​imħabba meta Ġeħova jismaʼ leħni.”—Salm 116:1.

11. Ġeħova kif iwieġeb it-​talb tagħna?

11 Missierna mhux biss jismaʼ t-​talb tagħna imma jwieġbu wkoll. L-​appostlu Ġwanni jaċċertana li “kulma nitolbuh [lil Alla] skond ir-​rieda tiegħu, hu jismagħna.” (1 Ġw. 5:14, 15) Ovvjament, Ġeħova jaf ma jwiġibx it-​talb tagħna bil-​mod kif naħsbu aħna. Hu jaf x’inhu l-​aħjar għalina, għalhekk xi kultant it-​tweġiba tiegħu tkun le jew ikun iridna nistennew.—2 Kor. 12:7-9.

12-13. B’liema modi Missierna tas-​sema jipprovdilna?

12 Ġeħova jipprovdilna. Hu jagħmel dak li jitlob minn kull missier. (1 Tim. 5:8) Hu jagħti lit-​tfal tiegħu l-​affarijiet li għandhom bżonn biex jgħixu. Hu ma jridniex inkunu ansjużi dwar l-​ikel, il-​ħwejjeġ, jew id-​dar tagħna. (Mt. 6:32, 33; 7:11) Minħabba li hu Missier kollu mħabba, Ġeħova għamel ċert ukoll li aħna jkollna dak li se niġu bżonn fil-​futur.

13 L-​iktar ħaġa importanti hi li Ġeħova jipprovdi l-​bżonnijiet spiritwali tagħna. Permezz tal-​Kelma tiegħu, hu qalilna l-​verità dwaru, l-​iskop tiegħu, l-​iskop tal-​ħajja, u dak li se jiġri fil-​futur. Hu għenna billi uża lill-​ġenituri tagħna jew għalliem ieħor biex jgħallimna dwaru. U hu jkompli jgħinna permezz tal-​anzjani fil-​kongregazzjoni u aħwa maturi oħrajn li juru mħabba. Ukoll, Ġeħova jgħallimna permezz tal-​laqgħat tal-​kongregazzjoni, fejn aħna nitgħallmu flimkien mal-​familja spiritwali tagħna. Apparti dawn il-​modi, Ġeħova, bħala Missier, juri interess fina b’modi oħrajn.—Salm 32:8.

14. Ġeħova għala jgħallimna, u hu kif jagħmel dan?

14 Ġeħova jgħallimna. Aħna m’aħniex perfetti bħal Ġesù. Għalhekk bħala parti mit-​taħriġ tagħna, Missierna kollu mħabba jiddixxiplinana meta jkun hemm bżonn. Il-​Kelma tiegħu tfakkarna: “Ġeħova jiddixxiplina lil min iħobb.” (Ebr. 12:6, 7) Ġeħova jiddixxiplinana b’diversi modi. Pereżempju, xi ħaġa li naqraw fil-​Kelma tiegħu jew xi ħaġa li nisimgħu fil-​laqgħat tagħna, tistaʼ tikkoreġina. Jew forsi l-​għajnuna li għandna bżonn tiġi mill-​anzjani. Tkun kif tkun, id-​dixxiplina taʼ Ġeħova dejjem tkun immotivata mill-​imħabba.—Ġer. 30:11.

15. Ġeħova b’liema modi jipproteġina?

15 Ġeħova jgħinna matul l-​provi tagħna. Bħalma missier jgħin lit-​tfal tiegħu matul żmien diffiċli, Missierna tas-​sema jgħinna nissaportu matul il-​provi. Hu jagħtina l-​ispirtu qaddis. Dan jipproteġina minn dak kollu li jistaʼ jagħmel il-​ħsara r-​relazzjoni li għandna miegħu. (Lq. 11:13) Ġeħova jgħinna wkoll meta nkunu skuraġġiti. Pereżempju, hu jagħtina tama meraviljuża. Din it-​tama għall-​futur tgħinna biex nissaportu l-​problemi. Ikkunsidra dan: Jiġrulna kemm jiġrulna affarijiet ħżiena, Missierna kollu mħabba ser ifejjaq kompletament l-​uġigħ li jkollna. Il-​provi li qed niffaċċjaw huma biss temporanji, imma l-​barkiet li Ġeħova jagħtina huma għal dejjem.—2 Kor. 4:16-18.

MISSIERNA QATT MA SE JABBANDUNANA

16. X’ġara meta Adam ma obdiex lil Missieru?

16 Aħna naraw evidenza tal-​imħabba taʼ Ġeħova meta naħsbu dwar dak li għamel meta Adam ma obdiehx. Meta Adam ma obdiex lil Missieru tas-​sema, hu tilef postu fil-​familja taʼ Ġeħova, mhux hu biss imma anki d-​dixxendenti tiegħu. (Rum. 5:12; 7:14) Imma Ġeħova għamel xi ħaġa biex jgħin lid-​dixxendenti t’Adam.

17. Wara li Adam ma obdiex, Ġeħova x’għamel?

17 Ġeħova kkastiga lil Adam, imma hu wiegħed li se jgħin lid-​dixxendenti tiegħu. Hu mill-​ewwel wiegħed li bnedmin ubbidjenti kienu se jerġgħu jingħaqdu mal-​familja tiegħu. (Ġen. 3:15; Rum. 8:20, 21) Ġeħova għamel dan possibbli permezz tas-​sagrifiċċju bħala fidwa tal-​maħbub Ibnu, Ġesù. Ġeħova wera kemm verament iħobbna billi ta lil Ibnu għalina.—Ġw. 3:16.

Jekk tbegħedna minn Alla imma nuru li ddispjaċiena, Missierna kollu mħabba, Ġeħova, lest u ħerqan li jilqagħna lura (Ara paragrafu 18)

18. Għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova jridna nkunu t-​tfal tiegħu, anka jekk inkunu tbegħedna minnu?

18 Minkejja li aħna imperfetti, Ġeħova jridna nkunu fil-​familja tiegħu. Hu qatt ma jqisna taʼ piż għalih. Kultant jistaʼ jkun li niddiżappuntawh jew nitbiegħdu minnu, imma Ġeħova ma jaqtax qalbu minna. Ġesù wera kemm Ġeħova jħobb lit-​tfal tiegħu bl-​istorja tal-​iben il-​ħali. (Lq. 15:11-32). Il-​missier f’din l-​istorja qatt ma waqaf jittama li ibnu jerġaʼ jmur lura d-​dar. Meta t-​tifel mar lura, il-​missier kien ħerqan li jilqgħu lura. Jekk aħna tbegħedna minn Ġeħova imma nuru li ddispjaċiena, nistgħu nkunu ċerti li Missierna kollu mħabba lest u ħerqan biex jilqagħna lura.

19. Ġeħova kif se jirranġa l-​ħsara li għamel Adam?

19 Missierna se jirranġa l-​ħsara kollha li għamel Adam. Wara li Adam m’obdiex, Ġeħova ddeċieda li jadotta 144,000 mill-​bnedmin biex jaqdu bħala slaten u qassisin fis-​sema maʼ Ibnu. Ġesù u dawk li se jmexxu miegħu se jgħinu lill-​bnedmin ubbidjenti biex isiru perfetti fid-​dinja l-​ġdida. Wara li jgħaddu mill-​aħħar test taʼ ubbidjenza, Alla se jagħtihom ħajja taʼ dejjem. Imbagħad Missierna se jkollu s-​sodisfazzjon li jara l-​art mimlija bi tfal perfetti. Xi żmien tal-​għaġeb se jkun dan!

20. (a) B’liema modi Ġeħova wera li hu jħobbna ħafna? (b) X’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

20 Ġeħova wera li jħobbna ħafna. Hu l-​aqwa Missier. Hu jismaʼ t-​talb tagħna u jipprovdilna dak li għandna bżonn, kemm materjalment kif ukoll spiritwalment. Hu jgħallimna u jgħinna. Ukoll, se jagħmel affarijiet sbieħ għalina fil-​futur. Kemm jagħmilna ferħanin il-​fatt li nafu li Missierna jħobbna u jieħu ħsiebna! L-​artiklu li jmiss se niddiskutu modi kif aħna, bħala tfal tiegħu, nistgħu nuru li aħna grati għall-​imħabba tiegħu.

GĦANJA 108 L-​imħabba leali t’Alla

^ par. 5 Aħna spiss naħsbu f’Ġeħova bħala l-​Ħallieq tagħna u l-​Mexxej tal-​univers. Imma għandna raġunijiet tajbin biex inqisuh bħala Missier li jħobbna ħafna. Dan l-​artiklu se jiddiskuti dawn ir-​raġunijiet. Ukoll, aħna se nitgħallmu għala nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova qatt mhu se jabbandunana.

^ par. 59 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: L-​erbaʼ stampi juru missier mat-​tifel jew it-​tifla tiegħu: missier jismaʼ b’attenzjoni lit-​tifel tiegħu, missier jipprovdi dak li għandha bżonn it-​tifla tiegħu, missier jgħallem lit-​tifel tiegħu, u missier jinkuraġġixxi lit-​tifel tiegħu. It-​tpinġija taʼ id Ġeħova li qiegħda wara l-​erbaʼ stampi tfakkarna li Ġeħova jieħu ħsiebna b’modi simili.