Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 9

Ħalli lil Ġeħova Jgħinek Tibqaʼ Kalm

Ħalli lil Ġeħova Jgħinek Tibqaʼ Kalm

“Meta l-​ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-​faraġ tiegħek beda jmellisli [jew, “jikkalmali”] ruħi.”—SALM 94:19.

GĦANJA 44 Talba taʼ min ikun imnikket

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Għala nistgħu nħossuna ansjużi, u x’nistgħu nibdew naħsbu?

ĠIELI ħassejtek ansjuż * dwar xi ħaġa? Int forsi tħossok hekk minħabba li ħaddieħor għamel jew qal xi ħaġa li weġġgħetek. Jew forsi tħossok ansjuż minħabba dak li għamilt jew għedt int stess. Pereżempju, forsi minħabba żball li għamilt tinkwieta li Ġeħova qatt mhu se jaħfirlek. Biex tkompli tagħmel is-​sitwazzjoni agħar, int forsi taħseb li minħabba li tinkwieta ħafna dwar xi ħaġa, int m’għandekx fidi biżżejjed u li int persuna ħażina. Imma huwa veru dan?

2. Liema eżempji mill-​Bibbja juru li l-​ansjetà ma tfissirx li m’għandniex fidi?

2 Ikkunsidra ftit eżempji mill-​Bibbja. Ħanna, omm il-​profeta Samwel, kienet mara taʼ fidi kbira. Minkejja dan, hi ħassitha inkwetata ħafna minħabba li xi ħadd li kien jgħix fl-​istess dar magħha trattaha ħażin. (1 Sam. 1:7) L-​appostlu Pawlu kellu fidi b’saħħitha, imma hu ħass “l-​ansjetà għall-​kongregazzjonijiet kollha.” Dan kien wisq għalih. (2 Kor. 11:28) Is-​Sultan David kellu fidi kbira, u Ġeħova kien iħobbu ħafna. (Atti 13:22) Però, l-​żbalji li David għamel ġegħluh iħossu mkisser bl-​inkwiet. (Salm 38:4) Ġeħova farraġ u kkalma lil kull wieħed minnhom. Ejja neżaminaw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji tagħhom.

X’NITGĦALLMU MIL-​LEALTÀ TAʼ ĦANNA?

3. Dak li jgħid ħaddieħor kif jistaʼ jġegħelna nħossuna ansjużi?

3 Aħna forsi nħossuna ansjużi meta oħrajn ikellmuna bl-​aħrax jew ikunu kattivi magħna. Dan ikun l-​aktar taʼ wġigħ meta dak li jweġġagħna jkun ħabib jew membru tal-​familja. Aħna forsi ninkwetaw li l-​ħbiberija tagħna maʼ din l-​persuna spiċċat. Kultant, dak li jweġġagħna jaf jgħid kliem bla ħsieb, li jkun qisu daqqiet taʼ sejf! (Prov. 12:18) Jew xi ħadd għandu mnejn jgħid affarijiet apposta biex iweġġagħna bihom. Xi ħaġa bħal din ġrat lil oħt żagħżugħa. Hi tgħid: “Ftit taʼ snin ilu, xi ħadd li jien ħsibt li kien ħabib tiegħi beda jigdeb fuqi onlajn. Ħassejtni mweġġaʼ u ansjuża. Ma stajtx nifhem għala kienet qed tgħid dal-​gideb fuqi u tweġġagħni.” Jekk ġejt imweġġaʼ minn ħabib tal-​qalb jew membru tal-​familja, int tistaʼ titgħallem ħafna minn Ħanna.

4. Liema problemi ffaċċjat Ħanna?

4 Ħanna ffaċċjat ħafna problemi. Għal ħafna snin hi ma setax ikollha tfal. (1 Sam. 1:2) Ħafna Iżraelin kienu jaħsbu li jekk mara ma setax ikollha tfal, ma kienx ikollha l-​barka t’Alla. Dan ġegħelha tħossha imbarazzata. (Ġen. 30:1, 2) Biex tkompli tgħaxxaqha, ir-​raġel taʼ Ħanna kellu mara oħra jisimha Peninna li kellha t-​tfal. Peninna kienet tgħir għal Ħanna u kienet iddejjaqha u tweġġagħha ħafna b’dak li tagħmel. (1 Sam. 1:6) Ħanna kienet imdejqa ħafna bis-​sitwazzjoni tagħha. Tant kienet imdejqa “li kienet tibki u ma tikolx.” Ħassitha ddisprata. (1 Sam. 1:7, 10) Ħanna kif sabet il-​faraġ?

5. It-​talb kif għen lil Ħanna?

5 Ħanna talbet lil Ġeħova u qaltlu kemm kienet imdejqa u mweġġgħa. Wara li talbet, hi spjegat is-​sitwazzjoni tagħha lill-​Qassis il-​Kbir Għeli. Imbagħad hu qalilha: “Mur bis-​sliem, u jalla l-​Alla taʼ Israel jismaʼ t-​talba tiegħek.” X’kien ir-​riżultat? Ħanna “marret għal triqitha u kielet, u wiċċha ma baqax jidher imħasseb bħal qabel.” (1 Sam. 1:17, 18) It-​talb għen lil Ħanna jerġaʼ jkollha l-​paċi, jiġifieri tkun kalma.

Bħal Ħanna, aħna llum kif nistgħu nibqgħu fil-paċi? (Ara paragrafi 6-10)

6. X’lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu minn Ħanna u minn Filippin 4:6, 7 dwar it-​talb?

6 Aħna jistaʼ jerġaʼ jkollna l-​paċi jekk nibqgħu nitolbu lil Ġeħova. Ħanna qattgħet ħin twil titlob lil Missierha tas-​sema. (1 Sam. 1:12) Anki aħna nistgħu nitkellmu fit-​tul maʼ Ġeħova u ngħidulu dak li qed jinkwetana, ibeżżagħna, u dwar in-​nuqqasijiet tagħna. It-​talb tagħna m’għandux għalfejn ikun poetiku jew perfett. Jistaʼ jkun li kultant anki nibku meta ngħidu lil Ġeħova bid-​dwejjaq li jkollna. Minkejja dan, Ġeħova qatt mhu se jiddejjaq jismagħna. Apparti li nistgħu nitolbu dwar il-​problemi tagħna, irridu niftakru fil-​parir li tana Pawlu f’​Filippin 4:6, 7. (Aqra.) Hu qalilna li għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova fit-​talb. Aħna għandna ħafna għal xiex nirringrazzjawh. Pereżempju, nistgħu nirringrazzjawh għar-​rigal tal-​ħajja, għall-​affarijiet sbieħ li hu għamel għalina, għall-​imħabba leali tiegħu, u għat-​tama mill-​isbaħ li tana. X’nistgħu nitgħallmu iktar minn Ħanna?

7. Ħanna u r-​raġel tagħha x’għamlu regolarment?

7 Minkejja l-​problemi tagħha, Ħanna regolarment marret mar-​raġel tagħha fil-​post taʼ qima lil Ġeħova f’Silo. (1 Sam. 1:1-​5) Waqt li Ħanna kienet fit-​tabernaklu, il-​Qassis il-​Kbir Għeli kellimha. Hemmhekk, hu inkuraġġieha billi qalilha li kien qed jittama li Ġeħova jismaʼ t-​talb tagħha.—1 Sam. 1:9, 17.

8. Il-​laqgħat kif jistgħu jgħinuna? Spjega.

8 Aħna jistaʼ jerġaʼ jkollna l-​paċi jekk nibqgħu nattendu l-​laqgħat tal-​kongregazzjoni. Fil-​bidu tal-​laqgħat tagħna, ħu normalment jitlob biex l-​ispirtu t’Alla jkun magħna. Il-​paċi hi parti mill-​frott taʼ l-​ispirtu li nirċievu. (Gal. 5:22) Meta nattendu l-​laqgħat anki meta nkunu stressati, aħna nagħtu lil Ġeħova u lil ħutna l-​opportunità biex jinkuraġġuna u jgħinuna jerġaʼ jkollna l-​paċi f’qalbna u f’moħħna. It-​talb u l-​laqgħat huma modi importanti kif Ġeħova jgħinna nkunu kalmi. (Ebr. 10:24, 25) Ejja naraw lezzjoni oħra li nistgħu nitgħallmu mill-​esperjenza taʼ Ħanna.

9. Fil-​każ taʼ Ħanna x’ma nbidilx, u x’kien dak li għenha?

9 Il-​problemi taʼ Ħanna ma spiċċawx mill-​ewwel. Meta Ħanna telqet mit-​tabernaklu u marret lura d-​dar, hi xorta kellha tgħix fl-​istess dar maʼ Peninna. U l-​Bibbja ma tgħidx li l-​attitudni taʼ Peninna nbidlet. Mela milli jidher, Ħanna kellha tibqaʼ tissaporti l-​kliem taʼ wġigħ. Imma dan ma waqqafx lil Ħanna milli tkun fil-​paċi. Meta hi ħalliet is-​sitwazzjoni tagħha f’idejn Ġeħova, hi baqgħet kalma. Hi ħalliet lil Ġeħova jfarraġha u jikkalmaha. Xi żmien wara, Ġeħova wieġeb it-​talba taʼ Ħanna u kellha t-​tfal!—1 Sam. 1:19, 20; 2:21.

10. X’nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ħanna?

10 Aħna jistaʼ jerġaʼ jkollna l-​paċi anki jekk il-​problema tagħna tibqaʼ hemm. Għalkemm nitolbu mill-​qalb u nattendu l-​laqgħat regolarment, xi problemi jistgħu jibqgħu. Imma mill-​eżempju taʼ Ħanna nistgħu nitgħallmu li jekk nistrieħu fuq Ġeħova, xejn ma jistaʼ jwaqqfu milli jikkalmana. Ġeħova qatt mhu se jinsiena, u llum jew għada, se jippremjana jekk ma naqtgħux qalbna.—Ebr. 11:6.

X’NITGĦALLMU MILL-​APPOSTLU PAWLU?

11. Pawlu x’raġunijiet kellu biex iħossu ansjuż?

11 Pawlu kellu ħafna raġunijiet biex iħossu ansjuż. Pereżempju, minħabba li kien iħobb lil ħutu rġiel u nisa, il-​problemi tagħhom ġegħluh jinkwieta. (2 Kor. 2:4; 11:28) Waqt l-​ippritkar tiegħu, Pawlu ffaċċja oppożizzjoni, ġie msawwat u anki mitfugħ il-​ħabs. Hu anki ffaċċja diffikultajiet li ġegħluh ikun ansjuż, bħal meta ‘kellu ftit’ affarijiet bżonjużi. (Flp. 4:12) U minħabba li minn tal-​inqas esperjenza nawfraġju, tliet darbiet, x’aktarx li kien iħossu ansjuż meta kellu jivvjaġġa bil-​baħar. (2 Kor. 11:23-27) X’għen lil Pawlu meta kien ansjuż?

12. X’għen lil Pawlu biex ikun inqas ansjuż?

12 Pawlu kien jinkwieta meta ħutu, irġiel u nisa, kellhom il-​problemi. Imma hu ma provax isolvihom waħdu. Pawlu kien modest. Għalhekk talab lil oħrajn biex jgħinuh jieħu ħsieb il-​kongregazzjoni. Pereżempju, hu ta ħafna responsabbiltajiet lill-​irġiel taʼ min jafdahom bħal Timotju u Titu. Ix-​xogħol li għamlu dawn l-​aħwa żgur li għenuh ikun inqas ansjuż.—Flp. 2:19, 20; Titu 1:1, 4, 5.

Bħall-appostlu Pawlu, x’nistgħu nagħmlu biex nevitaw li nkunu ansjużi żżejjed? (Ara paragrafi 13-15)

13. Kif jistgħu l-​anzjani jimitaw lil Pawlu?

13 Itlob lil oħrajn jgħinuk. Bħal Pawlu, ħafna anzjani bi mħabba jħossuhom ansjużi għal dawk fil-​kongregazzjoni li għandhom il-​problemi. Imma anzjan ma jistax jgħin lill-​aħwa kollha tal-​kongregazzjoni. Li jkun modest se jgħinu jifhem li hu ma jistax jagħmel kollox waħdu. Se jitlob lil aħwa rġiel kwalifikati jgħinuh u se jkun lest jittrennja lil irġiel żgħażagħ jgħinuh jieħu ħsieb il-​merħla t’Alla.—2 Tim. 2:2.

14. (a) Dwar xiex ma qagħadx jinkwieta Pawlu? (b) X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tiegħu?

14 Ammetti li għandek bżonn il-​faraġ. Pawlu kien umli, allura hu fittex u rċieva l-​inkuraġġiment mingħand ħutu. Hu ma inkwetax li oħrajn jaħsbu li hu dgħajjef minħabba li ħutu inkuraġġewh. Fl-​ittra tiegħu lil Filemon, Pawlu qal: “Jien fraħt u tfarraġt ħafna bl-​imħabba tiegħek.” (Flm. 7.) Pawlu semma diversi aħwa li inkuraġġewh matul żmien diffiċli. (Kol. 4:7-​11) Meta b’umiltà nammettu li għandna bżonn l-​inkuraġġiment, ħutna rġiel u nisa se jkunu ferħanin meta jagħtuna s-​sapport li jkollna bżonn.

15. X’għamel Pawlu meta kien f’sitwazzjoni vera diffiċli?

15 Afda fil-​Kelma t’Alla. Pawlu kien jaf li l-​Iskrittura kienet se tfarrġu. (Rum. 15:4) Kienet ukoll se tagħtih l-​għerf biex jiffaċċja kull prova. (2 Tim. 3:15, 16) Meta kien fil-​ħabs għat-​tieni darba f’Ruma, Pawlu kien jaf li l-​mewt tiegħu kienet qrib. F’dik is-​sitwazzjoni stressanti, x’għamel Pawlu? Hu talab lil Timotju biex jiġi malajr u jġiblu “r-​rombli.” (2 Tim. 4:6, 7, 9, 13) Għala? Dawn ir-​rombli x’aktarx li kienu parti mill-​Iskrittura Ebrajka li Pawlu setaʼ juża fl-​istudju personali tiegħu tal-​Bibbja. Meta nimitaw lil Pawlu billi b’mod regolari nistudjaw il-​Kelma t’Alla, Ġeħova se juża l-​Iskrittura biex jikkalmana, anki fl-​iktar sitwazzjoni diffiċli.

X’NITGĦALLMU MIS-​SULTAN DAVID?

Bħal David, x’jistaʼ jgħinna jekk nagħmlu żball serju? (Ara paragrafi 16-19)

16. Kif ħassu David meta għamel żball serju?

16 David kien għamel xi ħaġa ħażina ħafna. Hu kien għamel adulterju maʼ Bat-​seba, ippjana biex jinqatel ir-​raġel tagħha, u pprova jaħbi dak li għamel. (2 Sam. 12:9) Għall-​ewwel, David injora l-​kuxjenza tiegħu. Minħabba f’hekk, hu għamel ħsara lir-​relazzjoni tiegħu maʼ Ġeħova, ħassu stressat ħafna u anki ma jiflaħx. (Salm 32:3, 4) X’għen lil David ikampa mal-​ansjetà li ġab fuqu nnifsu, u x’jistaʼ jgħinna jekk nagħmlu żball serju?

17. Il-​kliem mill-​qalb taʼ David imniżżel f’​Salm 51:1-4, kif juri li ddispjaċieh?

17 Itlob għall-​maħfra. David fl-​aħħar talab lil Ġeħova. Hu ddispjaċieh ħafna u qal lil Ġeħova kull ma kien għamel. (Aqra Salm 51:1-​4.) Dan għenu jikkalma u jerġaʼ jkun ferħan! (Salm 32:1, 2, 4, 5) Jekk għamilt dnub serju, tipprovax taħbih. Minflok, itlob lil Ġeħova u għidlu dak kollu li għamilt. Imbagħad, int se tħossok iktar kalm u mhux se tħossok daqshekk ħati. Imma jekk trid tirranġa l-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova, trid tagħmel iktar milli titlob.

18. David kif wieġeb għad-​dixxiplina?

18 Aċċetta d-​dixxiplina. Meta Ġeħova bagħat lill-​profeta Natan biex jitkellem maʼ David dwar id-​dnub tiegħu, David ma qagħadx isib l-​iskużi jew iċċekken d-​dnub li kien għamel. Hu ammetta mill-​ewwel li mhux biss kien dineb kontra r-​raġel taʼ Bet-​seba, imma agħar minn hekk, kontra Ġeħova. David aċċetta d-​dixxiplina mingħand Ġeħova, u Ġeħova ħafirlu. (2 Sam. 12:10-​14) Jekk għamilna xi dnub serju, aħna rridu nitkellmu maʼ dawk li Ġeħova għażel biex jieħdu ħsiebna. (Ġak. 5:14, 15) U m’għandniex niġġustifikaw dak li għamilna. Iktar ma naċċettaw u napplikaw malajr kull dixxiplina li nirċievu, iktar se jerġaʼ jkollna l-​paċi u l-​ferħ malajr.

19. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

19 Kun determinat li ma terġax tagħmel l-​istess żbalji. Is-​Sultan David kien jaf li jekk ried jevita li jagħmel l-​istess dnubiet, hu kellu bżonn l-​għajnuna taʼ Ġeħova. (Salm 51:7, 10, 12) Wara li rċieva l-​maħfra taʼ Ġeħova, David kien determinat li jevita ħsibijiet ħżiena. Minħabba f’hekk, hu reġaʼ kellu l-​paċi miegħu nnifsu.

20. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-​maħfra taʼ Ġeħova?

20 Aħna nuru li napprezzaw il-​maħfra taʼ Ġeħova meta nitolbuh maħfra, naċċettaw id-​dixxiplina, u naħdmu iebes biex ma nerġgħux nagħmlu l-​istess żbalji. Meta nagħmlu dawn il-​passi, aħna se jerġaʼ jkollna l-​paċi magħna nfusna. James, ħu li kien għamel dnub serju, esperjenza dan. Hu jgħid: “Meta għedt lill-​anzjani d-​dnub li għamilt, ħadt ir-​ruħ. Bdejt nerġaʼ ngawdi l-​paċi tal-​moħħ.” Kemm hu inkuraġġanti li nafu li “Ġeħova hu qrib dawk li għandhom qalbhom maqsuma; u lil dawk bi spirtu miksur isalvahom”!—Salm 34:18.

21. Ġeħova kif jistaʼ jikkalmana?

21 Minħabba li qegħdin vera qrib it-​tmien, aktarx se jkollna iktar u iktar ansjetà. Meta jkollok ħsibijiet li jinkwetawk, iddumx biex titlob lil Ġeħova għall-​għajnuna. Studja bir-​reqqa l-​Bibbja. Tgħallem mill-​eżempji li ħallewlna Ħanna, Pawlu, u David. Itlob lil Missierek tas-​sema biex jgħinek tifhem x’qed jinkwetak. (Salm 139:23) Ħallih jgħinek fil-​problemi tiegħek, speċjalment dawk li m’għandekx kontroll fuqhom. Jekk tagħmel hekk, int tistaʼ tkun bħas-​salmista li kanta lil Ġeħova: “Meta l-​ħsibijiet li jinkwetawni żdiedu ġewwa fija, il-​faraġ tiegħek beda jmellisli [jew, “jikkalmali”] ruħi.”—Salm 94:19.

GĦANJA 4 “Ġeħova huwa r-​Ragħaj tiegħi”

^ par. 5 Xi kultant, ilkoll kemm aħna nħossuna ansjużi dwar il-​problemi li niffaċċjaw. Dan l-​artiklu jitkellem dwar tliet qaddejja taʼ Ġeħova li jissemmew fil-​Bibbja li kultant kienu inkwetati ħafna. Jiddiskuti wkoll kif Ġeħova farraġ u kkalma lil kull wieħed minnhom.

^ par. 1 ESPRESSJONI SPJEGATA: L-​ansjetà hi meta nħossuna mbeżżgħin jew inkwetati dwar xi ħaġa. Jistaʼ jkun li nħossuna b’dal-​mod minħabba problemi taʼ flus, mard, problemi fil-​familja, jew diffikultajiet personali oħra. Ukoll, nistgħu nħossuna ansjużi minħabba żbalji li għamilna fil-​passat jew għax noqogħdu naħsbu dwar problemi li jistgħu jiġru fil-​futur.