Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Ċilindru tal-fuħħar li għandu l-isem Belsassar

Kont Taf?

Kont Taf?

L-arkeoloġiċi kif jikkonfermaw li Belsassar taʼ Babilonja eżista u kien sultan?

GĦAL ħafna snin, kritiċi tal-​Bibbja qalu li s-​Sultan Belsassar, li jissemma fil-​ktieb taʼ Danjel, qatt ma eżista. (Dan. 5:1) Huma emmnu dan minħabba li l-​arkeoloġiċi ma sabu l-​ebda evidenza li hu vera kien jeżisti. Imma dan inbidel fl-​1854. Għala?

F’dik is-​sena, konslu Brittaniku li jismu J. G. Taylor skopra xi fdalijiet taʼ bini mwaqqaʼ fil-​belt tal-​qedem f’Ur, dik li llum hi fin-​naħa t’isfel tal-​Iraq. Hemmhekk, ġo torri kbir, hu sab diversi ċilindri tal-​fuħħar. Kull wieħed minn dawn iċ-​ċilindri kien madwar 10 ċentimetri twil b’kitba mnaqqxa fuqu. Il-​kitba fuq wieħed miċ-​ċilindri kienet talba biex is-​sultan taʼ Babilonja Nabonidu u ibnu l-​kbir, Belsassar, ikollhom ħajja twila. Anki l-​kritiċi kellhom jammettu li dawn iċ-​ċilindri kkonfermaw li Belsassar vera eżista.

Però, il-​Bibbja mhux biss tgħid li Belsassar eżista imma tgħid ukoll li kien sultan. Għal darb’oħra, il-​kritiċi ddubitaw. Pereżempju, madwar is-​sena 1875, xjentist Ingliż William Talbot kiteb li xi wħud jgħidu li “Bel-​sar-​ussur [Belsassar] mexxa fl-​istess żmien taʼ Nabonidu, missieru. Imma ma hemm l-​ebda evidenza taʼ dan.”

Dan in-​nuqqas taʼ qbil kien solvut meta l-​kitba fuq ċilindri tal-​fuħħar oħra wrew li missier Belsassar, is-​Sultan Nabonidu, kien nieqes minn Babilonja għal xi snin. X’ġara matul il-​perjodu li ma kienx hemm? “Meta Nabonidu kellu jitlaq mill-​pajjiż,” tgħid l-​Encyclopaedia Britannica, “hu ta lil Belsassar it-​tron u parti kbira mill-​armata tiegħu.” Għalhekk, Belsassar, bażikament, ħa post missieru f’Babilonja matul dak iż-​żmien. Fi qbil maʼ dan, arkeologu u studjuż tal-​lingwa, Alan Millard, qal li hu korrett li “l-​Ktieb taʼ Danjel isejjaħ lil Belsassar ‘sultan.’”

Ovvjament, għall-​qaddejja t’Alla, l-​iktar ħaġa li turi li l-​ktieb taʼ Danjel hu taʼ min jafdah u mnebbaħ minn Alla tinsab fil-​Bibbja stess.—2 Tim. 3:16.