Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 11

Lest Int Biex Titgħammed?

Lest Int Biex Titgħammed?

“Issa qed issalva lilkom ukoll, jiġifieri, il-​magħmudija.”—1 PT. 3:21.

GĦANJA 28 Niksbu l-​ħbiberija taʼ Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’hemm bżonn li tagħmel persuna qabel tibda tibni dar?

IMMAĠINA li persuna tiddeċiedi tibni dar. Hi taf liema tip taʼ dar trid tibni. Għandha hi taqbad u tmur tixtri xi affarijiet li għandha bżonn biex tibda tibni? Le. Qabel tibda, hi għandha bżonn tagħmel xi ħaġa importanti—għandha bżonn tikkalkula kemm se tiswieha d-​dar. Għala? Għax hemm bżonn tkun taf jekk għandhiex biżżejjed flus biex tlestiha. Jekk toqgħod attenta u tikkalkula l-​ispejjeż minn qabel, x’aktarx se jirnexxilha tlesti d-​dar.

2. Fi qbil maʼ Luqa 14:27-30, dwar xiex għandek taħseb sew qabel titgħammed?

2 L-​imħabba u l-​apprezzament lejn Ġeħova, immotivawk biex taħseb dwar il-​magħmudija? Jekk iva, inti qed tiffaċċja deċiżjoni bħal dik il-​persuna li trid tibni dar. Għala nistgħu ngħidu dan? Ikkunsidra l-​kliem taʼ Ġesù f’​Luqa 14:27-30. (Aqra.) Ġesù qal x’jirrikjedi biex tkun dixxiplu tiegħu. Jekk irridu nimxu warajh, aħna rridu nkunu lesti li nissaportu xi diffikultajiet u nitilqu xi affarijiet. (Lq. 9:23-26; 12:51-53) Mela qabel titgħammed, int għandek bżonn taħseb sew x’tinvolvi l-​magħmudija. Imbagħad, se tkun preparat aħjar biex tibqaʼ taqdi lil Ġeħova lealment bħala Kristjan mgħammed.

3. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

3 Li ssir dixxiplu mgħammed taʼ Kristu, żgur huwa worth it iktar mid-​diffikultajiet li għandek tissaporti u l-​affarijiet li għandek titlaq! Il-​magħmudija se ttik l-​opportunità li jkollok ħafna barkiet—issa u fil-​futur. Ejja niddiskutu xi mistoqsijiet importanti dwar il-​magħmudija. Dan se jgħinek twieġeb il-​mistoqsija, “Jien lest biex nitgħammed?”

X’GĦANDEK TKUN TAF DWAR ID-​DEDIKAZZJONI U L-​MAGĦMUDIJA?

4. (a) X’inhi d-​dedikazzjoni? (b) Xi jfisser li ‘tiċħad’ lilek innifsek kif jgħid Mattew 16:24?

4 X’inhi d-​dedikazzjoni? Qabel ma titgħammed, trid tagħmel dedikazzjoni. Meta tagħmel din id-​dedikazzjoni, int tersaq quddiem Ġeħova b’talba mill-​qalb u tgħidlu li se tuża ħajtek biex taqdi lilu. Meta tiddedika lilek innifsek lil Alla, inti ‘tiċħad’ lilek innifsek. Fi kliem ieħor, inti tgħid lil Ġeħova li minn issa ’l quddiem, inti se tiffoka fuq li taqdi lilu, u mhux tagħmel dak li jogħġob lilek. (Aqra Mattew 16:24.) Issa inti taʼ Ġeħova, u dan hu privileġġ kbir. (Rum. 14:8) Id-​dedikazzjoni tiegħek hija wegħda—wegħda serja lil Alla. Ġeħova ma jisforzaniex biex nagħmlu wegħda bħal din. Imma meta nagħmluha, hu jistenna li nżommuha.—Salm 116:12, 14.

5. X’inhi d-​differenza bejn id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija?

5 X’inhi d-​differenza bejn id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija? Id-​dedikazzjoni hi personali u tagħmilha fil-​privat, hi bejnek u bejn Ġeħova. Il-​magħmudija tagħmilha fil-​pubbliku quddiem oħrajn, normalment f’assemblea jew konvenzjoni. Meta titgħammed, int turi lil oħrajn li ġa għamilt id-​dedikazzjoni tiegħek lil Ġeħova. * Mela l-​magħmudija tiegħek turi lil oħrajn li int tħobb lil Ġeħova b’qalbek, b’ruħek, b’moħħok, u b’saħħtek kollha u li int determinat li tibqaʼ taqdih għal dejjem.—Mk. 12:30.

6-7. Skont l-​1 Pietru 3:18-22, liema huma żewġ raġunijiet għala l-​magħmudija hi neċessarja?

6 Huwa neċessarju li titgħammed? Ikkunsidra l-​kliem li nsibu fl-​1 Pietru 3:18-22. (Aqra.) L-​arka wriet lin-​nies li Noè kellu l-​fidi f’Ġeħova. Bl-​istess mod, il-​magħmudija tiegħek turi lin-​nies li inti ddedikajt lilek innifsek lil Ġeħova. Imma l-​magħmudija hija neċessarja? Iva. Pietru ta raġuni għal dan. L-​ewwel, għax qiegħda ‘ssalvak.’ Il-​magħmudija tistaʼ ssalvana jekk aħna ħadna l-​passi neċessarji biex nuru li għandna l-​fidi f’Ġesù. Ukoll, irridu nemmnu li miet għalina, ġie rxoxtat, u li issa qiegħed fuq “il-​leminija t’Alla.”

7 It-​tieni, il-​magħmudija twassal “għal kuxjenza tajba.” Meta niddedikaw ruħna lil Alla u nitgħammdu, aħna jkollna ħbiberija speċjali miegħu. Minħabba li aħna verament indimna u għandna l-​fidi fil-​fidwa, Alla jaħfer id-​dnubiet tagħna. Għalhekk, aħna jistaʼ jkollna kuxjenza tajba quddiemu.

8. X’għandha tkun il-​bażi għad-​deċiżjoni tiegħek biex titgħammed?

8 X’għandha tkun il-​bażi għad-​deċiżjoni tiegħek biex titgħammed? Bħala riżultat tal-​istudju tajjeb tal-​Bibbja tiegħek, inti tgħallimt ħafna dwar Ġeħova—dak li jħobb u kif jagħmel l-​affarijiet. Dak li tgħallimt dwaru messlek qalbek u mmotivak biex tħobbu iktar. L-​imħabba tiegħek għal Ġeħova għandha tkun il-​bażi prinċipali biex titgħammed.

9. Skont Mattew 28:19, 20, xi jfisser li titgħammed fl-​isem tal-​Missier u tal-​Iben u tal-​ispirtu qaddis?

9 Id-​deċiżjoni tiegħek biex titgħammed hija bbażata wkoll fuq il-​veritajiet li aċċettajt mill-​Bibbja. Ikkunsidra dak li qal Ġesù meta ta l-​kmand biex immorru nagħmlu dixxipli. (Aqra Mattew 28:19, 20.) Skont Ġesù, dawk li jitgħammdu għandhom jagħmlu dan “fl-​isem tal-​Missier u taʼ l-​Iben u taʼ l-​ispirtu qaddis.” Dan xi jfisser? Inti trid temmen il-​veritajiet tal-​Bibbja dwar Ġeħova; Ibnu, Ġesù; u l-​ispirtu qaddis b’qalbek kollha. Dawn il-​veritajiet għandhom effett qawwi u jistgħu jmissulek qalbek. (Ebr. 4:12) Ejja naraw ftit minnhom.

10-11. X’veritajiet dwar il-​Missier tgħallimt u aċċettajt?

10 Erġaʼ aħseb meta tgħallimt il-​veritajiet dwar il-​Missier bħal: ‘Ismu hu Ġeħova,’ hu “l-​Iktar Għoli fuq l-​art kollha,” u hu “l-​Alla l-​veru.” (Salm 83:18; Is. 37:16) Hu l-​Ħallieq tagħna, u “s-​salvazzjoni hi taʼ Ġeħova.” (Salm 3:8; 36:9) Hu għamel arranġament biex isalvana mid-​dnub u l-​mewt u tana t-​tama li ngħixu għal dejjem. (Ġw. 17:3) Id-​dedikazzjoni u l-​magħmudija tiegħek jidentifikawk bħala wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. (Is. 43:10-12) Inti se tkun parti minn familja taʼ qaddejja li jinsabu madwar id-​dinja kollha. Huma kburin li jissejħu b’isem Alla u jgħallmuh lil oħrajn.—Salm 86:12.

11 Xi privileġġ hu li tifhem dak li tgħallem il-​Bibbja dwar il-​Missier! Meta inti taċċetta dawn il-​veritajiet prezzjużi, qalbek se timmotivak biex tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova u titgħammed.

12-13. X’veritajiet dwar l-​Iben tgħallimt u aċċettajt?

12 X’kienet ir-​reazzjoni tiegħek meta tgħallimt il-​veritajiet li ġejjin dwar l-​Iben? Ġesù huwa t-​tieni l-​aqwa persuna fl-​univers. Hu ta ħajtu bħala fidwa għalina. Meta bl-​azzjonijiet tagħna nuru li għandna l-​fidi fil-​fidwa, id-​dnubiet tagħna jistgħu jinħafru, nibnu ħbiberija maʼ Ġeħova, u jkollna ħajja taʼ dejjem. (Ġw. 3:16) Ġesù hu l-​Qassis il-​Kbir tagħna. Hu jrid li aħna nibbenefikaw mill-​fidwa u jkollna ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġeħova. (Ebr. 4:15; 7:24, 25) Minħabba li hu s-​Sultan tas-​Saltna t’Alla, hu l-​wieħed li permezz tiegħu Ġeħova se jnaddaf ismu, jeqred il-​ħażen, u jġib barkiet eterni fid-​dinja li se tkun magħmula ġenna. (Mt. 6:9, 10; Riv. 11:15) Ġesù hu l-​eżempju li għandna nsegwu. (1 Pt. 2:21) Hu uża ħajtu biex jagħmel ir-​rieda t’Alla, u b’hekk ħalla eżempju tajjeb għalina.—Ġw. 4:34.

13 Meta taċċetta dak li tgħallem il-​Bibbja dwar Ġesù, inti ser tħobb l-​Iben maħbub t’Alla. Dik l-​imħabba se timmotivak, biex bħal Ġesù, tuża ħajtek biex tagħmel ir-​rieda t’Alla. Bħala riżultat, inti se tħossok obbligat biex tiddedika lilek innifsek lil Ġeħova u titgħammed.

14-15. X’veritajiet dwar l-​ispirtu qaddis tgħallimt u aċċettajt?

14 Xi ħsibt meta tgħallimt dawn il-​veritajiet li ġejjin dwar l-​ispirtu qaddis? Hu mhux persuna, imma l-​forza attiva t’Alla. Ġeħova uża l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jispira lill-​kittieba tal-​Bibbja, u l-​ispirtu tiegħu jgħinna nifhmu u napplikaw dak li naqraw minnha. (Ġw. 14:26; 2 Pt. 1:21) Permezz tal-​ispirtu qaddis, Ġeħova jagħtina “l-​qawwa iktar min-​normal.” (2 Kor. 4:7) L-​ispirtu jagħtina s-​saħħa biex nippritkaw l-​aħbar tajba, niġġieldu t-​tentazzjonijiet, inkampaw mal-​iskuraġġiment, u negħlbu l-​provi. Jgħinna wkoll biex nuru l-​kwalitajiet sbieħ li huma “l-​frott taʼ l-​ispirtu.” (Gal. 5:22) Alla jagħti ħafna mill-​ispirtu tiegħu lil dawk li jafdawh u lil dawk li b’mod sinċier jistaqsu għalih.—Lq. 11:13.

15 Żgur li hu inkuraġġanti li nkunu nafu li l-​qaddejja taʼ Ġeħova jistgħu jistrieħu fuq l-​ispirtu qaddis biex jgħinhom jaqdu lil Alla! Meta taċċetta l-​veritajiet li tgħallimt dwar l-​ispirtu qaddis, inti se tħossok motivat biex tiddedika ħajtek lil Alla u titgħammed.

16. X’tgħallimna s’issa?

16 Inti tkun qed tieħu pass importanti meta tiddeċiedi li tiddedika ħajtek lil Alla u titgħammed. Bħalma tgħallimna, trid taċċetta dak li jinvolvi—id-​diffikultajiet u s-​sagrifiċċji. Imma l-​barkiet li se tirċievi ser ikunu ikbar mis-​sagrifiċċji li se tagħmel. Il-​magħmudija tistaʼ ssalvalek ħajtek, u twassal biex ikollok kuxjenza tajba quddiem Alla. Id-​deċiżjoni tiegħek biex titgħammed għandha tkun ibbażata fuq l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova. Inti għandek temmen b’qalbek kollha l-​veritajiet li tgħallimt dwar il-​Missier, l-​Iben, u l-​ispirtu qaddis. Wara dak li kkunsidrajna s’issa, kif twieġeb għall-​mistoqsija, “Jien lest biex nitgħammed?”

X’GĦANDEK TAGĦMEL QABEL TITGĦAMMED?

17. X’inhuma xi passi li jwasslu għall-​magħmudija?

17 Jekk tħossok preparat biex titgħammed, bla dubju inti ġa għamilt xi passi biex tibni ħbiberija tajba maʼ Ġeħova. * Minħabba li tistudja l-​Bibbja b’mod regulari, tgħallimt ħafna dwar Ġeħova u Ġesù. Inti issa għandek il-​fidi. (Ebr. 11:6) Int temmen fil-​wegħdi taʼ Ġeħova li nsibu fil-​Bibbja, u konvint li l-​fidi tiegħek fis-​sagrifiċċju taʼ Ġesù tistaʼ ssalvak mid-​dnub u l-​mewt. Int indimt mid-​dnubiet tiegħek, jiddispjaċik ħafna għall-​iżbalji li għamilt, u tlabt lil Ġeħova biex jaħfirlek. Issa bdilt ħajtek għax irrifjutajt il-​mod taʼ ħajja li kont tgħix qabel u bdejt tgħix ħajja li togħġob lil Alla. (Atti 3:19) Int ħerqan biex titkellem m’oħrajn dwar il-​fidi tiegħek. Kwalifikajt biex issir pubblikatur mhux mgħammed u bdejt tipprietka mal-​aħwa tal-​kongregazzjoni. (Mt. 24:14) Ġeħova huwa kburi bik minħabba dawn il-​passi importanti li għamilt. Inti ferraħtlu qalbu.—Prov. 27:11.

18. X’għandek tagħmel iktar qabel titgħammed?

18 Qabel ma titgħammed, hemm xi ftit affarijiet oħra li għandek tagħmel. Bħalma ġa tgħallimna, int trid tiddedika ħajtek lil Alla. Meta tkun waħdek, itolbu mill-​qalb u kun sinċier miegħu. Wiegħdu li int se tuża ħajtek biex tagħmel ir-​rieda tiegħu. (1 Pt. 4:2) Imbagħad għid lill-​koordinatur tal-​ġemgħa tal-​anzjani li trid titgħammed. Hu se jgħid lil xi anzjani biex jitkellmu miegħek. Tkunx ansjuż għax ser ikellmuk l-​anzjani. Dawn l-​aħwa bla dubju ġa jafuk u jħobbuk. Huma se jirrivedu miegħek xi tagħlim tal-​Bibbja li inti tgħallimt. Huma jridu jkunu ċerti li inti fhimt dak it-​tagħlim u li fhimt l-​importanza tad-​dedikazzjoni u l-​magħmudija. Jekk huma jaqblu li int lest, se jinformawk li tistaʼ titgħammed l-​assemblea jew l-​konvenzjoni li jkun imiss.

X’GĦANDEK TAGĦMEL WARA LI TITGĦAMMED?

19-20. X’għandek tagħmel wara li titgħammed, u kif tistaʼ tagħmel dan?

19 Wara li titgħammed, x’għandek bżonn tagħmel? * Ftakar li d-​dedikazzjoni hija wegħda lil Ġeħova, u hu jistenniek li żżommha. Mela wara li titgħammed għandek tgħix skont id-​dedikazzjoni tiegħek. Kif tistaʼ tagħmel dan?

20 Ibqaʼ qrib l-​organizzazzjoni. Bħala Kristjan mgħammed issa inti tagħmel parti minn “fratellanza.” (1 Pt. 2:17) L-​aħwa fil-​kongregazzjoni huma l-​familja spiritwali tiegħek. Billi tattendi l-​laqgħat b’mod regolari, inti ser issaħħaħ il-​ħbiberija taʼ bejnietkom. Aqra l-​Kelma t’Alla u mmedita fuqha kuljum. (Salm 1:1, 2) Wara li taqra ftit, ħu l-​ħin biex taħseb fil-​fond dwar dak li qrajt. Imbagħad il-​kliem ser imisslek qalbek. ‘Itlob kontinwament.’ (Mt. 26:41) It-​talb mill-​qalb tiegħek se jressqek lejn Ġeħova. ‘Ibqaʼ fittex l-​ewwel is-​saltna.’ (Mt. 6:33) Tistaʼ tagħmel dan billi tagħmel ix-​xogħol tal-​ippritkar prijorità f’ħajtek. Jekk toħroġ b’mod regolari fil-​ministeru, il-​fidi tiegħek se tibqaʼ b’saħħitha, u tistaʼ tgħin oħrajn biex jaslu għat-​triq li twassal għall-​ħajja taʼ dejjem.—1 Tim. 4:16.

21. Il-​magħmudija tiegħek x’opportunitajiet se tagħtik?

21 Id-​deċiżjoni biex tiddedika ħajtek lil Ġeħova u titgħammed hija l-​iktar deċiżjoni importanti li se tieħu fil-​ħajja tiegħek. Huwa veru li jinvolvi sagrifiċċji, imma żgur li huwa worth it. It-​tribulazzjoni li se taffaċċja f’din id-​dinja hi “mumentanja u ħafifa.” (2 Kor. 4:17) B’kuntrast, il-​magħmudija tiegħek se tagħtik l-​opportunità biex ikollok ħajja aħjar issa u ‘l-​ħajja vera’ li dalwaqt ġejja. (1 Tim. 6:19) Mela aħseb sew u itlob dwar it-​tweġiba għall-​mistoqsija, “Lest jien biex nitgħammed?”

GĦANJA 50 It-​talba tiegħi taʼ dedikazzjoni

^ par. 5 Qed taħsibha biex titgħammed? Jekk iva, dan l-​artiklu ġie miktub apposta għalik. Se niddiskutu xi mistoqsijiet essenzjali fuq dan is-​suġġett importanti ħafna. It-​tweġibiet tiegħek se jgħinuk tiddeċiedi jekk intix preparat biex titgħammed.

^ par. 19 Jekk għadek ma lestejtx il-​kotba X’Nistgħu Nitgħallmu mill-​Bibbja? u Kif tibqaʼ fl-​imħabba t’Alla, inti għandek tkompli tistudja l-​kotba sakemm tlestihom maʼ xi għalliem tal-​Bibbja.