Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 14

Attakk Li Ġie mit-Tramuntana!

Attakk Li Ġie mit-Tramuntana!

“Ġens telaʼ f’arti.”—ĠOEL 1:6.

GĦANJA 95 Id-​dawl qed jitqawwa

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ħuna Russell u sħabu liema metodu użaw biex jistudjaw, u għala kien tajjeb?

IKTAR minn mitt sena ilu, Ħuna C. T. Russell u sħabu, grupp żgħir taʼ studenti oħrajn tal-​Kelma t’Alla, bdew jiltaqgħu flimkien. Huma riedu jaraw jekk setgħux isiru jafu x’tgħallem il-​Bibbja verament dwar Alla Ġeħova, Ġesù Kristu, il-​kundizzjoni tal-​mejtin, u l-​fidwa. Il-​metodu taʼ kif bdew jistudjaw kien sempliċi. Xi ħadd kien iqajjem mistoqsija, u mbagħad il-​grupp kien jeżamina kull skrittura li kellha x’taqsam mas-​suġġett. Fl-​aħħar, kienu jiktbu dak li jitgħallmu mir-​riċerka tagħhom. Ġeħova għen lil dawn l-​irġiel jifhmu ħafna veritajiet li għadhom importanti għalina llum.

2. X’jistaʼ jwassalna għall-​konklużjoni żbaljata meta nkunu qed nipprovaw nifhmu profezija tal-​Bibbja?

2 Imma dawn l-​istudenti tal-​Bibbja malajr indunaw li huwa ħafna iktar diffiċli biex jifhmu profezija tal-​Bibbja milli jifhmu tagħlim bażiku tal-​Bibbja. Għala? Raġuni minnhom hi li aħna spiss nifhmu l-​profeziji waqt li jkunu qed jitwettqu jew wara li jitwettqu. Imma hemm raġuni oħra. Sabiex nifhmu profezija sew, ġeneralment hemm bżonn li nikkunsidraw il-​kuntest. Jekk niffokaw biss fuq parti tal-​profezija u ninjoraw il-​kumplament, jistaʼ jkun li naslu għall-​konklużjoni żbaljata. Milli jidher, hekk ġara bil-​profezija li nsibu fil-​ktieb taʼ Ġoel. Għalhekk, ejja nirrevedu din il-​profezija u naraw għala hemm bżonn nibdew nifhmuha differenti.

3-4. Sal-​lum, kif konna nifhmu l-​profezija taʼ Ġoel 2:7-9?

3 Aqra Ġoel 2:7-9. Ġoel bassar li qatgħa ġurati kienet se teqred l-​art taʼ Iżrael. Bi snien u xedaq bħal dawk tal-​iljuni, dawn l-​insetti mġewħin kienu se jieklu kulma kienu se jsibu quddiemhom! (Ġoel 1:4, 6) Għal ħafna snin, aħna konna fhimna li din il-​profezija kienet qed tbassar li l-​poplu taʼ Ġeħova kien se jkompli jipprietka akkost taʼ kollox, bħal qatgħa ġurati li ma tistax twaqqafha. U li l-​effett tal-​ippritkar kien se jkollu effett qawwi fuq ‘l-​art,’ jew in-​nies li kienu taħt il-​kontroll tal-​mexxejja reliġjużi. *

4 Jekk naqraw biss Ġoel 2:7-9, din l-​ispjegazzjoni tidher li hi korretta. Però, meta nikkunsidraw il-​kuntest kollu tal-​profezija, naraw li għandna bżonn naġġustaw il-​fehma tagħna. Ejja neżaminaw erbaʼ raġunijiet għal dan.

ERBAʼ RAĠUNIJIET GĦAL BIDLA FIL-​FEHMA

5-6. (a) X’mistoqsija nsaqsu meta naqraw Ġoel 2:20? (b) X’raġuni oħra hemm f’​Ġoel 2:25 li turina li l-​ġurati ma jirrappreżentawx lin-​nies taʼ Ġeħova?

5 L-​ewwel raġuni, innota l-​wegħda taʼ Ġeħova dwar il-​qatgħa ġurati: ‘Lil [ġurati] tat-​tramuntana se nbegħedhom, jew inkeċċihom minnkom.’ (Ġoel 2:20) Kieku l-​ġurati jirrappreżentaw lix-​Xhieda taʼ Ġeħova li jobdu l-​kmand taʼ Ġesù li jippritkaw u jagħmlu dixxipli, Ġeħova għala kien qed iwiegħed li se jkeċċihom? (Eżek. 33:7-​9; Mt. 28:19, 20) Huwa ċar li Ġeħova kien se jbiegħed lil xi ħaġa jew lil xi ħadd li hu għadu tal-​poplu tiegħu, u mhux lill-​qaddejja leali tiegħu.

6 It-​tieni raġuni, innota x’hemm miktub f’​Ġoel 2:25. Hemmhekk, Ġeħova jgħid: “Inpattilkom għal dak li kielu matul is-​snin il-​ġurat.” Innota li Ġeħova wiegħed li se ‘jpatti’ għall-​ħsara li l-​ġurati għamlu. Kieku l-​ġurati jirrappreżentaw lin-​nies taʼ Ġeħova, dan ifisser li l-​messaġġ li nippritkaw jikkaġuna ħsara. Imma dal-​messaġġ isalva l-​ħajjiet u jistaʼ jwassal biex xi ħadd ħażin jindem. (Eżek. 33:8, 19) X’barka tkun din!

7. X’jgħinna nifhmu l-​kliem “wara dan” f’​Ġoel 2:28, 29?

7 Aqra Ġoel 2:28, 29. It-​tielet raġuni għandha x’taqsam mal-​ordni taʼ kif ġraw l-​affarijiet fil-​profezija. Innota x’qal Ġeħova: “Wara dan irid iseħħ li jien inferraʼ l-​ispirtu tiegħi”; jiġifieri, dan kellu jseħħ wara li l-​ġurati jlestu x-​xogħol li kellhom jagħmlu? Kieku l-​ġurati huma l-​pubblikaturi tas-​Saltna t’Alla, Ġeħova għala kien se jitfaʼ l-​ispirtu tiegħu fuqhom wara li jlestu x-​xogħol tal-​ippritkar tagħhom? Aħna nafu li mingħajr il-​qawwa tal-​ispirtu t’Alla, ix-​xogħol tal-​ippritkar qatt ma setaʼ jibqaʼ sejjer matul dawn is-​snin kollha, minkejja l-​oppożizzjoni u l-​projbizzjoni.

Ħuna J. F. Rutherford u qaddejja midlukin oħra li ħadu b’kuraġġ ippritkaw il-​ġudizzji t’Alla kontra din id-​dinja ħażina (Ara paragrafu 8)

8. Il-​ġurati li jissemmew f’​Rivelazzjoni 9:1-11 lil min jirrappreżentaw? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

8 Aqra Rivelazzjoni 9:1-​11. Issa ejja naraw ir-​rabaʼ raġuni. Qabel aħna għedna li l-​qatgħa ġurati li jsemmi Ġoel tirrappreżenta x-​xogħol tal-​ippritkar tagħna, dan minħabba profezija simili fil-​ktieb taʼ Rivelazzjoni. Din il-​profezija tiddeskrivi qatgħa ġurati li wiċċhom hu bħal tal-​bnedmin u għandhom “qishom kuruni tad-​deheb” fuq rashom. (Riv. 9:7) Huma jitturmentaw “lil dawk il-​bnedmin [l-​għedewwa t’Alla] li ma kinux immarkati bis-​siġill t’Alla fuq ġbinhom” għal perjodu taʼ ħames xhur. Dan hu bejn wieħed u ieħor, kemm idum ħaj ġurat. (Riv. 9:4, 5) Din milli jidher tiddeskrivi l-​qaddejja midlukin taʼ Ġeħova li bil-​kuraġġ jippritkaw il-​ġudizzji t’Alla kontra din id-​dinja ħażina, u dan jġiegħel lil dawk li jappoġġjaw lil din id-​dinja jħossuhom skomdi ħafna.

9. Liema differenzi sinifikanti hemm bejn il-​ġurati li ra Ġoel u dawk li ra Ġwanni?

9 Minkejja li hemm xi affarijiet simili bejn il-​profeziji taʼ Rivelazzjoni u taʼ Ġoel, hemm ukoll differenzi sinifikanti. Ikkunsidra dan: Fil-​profezija taʼ Ġoel, il-​ġurati qerdu l-​ħaxix tal-​art. (Ġoel 1:4, 6, 7) Imma dawk fil-​viżjoni taʼ Ġwanni, il-​ġurati ‘ntqalilhom biex ma jagħmlux ħsara lill-​ħaxix taʼ l-​art.’ (Riv. 9:4) Il-​ġurati li ra Ġoel ġew mit-​Tramuntana. (Ġoel 2:20) Dawk li ra Ġwanni ħarġu mill-​abbiss. (Riv. 9:2, 3) Il-​ġurati li ddeskriva Ġoel ġew imkeċċijin. F’​Rivelazzjoni, il-​ġurati mhux qed jiġu mkeċċijin imma qed jitħallew jispiċċaw xogħolhom. Fil-​Bibbja m’hemm imkien li juri li Ġeħova ma kienx kuntent bihom.—Ara l-​kaxxa “ Profeziji Dwar il-​Ġurati—Simili Imma Mhux l-​Istess.”

10. Agħti eżempju mill-​Bibbja li juri li xi ħaġa kultant tistaʼ tfisser xi ħaġa oħra f’kuntest ieħor.

10 Id-​differenzi sinifikanti bejn iż-​żewġ profeziji jgħinuna nifhmu li dawn m’għandhomx x’jaqsmu maʼ xulxin. Allura, qegħdin aħna ngħidu li l-​ġurati li jsemmi Ġoel ma jirreferux għall-​istess ġurati li jsemmi Rivelazzjoni? Iva. Fil-​Bibbja, xi ħaġa kultant tistaʼ tfisser xi ħaġa oħra f’kuntest ieħor. Pereżempju, f’​Rivelazzjoni 5:5, Ġesù jissejjaħ “l-​Iljun tat-​tribù taʼ Ġuda,” mentri fl-​1 Pietru 5:8, ix-​Xitan jiġi deskritt “bħal iljun jgħajjat.” L-​erbaʼ raġunijiet u d-​differenzi li għadna kemm iddiskutejna juru li għandna bżonn insibu spjegazzjoni oħra għall-​profezija taʼ Ġoel. X’tistaʼ tkun din l-​ispjegazzjoni?

XI TFISSER?

11. Ġoel 1:6 u 2:1, 8, 11 kif jgħinuna nifhmu lil minn jirrappreżentaw il-​ġurati?

11 Meta neżaminaw versi oħra fil-​profezija taʼ Ġoel, aħna nifhmu li l-​profeta kien qed ibassar attakk militari. (Ġoel 1:6; 2:1, 8, 11) Ġeħova qal li hu kien se juża “qawwa militari kbira” (suldati Babiloniżi) biex jikkastiga lill-​Iżraelin diżubbidjenti. (Ġoel 2:25) Allura, jagħmel sens li din l-​armata tissejjaħ “tat-​tramuntana,” għax l-​armata Babiloniża kienet se tattakka lill-​Iżrael mit-​Tramuntana. (Ġoel 2:20) Din l-​armata hi mqabbla maʼ qatgħa ġurati organizzata tajjeb. Dwar il-​ġurati, Ġoel qal: “Bħal [suldat] b’saħħtu fi triqtu, jibqgħu sejrin. . . . Jidħlu jiġru fil-​belt. Jiġru fuq is-​sur. Jitilgħu fuq id-​djar. Jidħlu mit-​twieqi bħal xi ħalliel.” (Ġoel 2:8, 9) Tistaʼ timmaġina x-​xena? Hemm suldati maʼ kullimkien. M’hemm imkien fejn tistaħba. Ħadd ma jistaʼ jaħrab mill-​armata Babiloniża!

12. Il-​profezija taʼ Ġoel dwar il-​ġurati kif twettqet?

12 Bħall-​ġurati, l-​armata Babiloniża (jew, il-​Kaldin) attakkat il-​belt taʼ Ġerusalemm fis-​sena 607 qabel Kristu (QK). Il-​Bibbja tgħid: “Is-​sultan tal-​Kaldin, li qatel liż-​żgħażagħ tagħhom bis-​sejf . . . , la ħass mogħdrija għaż-​żagħżugħ u lanqas għall-​verġni, la għax-​xwejjaħ u lanqas għax-​xiħ għakka. Alla kollox tah f’idejh. U ħaraq id-​dar taʼ l-​Alla l-​veru u ġarraf is-​sur taʼ Ġerusalemm; u t-​torrijiet mgħammrin kollha tagħha ħarquhom bin-​nar kif ukoll l-​oġġetti mixtiqin kollha tagħha, u b’hekk kollox inqered.” (2 Kron. 36:17, 19) Wara li l-​armata Babiloniża attakkat u qerdet il-​belt, in-​nies setgħu biss jgħidu: “Hija art abbandunata, li la fiha bnedmin u lanqas annimali domestiċi, u ngħatat f’idejn il-​Kaldin.”—Ġer. 32:43.

13. Spjega xi jfisser il-​kliem f’​Ġeremija 16:16, 18.

13 Xi 200 sena wara l-​profezija taʼ Ġoel, Ġeħova uża lil Ġeremija biex ibassar xi ħaġa oħra dwar dan l-​attakk. Ġeħova qal li armata kienet se tfittex bir-​reqqa għall-​Iżraelin li kienu qed jagħmlu affarijiet ħżiena, u ħadd minnhom ma kien se jaħrab. “‘Ara, qed nibgħat għal ħafna sajjieda,’ hija l-​kelma taʼ Ġeħova, ‘u jmorru jistadu għalihom; u wara nibgħat għal ħafna kaċċaturi, u jmorru jikkaċċjawhom minn fuq kull muntanja u minn fuq kull għolja u mix-​xquq tal-​blat. . . . se nħallashom bis-​sħiħ għall-​iżball tagħhom u għal dnubhom.’” La l-​baħar u lanqas il-​foresti ma setgħu jaħbu lill-​Iżraelin mhux niedma mill-​kastig taʼ Ġeħova.—Ġer. 16:16, 18.

AĦBAR TAJBA

14. Meta twettqet il-​profezija taʼ Ġoel 2:28, 29?

14 Ġoel issa jagħti aħbar tajba. L-​art kienet se terġaʼ tagħti l-​frott. (Ġoel 2:23-​26) Imbagħad, fil-​futur, kien se jkun hemm abbundanza kbira taʼ ikel spiritwali. Ġeħova qal: “Jien inferraʼ l-​ispirtu tiegħi fuq kull xorta taʼ bnedmin, u wliedkom subien u bniet jipprofetizzaw.  . . U saħansitra fuq il-​qaddejja [jew, “ilsiera”] rġiel u nisa nferraʼ l-​ispirtu tiegħi.” (Ġoel 2:28, 29) Dan ma ġarax eżatt wara li l-​Iżraelin telqu minn Babilonja lura lejn art twelidhom. Imma ġara mijiet taʼ snin wara, f’Pentekoste tas-​sena 33 wara Kristu (WK). Kif nafu dan?

15. Fi qbil maʼ Atti 2:16, 17, liema kliem differenti kiteb Pietru meta kkwota minn Ġoel 2:28, u dan x’juri?

15 L-​appostlu Pietru kien ispirat japplika Ġoel 2:28, 29 maʼ ġrajja tal-​għaġeb li seħħet fil-​ġurnata taʼ Pentekoste. Dakinhar, għall-​ħabta tad-​disgħa taʼ filgħodu, Alla ferraʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu, u dawk li rċivewh bdew jitkellmu “dwar l-​affarijiet grandjużi t’Alla.” (Atti 2:11) Meta kwota mill-​profezija taʼ Ġoel, Pietru ġie ispirat jikteb xi kliem ftit differenti. Innotajt xi kliem uża? (Aqra Atti 2:16, 17.) Minflok ma beda l-​kwotazzjoni bil-​kliem “wara dan,” Pietru qal: “U fl-​aħħar jiem.” F’dal-​kuntest, “l-​aħħar jiem” qed jirreferu għaż-​żmien qabel Ġerusalemm u t-​tempju tagħha kienu ġew meqruda fis-​sena 70 WK. Matul dak il-​perjodu taż-​żmien, l-​ispirtu t’Alla kien se jiġi imferra “fuq kull xorta taʼ bnedmin.” Dan juri li għadda ammont taʼ żmien qabel il-​profezija taʼ Ġoel twettqet.

16. Liema effett kellu l-​ispirtu qaddis t’Alla fuq ix-​xogħol tal-​ippritkar fl-​ewwel seklu, u xi ngħidu għal-​lum?

16 Wara li Alla ferraʼ l-​ispirtu qaddis tiegħu fuq il-​Kristjani fl-​ewwel seklu, huma bdew ix-​xogħol tal-​ippritkar li maż-​żmien kellu jilħaq lin-​nies fid-​dinja kollha. Saż-​żmien li l-​appostlu Pawlu kiteb l-​ittra tiegħu lill-​Kolossin, madwar is-​sena 61 WK, hu setaʼ jgħid li l-​aħbar tajba kienet pritkata “fil-​ħolqien kollu li hu taħt is-​sema.” (Kol. 1:23) Meta Pawlu qal “fil-​ħolqien kollu,” dan jirreferi għal partijiet fid-​dinja li Pawlu u oħrajn laħqu. Bl-​għajnuna tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, l-​ippritkar illum kiber ħafna iktar—“sa tarf l-​art”!—Atti 13:47; ara l-​kaxxa “ Jien Inferraʼ l-​Ispirtu Tiegħi.”

XI NBIDEL?

17. Xi nbidel fil-​fehma tagħna dwar il-​ġurati fil-​profezija taʼ Ġoel?

17 Xi nbidel? Issa għandna fehma iktar korretta tal-​profezija li nsibu f’​Ġoel 2:7-​9. Biċ-​ċar, dawn il-​versi ma jirreferux għax-​xogħol tal-​ippritkar li nagħmlu biż-​żelu, imma għal meta l-​armata Babiloniża attakkat lil Ġerusalemm fis-​sena 607 QK.

18. X’ma nbidilx dwar in-​nies taʼ Ġeħova?

18 X’ma nbidilx? In-​nies taʼ Ġeħova għadhom jippritkaw l-​aħbar tajba kullimkien, u dan jagħmluh b’kull mod possibbli. (Mt. 24:14) L-​ebda restrizzjoni mill-​gvernijiet ma se twaqqafna milli nippritkaw. U bil-​barka taʼ Ġeħova, qed nippritkaw b’kuraġġ l-​aħbar tajba tas-​Saltna ħafna iktar minn qatt qabel! B’umiltà, aħna nkomplu nistrieħu fuq l-​għajnuna taʼ Ġeħova biex nifhmu profeziji tal-​Bibbja, b’fiduċja li fil-​ħin xieraq hu se jiggwidana “lejn il-​verità kollha”!—Ġw. 16:13.

GĦANJA 97 Ħajjitna tiddependi mill-​Kelma t’Alla

^ par. 5 Għal snin sħaħ konna nemmnu li l-​profezija mniżżla fl-​1 u t-​2 kapitlu taʼ Ġoel bassret ix-​xogħol tal-​ippritkar li nagħmlu llum. Madankollu, hemm erbaʼ raġunijiet għala hemm bżonn nibdlu kif nifhmu din il-​parti tal-​profezija taʼ Ġoel. X’inhuma dawn ir-​raġunijiet?

^ par. 3 Pereżempju, ara l-​artiklu “L-​Għerf taʼ Ġeħova Jidher fil-​Ħolqien” fil-​ħarġa It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’April 2009, para. 14-​16.