Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 20

Min Hu “s-Sultan tat-Tramuntana” Llum?

Min Hu “s-Sultan tat-Tramuntana” Llum?

“[Hu] jkollu jiġi t-​triq kollha sa tmiemu, u ma jkunx hemm min jgħinu.”—DAN. 11:45.

GĦANJA 95 Id-​dawl qed jitqawwa

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. X’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

IKTAR minn qatt qabel, aħna għandna evidenza ċara li qegħdin ngħixu fl-​aħħar jiem taʼ din is-​sistema. Dalwaqt, Ġeħova u Ġesù Kristu se jeqirdu l-​gvernijiet kollha li jopponu s-​Saltna. Imma qabel iseħħ dan, is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar se jkomplu jiġġieldu kontra xulxin u kontra n-​nies t’Alla.

2 F’dan l-​artiklu se niddiskutu l-​profezija mniżżla f’​Danjel 11:40-​45 u 12:1. Aħna se nitgħallmu min hu s-​sultan tat-​tramuntana llum, u se niddiskutu wkoll għala nistgħu nibqgħu kalmi u nkunu ċerti li Ġeħova se jsalvana jiġri x’jiġri.

SULTAN ĠDID TAT-​TRAMUNTANA

3-4. Min hu s-​sultan tat-​tramuntana llum? Spjega.

3 Wara li l-​Unjoni Sovjetika waqgħet fl-​1991, in-​nies t’Alla li kienu taħt it-​tmexxija tagħha kellhom il-​libertà għal xi żmien. Danjel jiddeskrivi din il-​libertà bħala “ftit għajnuna.” (Dan. 11:34) B’riżultat taʼ dan, huma setgħu jippritkaw bil-​libertà, u malajr kien hemm mijiet taʼ eluf taʼ pubblikaturi fil-​pajjiżi li qabel kienu jagħmlu parti mill-​Unjoni Sovjetika. Imma wara xi snin, ir-​Russja u l-​pajjiżi li appoġġjawha saru s-​sultan tat-​tramuntana. Kif iddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel, gvern kellu jagħmel tlett affarijiet biex ikun is-​sultan tat-​tramuntana jew is-​sultan tan-​nofsinhar: (1) imexxi f’pajjiż fejn ħafna min-​nies t’Alla jgħixu jew jippersegwita n-​nies t’Alla, (2) bl-​azzjonijiet tiegħu juri li jobgħod lil Ġeħova u lin-​nies tiegħu, u (3) kellu jiġġieled kontra s-​sultan l-​ieħor.

4 Dawn huma r-​raġunijiet għala nistgħu ngħidu li r-​Russja u l-​pajjiżi li jappoġġjawha huma s-​sultan tat-​tramuntana. (1) Huma attakkaw lin-​nies t’Alla meta ma ħallewhomx jippritkaw u ppersegwitaw lill-​mijiet t’eluf t’aħwa li jgħixu taħt it-​tmexxija tagħhom. (2) B’dawn l-​azzjonijiet juru li jobogħdu lil Ġeħova u lin-​nies tiegħu. (3) Huma qed jipprovaw isiru iktar b’saħħithom mis-​sultan tan-​nofsinhar, jiġifieri l-​Brittanja u l-​Istati Uniti. Ejja naraw x’għamlu r-​Russja u l-​pajjiżi li jappoġġjawha u għala dan jagħti prova li huma s-​sultan tat-​tramuntana.

IS-​SULTAN TAT-​TRAMUNTANA U TAN-​NOFSINHAR IKOMPLU JOPPONU LIL XULXIN

5. Dwar liema perjodu titkellem il-​profezija taʼ Danjel 11:40-​43?

5 Aqra Danjel 11:40-​43. Dil-​parti tal-​profezija titkellem dwar il-​perjodu tal-​aħħar żminijiet. Din tiddeskrivi kif is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar jiġġieldu kontra xulxin. Danjel bassar, li fi żmien it-​tmiem, is-​sultan tan-​nofsinhar kien se jkollu “konfront,” jiġifieri jiġġieled, mas-​sultan tat-​tramuntana.—Dan. 11:40.

6. Is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar kif jopponu lil xulxin?

6 Is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar jiġġieldu kontra xulxin għax it-​tnejn iridu jkunu l-​iktar gvern b’saħħitu fid-​dinja. Pereżempju, aħseb x’ġara wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, l-​Unjoni Sovjetika bdiet tiddomina parti kbira tal-​Ewropa. Għalhekk, is-​sultan tan-​nofsinhar ftiehem maʼ pajjiżi oħra biex jużaw l-​armati tagħhom flimkien kontra s-​sultan tat-​tramuntana. Din l-​organizzazzjoni hi magħrufa bħala n-​NATO. Ukoll, is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar nefqu ħafna flus biex ikollhom l-​iktar armata b’saħħitha. Barra minn hekk, huma ġġieldu kontra xulxin b’mod indirett billi użaw nazzjonijiet oħra biex jiġġieldu kontra l-​għadu tagħhom. Dan ġara fl-​Afrika, fl-​Asja u f’partijiet tal-​Amerika t’Isfel. Fi snin riċenti, ir-​Russja u l-​pajjiżi li jappoġġjawha komplew jiksbu l-​poter mad-​dinja kollha. Dawn qed jiġġieldu mas-​sultan tan-​nofsinhar ukoll permezz tat-​teknoloġija (cyber warfare). Is-​slaten akkużaw lil xulxin li użaw programmi tal-​kompjuters biex itellfu l-​flus u jagħmlu ħsara lill-​gvern tagħhom. U kif bassar Danjel, is-​sultan tat-​tramuntana kompla l-​attakk tiegħu fuq in-​nies t’Alla.—Dan. 11:41.

IS-​SULTAN TAT-​TRAMUNTANA “JIDĦOL UKOLL FIL-​PAJJIŻ TAD-​DEKORAZZJONI”

7. X’inhu “l-​pajjiż tad-​Dekorazzjoni”?

7 Danjel 11:41 jgħid li s-​sultan tat-​tramuntana se “jidħol ukoll fil-​pajjiż tad-​Dekorazzjoni.” X’inhu dan il-​pajjiż? Fi żminijiet Bibliċi, Iżrael kien ikkunsidrat l-​isbaħ pajjiż. Huwa għalhekk li fil-​Bibbja kien jissejjaħ “id-​dekorazzjoni taʼ l-​artijiet kollha.” (Eżek. 20:6) Imma dan il-​pajjiż kien speċjali ħafna għax kien il-​post fejn in-​nies qdew lil Ġeħova. Minn Pentekoste tas-​sena 33 WK, “il-​pajjiż tad-​Dekorazzjoni” ma baqax pajjiż speċifiku fuq l-​art. Illum, dan jagħmel sens għax in-​nies taʼ Ġeħova huma madwar id-​dinja kollha. Minflok, illum, “il-​pajjiż tad-​Dekorazzjoni” huwa l-​attivitajiet spiritwali tan-​nies taʼ Ġeħova li jinkludu affarijiet bħall-​qima tagħhom lejh fil-​laqgħat u fil-​ministeru.

8. Is-​sultan tat-​tramuntana kif daħal “fil-​pajjiż tad-​Dekorazzjoni”?

8 Matul l-​aħħar jiem, is-​sultan tat-​tramuntana daħal ħafna drabi “fil-​pajjiż tad-​Dekorazzjoni.” Pereżempju, meta n-​Nazi Ġermaniża kienet is-​sultan tat-​tramuntana, speċjalment matul it-​Tieni Gwerra Dinjija, is-​sultan daħal “fil-​pajjiż tad-​Dekorazzjoni” billi ppersegwita u qatel lin-​nies t’Alla. Wara t-​Tieni Gwerra Dinjija, meta l-​Unjoni Sovjetika saret is-​sultan tat-​tramuntana, is-​sultan daħal “fil-​pajjiż tad-​Dekorazzjoni” meta ppersegwita lin-​nies t’Alla u sforzahom biex jitilqu minn pajjiżhom.

9. Fi snin riċenti, ir-​Russja u l-​pajjiżi li jappoġġjawha kif daħlu “fil-​pajjiż tad-​Dekorazzjoni”?

9 Fi snin riċenti, anki r-​Russja u l-​pajjiżi li jappoġġjawha daħlu “fil-​pajjiż tad-​Dekorazzjoni.” Kif? Fl-​2017, dan is-​sultan tat-​tramuntana ma ħalliex lin-​nies taʼ Ġeħova jagħmlu x-​xogħol u tefaʼ lil xi wħud minn ħutna rġiel u nisa fil-​ħabs. Hu anki pprojbixxa l-​pubblikazzjonijiet tagħna, inkluż it-​Traduzzjoni tad-​Dinja l-​Ġdida. Ħa wkoll l-​uffiċċju tal-​fergħa tagħna fir-​Russja u anki s-​Swali tas-​Saltna u l-​Swali tal-​Assembleat. Wara dawn l-​azzjonijiet, fl-​2018 il-​Ġemgħa li Tiggverna qalet li r-​Russja u l-​pajjiżi li jappoġġjawha huma s-​sultan tat-​tramuntana. Madankollu, in-​nies taʼ Ġeħova ma jagħmlux ħsara lill-​gvern jew jipprovaw ibiddluh meta dan il-​gvern jippersegwitahom. Minflok, huma jimxu fuq il-​parir tal-​Bibbja u jitolbu “għal kull min għandu pożizzjoni għolja,” speċjalment meta dawn ikunu se jieħdu deċiżjonijiet li jistgħu jeffettwaw il-​libertà tal-​qima tagħna.—1 Tim. 2:1, 2.

IS-​SULTAN TAT-​TRAMUNTANA SE JEQRED LIS-​SULTAN TAN-​NOFSINHAR?

10. Is-​sultan tat-​tramuntana se jeqirdu lis-​sultan tan-​nofsinhar? Spjega.

10 Il-​profezija f’​Danjel 11:40-​45 titkellem l-​iktar dwar is-​sultan tat-​tramuntana. Ifisser dan li hu se jeqred lis-​sultan tan-​nofsinhar? Le. Is-​sultan tan-​nofsinhar se jkun ‘għadu ħaj,’ jiġifieri, hu se jkun għadu jeżisti meta Ġeħova u Ġesù se jeqirdu lill-​gvernijiet umani kollha fil-​gwerra t’Armageddon. (Riv. 19:20) Għala nistgħu nkunu daqshekk ċerti? Ikkunsidra x’jindikaw il-​profeziji taʼ Danjel u Rivelazzjoni.

F’Armageddon, is-Saltna t’Alla, li hi mqabbla maʼ ġebla, se teqred lill-mexxejja umani, li f’din l-istampa huma rappreżentati minn xbieha enormi (Ara paragrafu 11)

11. X’turi l-​profezija taʼ Danjel 2:43-​45? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

11 Aqra Danjel 2:43-​45. Il-​profeta Danjel iddeskriva xbieha enormi li l-​partijiet tal-​ġisem tagħha kienu magħmula b’metalli differenti. Kull parti tirrappreżenta gvern differenti li mexxa fejn ħafna min-​nies t’Alla kienu jgħixu. Dawn il-​gvernijiet mexxew fi żminijiet differenti. Is-​saqajn taʼ din ix-​xbieha kienu magħmulin mill-​ħadid u t-​tafal. Dawn jirrappreżentaw il-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Din il-​profezija turi li l-​Brittanja u l-​Amerka se jkunu għadhom imexxu meta s-​Saltna t’Alla se teqred lill-​gvernijiet umani kollha.

12. Lil min tirrappreżenta s-​sebaʼ ras tal-​bhima salvaġġa, u għala hu importanti li nkunu nafu dan?

12 L-​appostlu Ġwanni wkoll tkellem dwar il-​gvernijiet li mexxew fuq in-​nies taʼ Ġeħova. Fil-​profezija taʼ Ġwanni, dawn il-​gvernijiet huma rrappreżentati minn bhima salvaġġa b’sebat irjus. Is-​sebaʼ ras tirrappreżenta l-​Qawwa Dinjija Anglo-​Amerikana. Dan hu importanti għax m’hemmx irjus oħra wara din. Is-​sebaʼ ras taʼ din il-​bhima se tkun għadha qed tmexxi meta Kristu u l-​armata li għandu fis-​sema se jeqirduha mal-​kumplament tal-​bhima. *Riv. 13:1, 2; 17:13, 14.

X’SE JAGĦMEL IS-​SULTAN TAT-​TRAMUNTANA FIL-​FUTUR QARIB?

13-14. Min hu “Gog taʼ l-​art taʼ Magog,” u x’jistaʼ jkun li se jġiegħlu jattakka lin-​nies t’Alla?

13 Il-​profezija f’​Eżekjel 38:10-​23 tgħidilna dwar dak li jistaʼ jiġri qabel is-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar jiġu meqruda. Jidher li l-​profezija taʼ Eżekjel u l-​profeziji miktubin f’​Danjel 2:43-​45; 11:44, 45; 12:1 u Rivelazzjoni 16:13-​16, 21, isemmu l-​istess żmien u ġrajjiet. Jekk dan hu minnu, jidher li nistgħu nistennew li jseħħu dawn l-​affarijiet.

14 Xi żmien wara li tibda t-​tribulazzjoni l-​kbira, “is-​slaten taʼ l-​art abitata kollha” se jingħaqdu flimkien biex jifformaw grupp taʼ nazzjonijiet. (Riv. 16:13, 14; 19:19) Il-​Bibbja ssejjaħ dan il-​grupp taʼ nazzjonijiet “Gog taʼ l-​art taʼ Magog.” (Eżek. 38:2) Dan il-​grupp taʼ nazzjonijiet se jattakka lin-​nies t’Alla kollha u jipprova jeqridhom għalkollox. X’se jġiegħlu jagħmel dan? Fi profezija dwar dan iż-​żmien, l-​appostlu Ġwanni qal li silġ oħxon ħafna kien se jinżel fuq l-​għedewwa t’Alla. Din il-​maltempata bis-​silġ jistaʼ jkun li tirrappreżenta l-​messaġġ qawwi taʼ ġudizzju li se jippritkaw in-​nies taʼ Ġeħova. Jistaʼ jkun li dan il-​messaġġ iġiegħel lil Gog taʼ Magog jattakka lin-​nies t’Alla biex jipprova jeqridhom kollha.—Riv. 16:21.

15-16. (a) Danjel 11:44, 45, għal liema ġrajjiet jistaʼ jkun li qed jirreferu? (b) X’se jiġrilu s-​sultan tat-​tramuntana flimkien man-​nazzjonijiet l-​oħra li jagħmlu parti minn Gog taʼ Magog?

15 Dal-​messaġġ qawwi u l-​attakk finali mill-​għedewwa t’Alla jistaʼ jkun li jirreferu għall-​istess ġrajjiet li jsemmi Danjel 11:44, 45. (Aqra.) Hemm, Danjel jgħid li “jkun hemm rapporti . . . , minn tlugħ ix-​xemx u mit-​tramuntana,” li jħawdu lis-​sultan tat-​tramuntana u “hu joħroġ b’dagħdigħa kbira.” Is-​sultan tat-​tramuntana jippjana biex “jeqred lil ħafna.” Milli jidher “lil ħafna” tirreferi għan-​nies taʼ Ġeħova. * Jistaʼ jkun li hawnhekk Danjel qed jiddeskrivi l-​attakk finali fuq in-​nies t’Alla.

16 Meta s-​sultan tat-​tramuntana u l-​gvernijiet l-​oħra jattakkaw lin-​nies t’Alla, dan se jirrabja ħafna lil Alla li Jistaʼ Kollox, u mbagħad tibda l-​gwerra t’Armageddon. (Riv. 16:14, 16) F’dak iż-​żmien, is-​sultan tat-​tramuntana se jinqered u “ma jkunx hemm min jgħinu.” Miegħu se jinqerdu wkoll in-​nazzjonijiet l-​oħra li jagħmlu parti minn Gog taʼ Magog.—Dan. 11:45.

Fil-gwerra t’Armageddon, Ġesù Kristu u l-armata li għandu fis-sema se jeqirdu lid-dinja ħażina taʼ Satana u jsalvaw lin-nies t’Alla (Ara paragrafu 17)

17. Min hu Mikiel, “il-​prinċep il-​kbir” li jissemma f’​Danjel 12:1, u x’se jagħmel?

17 Il-​vers taʼ wara fir-​rakkont taʼ Danjel jagħti iktar informazzjoni dwar kif is-​sultan tat-​tramuntana u l-​gvernijiet l-​oħra li jappoġġjawh se jiġu meqrudin. Jgħid ukoll kif aħna se niġu salvati. (Aqra Danjel 12:1.) Xi jfisser dan il-​vers? Mikiel huwa isem ieħor għas-​Sultan tagħna, Kristu Ġesù, li qed imexxi. Hu ilu “wieqaf għan-​nom” tan-​nies t’Alla mill-​1914 meta sar is-​Sultan tas-​Saltna t’Alla fis-​sema. Fil-​futur qarib, hu se “jqum,” jew se jeqred lill-​għedewwa tiegħu, fil-​gwerra t’Armageddon. Din il-​gwerra se tkun il-​ġrajja finali li Danjel sejħilha l-​akbar “żmien taʼ niket” li qatt kien hawn fid-​dinja. Ukoll, il-​profezija taʼ Ġwanni mniżżla f’​Rivelazzjoni tirreferi għaż-​żmien eżatt qabel il-​gwerra taʼ Armageddon bħala “t-​tribulazzjoni l-​kbira.”—Riv. 6:2; 7:14.

SE JKUN ISMEK “MIKTUB FIL-​KTIEB”?

18. Jiġri x’jiġri fil-​futur, għala nistgħu nibqgħu kalmi?

18 Kemm Danjel u kif ukoll Ġwanni qalu li Ġeħova u Ġesù se jsalvaw lill-​qaddejja tagħhom matul it-​tribulazzjoni l-​kbira. Allura, jiġri x’jiġri, aħna nistgħu nibqgħu kalmi. Danjel jgħid li dawk li se jiġu salvati se jkunu n-​nies li isimhom se “jinstab miktub fil-​ktieb.” (Dan. 12:1) X’nistgħu nagħmlu biex isimna jkun miktub f’dan il-​ktieb? Irridu nagħtu prova li għandna fidi f’Ġesù, il-​Ħaruf t’Alla. (Ġw. 1:29) Irridu niddedikaw ħajjitna lil Alla u nitgħammdu. (1 Pt. 3:21) U rridu nuru li nappoġġjaw is-​Saltna t’Alla billi nagħmlu dak kollu li nistgħu biex oħrajn jitgħallmu dwar Ġeħova.

19. X’għandna nagħmlu issa, u għala?

19 Issa hu ż-​żmien li nsaħħu l-​fiduċja tagħna f’Ġeħova u fil-​qaddejja leali li għandu fl-​organizzazzjoni. Issa hu l-​ħin li nappoġġjaw is-​Saltna t’Alla. Jekk nagħmlu dan, se niġu salvati meta s-​Saltna t’Alla teqred lis-​sultan tat-​tramuntana u s-​sultan tan-​nofsinhar.

GĦANJA 149 Għanja tar-​rebħa

^ par. 5 Min hu “s-​sultan tat-​tramuntana” llum, u dan kif se jinqered? It-​tweġiba għal din il-​mistoqsija tistaʼ ssaħħaħ iktar il-​fidi tagħna u tgħinna nkunu preparati għal dak li se jiġri dalwaqt matul it-​tribulazzjoni l-​kbira.