Il-Ħlewwa—Għala Hi taʼ Ġid Għalina?
Sara * tgħid: “Jiena persuna mistħija ħafna u ma tantx jien kunfidenti. Allura, ma tantx inkun komda maʼ nies li huma kunfidenti u fuq tagħhom. Nippreferi nkun maʼ xi ħadd kwiet u umli. Maʼ persuna hekk, jiena nħossni komda biex niftaħ qalbi u nitkellem dwar il-problemi tiegħi. Dan it-tip huma l-ħbieb tal-qalb tiegħi.”
Il-kummenti taʼ Sara juru li meta nuru l-ħlewwa, oħrajn se jixtiequ jkunu l-ħbieb tagħna. Ukoll, Ġeħova jieħu pjaċir meta nuru l-ħlewwa. Kelmtu tħeġġiġna: “Ilbsu sentimenti [taʼ] . . . ħlewwa.” (Kol. 3:12) X’inhi l-kwalità tal-ħlewwa? Ġesù kif wera l-ħlewwa? U din il-kwalità, kif tistaʼ tgħinna ngħixu ħajja iktar ferħana?
IL-KWALITÀ TAL-ĦLEWWA X’INHI?
Il-ħlewwa hija kwalità li tiġi meta int tkun tħobb iżżomm il-paċi. Xi ħadd li għandu l-ħlewwa jittratta lil oħrajn b’qalb tajba, u jibqaʼ kalm anki meta jiġru affarijiet li jdejquh.
Jeħtieġ id-determinazzjoni biex nuru l-ħlewwa. Il-kelma Griega użata fil-Bibbja għall-“ħlewwa” kienet tintuża biex tiddeskrivi żiemel salvaġġ li jiġi trenjat biex jidra man-nies. Iż-żiemel xorta jkun b’saħħtu, imma jkun ġie trenjat jikkontrolla s-saħħa tiegħu. B’mod simili, meta nuru l-ħlewwa, aħna nikkontrollaw it-tendenzi imperfetti tagħna u nżommu l-paċi maʼ oħrajn.
Forsi ngħidu ‘Jien m’iniex persuna kalma.’ Peress li ngħixu f’dinja b’nies aggressivi u bla paċenzja, jistaʼ jkun diffiċli biex nuru l-ħlewwa. (Rum. 7:19) Minħabba dan, jinvolvi sforz biex nitgħallmu nuru din il-kwalità, imma l-ispirtu qaddis taʼ Ġeħova se jgħinna nibqgħu nipprovaw. (Gal. 5:22, 23) Għala għandna nagħmlu sforz biex nuru l-ħlewwa?
Il-ħlewwa tiġbed lin-nies. Bħal Sara, li ssemmiet qabel, aħna nieħdu pjaċir inkunu maʼ nies li juru l-ħlewwa. Eżempju mill-aqwa taʼ xi ħadd li wera l-ħlewwa u qalb tajba hu Ġesù. (2 Kor. 10:1) Tant hu hekk, li anki t-tfal li bilkemm kienu jafuh riedu joqogħdu miegħu.—Mk. 10:13-16.
Il-ħlewwa tipproteġi lilna u lil dawk taʼ madwarna. Jekk ikollna l-ħlewwa, mhux se Prov. 16:32) M’aħniex se nweġġgħu lil oħrajn, inkluż lin-nies li nħobbu, allura mhux se nħossuna ħatja. U oħrajn se jibbenefikaw għax aħna se nikkontrollaw l-emozzjonijiet u l-imġiba tagħna, u b’hekk ma nweġġgħuhomx.
nieħdu għalina malajr. (EŻEMPJU PERFETT TAʼ ĦLEWWA
Minkejja r-responsabbiltajiet kbar u l-iskeda mimlija li kellu, Ġesù wera ħlewwa maʼ kulħadd. Ħafna, fi żmienu, kienu qed jiffaċċjaw tbatija u toqol kbir, u kellhom bżonn serħan. Min jaf kemm ħassewhom inkuraġġiti meta Ġesù qalilhom: “Ejjew għandi, . . . għax jien ġwejjed u umli f’qalbi”!—Mt. 11:28, 29.
Kif nistgħu nitgħallmu nuru l-ħlewwa bħal Ġesù? Irridu nistudjaw il-Kelma t’Alla ħalli nitgħallmu x’għamel Ġesù u kif tratta lin-nies meta ffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli. Imbagħad, meta niffaċċjaw sitwazzjonijiet li jittestjaw il-kwalità tal-ħlewwa, aħna se nagħmlu sforz biex naġixxu bħal Ġesù. (1 Pt. 2:21) Ikkunsidra tliet affarijiet li għenu lil Ġesù juri l-ħlewwa.
Ġesù kien verament umli. Ġesù qal li hu kien ‘ġwejjed u umli f’qalbu.’ (Mt. 11:29) Il-Bibbja ssemmi dawn iż-żewġ kwalitajiet flimkien għax il-ħlewwa għandha x’taqsam ħafna mal-umiltà.—Efes. 4:1-3.
L-umiltà tgħinna nevitaw li nieħdu l-affarijiet bi kbar jew li nkunu sensittivi żżejjed. Ġesù x’għamel meta dawk li kkritikawh qalu li kellu “kilba għall-ikel u mogħti għall-inbid”? Bil-mod kif għex ħajtu, hu wera li dak li qalu ma kienx minnu. Għax kien umli, hu wera li “l-għerf jintwera li hu sewwa minn għemilu.”—Mt. 11:19.
Jekk xi ħadd jagħmel kumment bla ħsieb dwar in-nazzjonalità tiegħek, il-background tiegħek, jew juri razziżmu, għala ma tipprovax turi l-ħlewwa fil-mod kif tirreaġixxi? Peter, anzjan Kristjan fl-Afrika t’Isfel, qal: “Meta nkun f’sitwazzjoni fejn nibda nirrita ruħi b’dak li qed jgħid xi ħadd, nistaqsi lili nnifsi, ‘Kieku Ġesù x’jagħmel?’” Ikompli jgħid: “Tgħallimt li m’għandix nieħu għalija malajr.”
Ġesù kien jaf li n-nies huma imperfetti. Id-dixxipli tiegħu riedu jagħmlu dak li hu sewwa, imma minħabba li kienu imperfetti, huma mhux dejjem irnexxielhom. Pereżempju, fil-lejl qabel Ġesù miet, hu qal lil Pietru, Ġakbu, u Ġwanni biex jibqgħu mqajmin, imma huma raqdu. Ġesù wera li fehem għala kienu qed jorqdu meta qal “l-ispirtu hu ħerqan imma l-laħam dgħajjef.” (Mt. 26:40, 41) Minħabba li fehem li l-appostli kienu imperfetti, Ġesù ma rritax ruħu.
Mandy hija oħt li kienet tikkritika ħafna lil oħrajn, imma issa tagħmel sforz kbir biex timita l-eżempju taʼ Ġesù f’li turi l-ħlewwa. Hi tgħid, “Nipprova niftakar li kulħadd imperfett u bħal Ġeħova, niffoka fuq il-kwalitajiet tajbin t’oħrajn.” Tistaʼ int timita l-mod kif Ġesù tratta lil oħrajn minkejja l-imperfezzjonijiet tagħhom?
Ġesù ħalla f’idejn Ġeħova. Meta Ġesù kien fuq l-art u ġie trattat b’mod inġust, hu ssaporta. Hu ġie mifhum ħażin, immaqdar, u maqtul. Minkejja dan, hu baqaʼ kalm għax “baqaʼ jafda ruħu f’idejn dak li jiġġudika bil-ġustizzja.” (1 Pt. 2:23) Ġesù kien jaf li Missieru tas-sema kien jimpurtah minnu u fil-ħin xieraq kien se jirranġa l-affarijiet.
Jekk inkunu trattati b’mod inġust u nirrabjaw, aħna nistgħu nagħmlu s-sitwazzjoni agħar. Għalhekk, l-Iskrittura tfakkarna: “Il-korla tal-bniedem ma twettaqx dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.” (Ġak. 1:20) Anki jekk ikollna raġun nirrabjaw, minħabba li aħna imperfetti jaf nirreaġixxu ħażin.
Oħt fil-Ġermanja jisimha Cathy kienet taħsibha b’dal-mod, ‘Jekk ma taqbiżx għalik innifsek, ħadd mhu se jaqbeż għalik.’ Imma meta tgħallmet tafda f’Ġeħova, l-attitudni tagħha nbidlet. Hi tgħid: “Issa naf li mhux dejjem għandi bżonn niddefendi lili nnifsi.
Għax naf li Ġeħova qed jara kollox.” Jekk ġieli ġejt trattat ħażin, li ssegwi l-eżempju taʼ Ġesù u tafda f’Ġeħova, se jgħinek biex tibqaʼ turi l-ħlewwa.“HENJIN IL-ĠWEJDIN”
Ġesù jgħidilna li jekk irridu li nkunu ferħanin, għandna nkunu ġwejdin. Hu qal, “Henjin il-ġwejdin.” (Mt. 5:5) Innota kif li nkunu ġwejdin, jew li nuru l-ħlewwa, jistaʼ jgħinna f’dawn is-sitwazzjonijiet.
Il-ħlewwa tgħin meta jkun hemm l-istress fiż-żwieġ. “Meta kont irrabjat jien għedt kliem li jweġġaʼ lil marti,” jammetti Robert, ħu mill-Awstralja. “Imma meta tgħid kliem li jweġġaʼ, ma tistax tippretendi li qisek qatt ma għedtu. Jien vera ddispjaċieni meta ndunajt li kliemi weġġagħha.”
“Ilkoll nitfixklu ħafna drabi” f’dak li ngħidu, u l-kliem bla ħsieb tagħna jistaʼ jikkaġuna ħafna problemi bejn il-miżżewġin. (Ġak. 3:2) F’mumenti bħal dawn, il-ħlewwa tistaʼ tgħinna nibqgħu kalmi u nikkontrollaw ilsienna.—Prov. 17:27.
Robert ħadem iebes biex jiżviluppa l-kalma u r-rażan. X’kienu l-benefiċċji? Hu jgħid, “Issa, meta jien u l-mara jkollna nuqqas taʼ qbil, nipprova nismaʼ b’attenzjoni, nitkellem bil-ħlewwa, u ma niħux għalija. Issa r-relazzjoni taʼ bejnietna hi ħafna aħjar.”
Il-ħlewwa tgħinna ningwalawha aħjar m’oħrajn. Dawk li jieħdu għalihom malajr, ma tantx ikollhom ħbieb. Però, il-ħlewwa tgħinna ‘nħarsu l-unità . . . li tgħaqqad tal-paċi.’ (Efes. 4:2, 3) Cathy, li ġiet ikkwotata qabel, tgħid, “Meta nuri l-ħlewwa, ingawdi iktar il-kumpanija t’oħrajn, avolja mhux dejjem ikun faċli.”
Il-ħlewwa tagħmlek kuntent. Il-Bibbja tagħmel rabta bejn “l-għerf li ġej minn fuq” mal-ħlewwa u l-paċi. (Ġak. 3:13, 17) Persuna li turi l-ħlewwa għandha “qalb kalma.” (Prov. 14:30) Martin, li ħadem iebes biex jiżviluppa din il-kwalità, jgħid: “Issa jien iktar raġonevoli u inqas nervuż, u nħossni iktar ferħan.”
Vera, jistaʼ jkun li rridu nirsistu biex niżviluppaw il-ħlewwa. Ħu jgħid hekk, “Biex inkun onest, anki issa ġieli nħossni se nisplodi bir-rabja.” Imma Ġeħova, il-wieħed li jinkuraġġina nuru l-ħlewwa, se jgħinna f’mumenti bħal dawn. (Is. 41:10; 1 Tim. 6:11) Hu jistaʼ ‘jtemm it-taħriġ tagħna’; u jistaʼ jagħmilna b’saħħitna. (1 Pt. 5:10) Maż-żmien, bħall-appostlu Pawlu, aħna nistgħu nimitaw “il-ħlewwa u l-qalb tajba tal-Kristu.”—2 Kor. 10:1.
^ par. 2 Xi ismijiet ġew mibdulin.