Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 21

Tapprezza Int l-Affarijiet Tajbin li Tak Alla?

Tapprezza Int l-Affarijiet Tajbin li Tak Alla?

“Int għamilt ħafna affarijiet, iva, għemejjel taʼ l-​għaġeb, O Ġeħova Alla tiegħi, u ħsibijietek huma dwarna.”—SALM 40:5.

GĦANJA 5 L-​għemejjel meraviljużi t’Alla

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Fi qbil maʼ Salm 40:5, Ġeħova liema rigali tana, u għala se niddiskutuhom f’dan l-​artiklu?

ĠEĦOVA huwa Alla ġeneruż. Aħseb dwar ftit mir-​rigali li tana; id-​dinja mill-​isbaħ li hija post perfett għalina; il-​moħħ, li huwa ddisinjat b’mod meraviljuż; u l-​Kelma prezzjuża tiegħu, il-​Bibbja. Minħabba li Ġeħova tana dawn it-​tlett rigali aħna għandna post fejn ngħixu, nistgħu naħsbu u nikkomunikaw m’oħrajn, u għandna t-​tweġibiet għall-​iktar mistoqsijiet importanti li jistaʼ jkollna.—Aqra Salm 40:5.

2 F’dan l-​artiklu se niddiskutu dawn it-​tliet rigali. Iktar ma nimmeditaw fuq dawn ir-​rigali, iktar se napprezzawhom. U se nkunu rridu nferrħu lill-​Ħallieq tagħna Ġeħova. (Riv. 4:11) Ukoll, aħna se nkunu iktar effettivi meta nitkellmu maʼ dawk li ġew imqarrqin u jemmnu bl-​evoluzzjoni.

IL-​PJANETA UNIKA TAGĦNA

3. Id-​dinja tagħna għala hi unika?

3 Meta naraw kif Alla ħalaq id-​dinja, nitgħallmu kemm hu għaref. (Rum. 1:20; Ebr. 3:4) Hemm pjaneti oħra li jduru max-​xemx, imma d-​dinja tagħna hi unika għax għandha dak kollu li l-​bnedmin għandhom bżonn biex jgħixu.

4. Kif nistgħu naraw l-​għerf t’Alla mill-​mod kif hu ħalaq l-​art? Spjega.

4 Aħna nistgħu nqabblu d-​dinja fl-​univers maʼ dgħajsa f’oċean. Imma hemm differenza bejn dgħajsa mimlija bin-​nies u d-​dinja tagħna. Pereżempju, immaġina li n-​nies taʼ fuq id-​dgħajsa ma jistgħux jipproduċu l-​ossiġnu, l-​ikel, l-​ilma u ma jistgħu jarmu xejn barra mid-​dgħajsa. Kemm taħseb li se jdumu ħajjin? B’kuntrast, id-​dinja kapaċi żżomm lil biljuni taʼ nies u annimali ħajjin. Hi tipproduċi l-​ossiġnu, l-​ikel, u l-​ilma li għandna bżonn. U minkejja li l-​iskart kollu jibqaʼ fid-​dinja, hi tibqaʼ sabiħa u tajba biex ngħixu fiha. Dan kif inhu possibbli? Għax Ġeħova ħalaq l-​art b’mod li l-​iskart jistaʼ jiġi mibdul f’xi ħaġa li tistaʼ terġaʼ tintuża. Aħna se niddiskutu kif l-​għerf taʼ Ġeħova jidher fil-​mod tal-​għaġeb kif jaħdmu ċ-​ċiklu tal-​ossiġnu u ċ-​ċiklu tal-​ilma.

5. X’inhu ċ-​ċiklu tal-​ossiġnu, u dan xi prova jagħti?

5 L-​ossiġnu huwa gass li l-​bnedmin u l-​annimali għandhom bżonn biex jgħixu. Hu kkalkulat li ħlejjaq ħajjin jużaw mitt biljun tunnellata taʼ ossiġnu fis-​sena. Dawn l-​istess ħlejjaq ħajjin jipproduċu gass li jissejjaħ dijossidu karboniku. Però, dejjem ikun hemm iktar ossiġnu milli dijossidu karboniku. Dan kif inhu possibbli? Għax Ġeħova ħalaq pjanti differenti u taʼ kull daqs li jiġbdu d-​dijossidu karboniku u jarmu l-​ossiġnu. Minħabba li dan iċ-​ċiklu jipproduċi l-​arja li għandna bżonn, aħna naqblu mal-​kliem f’​Atti 17:24, 25 li jgħid: “Alla . . . jagħti lil kulħadd il-​ħajja u n-​nifs.”

6. X’inhu ċ-​ċiklu tal-​ilma, u dan xi prova jagħti? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Iċ-​Ċiklu tal-​Ilma Hu Rigal Mingħand Ġeħova.”)

6 Fid-​dinja jeżisti l-​ilma likwidu għax il-​pjaneta tagħna qiegħda ʼl bogħod mix-​xemx b’distanza eżatta. Kieku kienet ftit eqreb, l-​ilma kollu fid-​dinja kien jevapora u d-​dinja kienet tkun taħraq, xotta, u bla ħajja. Kieku d-​dinja kienet ftit ’il bogħod mix-​xemx, l-​ilma kien jiffriża kollu u d-​dinja ssir ballun kbir tas-​silġ. Minħabba li Ġeħova poġġa d-​dinja fil-​post eżatt, iċ-​ċiklu tal-​ilma jistaʼ jsostni l-​ħajja. Ix-​xemx issaħħan l-​ilma tal-​oċeani u li hemm fuq wiċċ l-​art u tevaporah biex jifforma sħab. Kull sena, ix-​xemx tevapora ilma li tistaʼ timla tank għoli, wiesaʼ, u fond kważi 80 kilometru. Dan l-​ilma jibqaʼ fl-​atmosfera għal madwar għaxart ijiem qabel jinżel bħala xita jew borra. B’dan il-​mod, l-​ilma jerġaʼ jmur lura fl-​oċeani jew xmajjar, u dan ċ-​ċiklu jibqaʼ jirrepeti ruħu. Ġeħova għamel dan iċ-​ċiklu biex fid-​dinja dejjem ikun hemm l-​ilma. Dan jagħti prova li Ġeħova hu għaref kif ukoll qawwi.—Ġob 36:27, 28; Ekk. 1:7.

7. X’inhuma xi modi li juru li aħna napprezzaw ir-​rigal li nsibu f’​Salm 115:16?

7 X’jistaʼ jgħinna napprezzaw iktar il-​pjaneta sabiħa tagħna u l-​affarijiet tajbin li nsibu fiha? (Aqra Salm 115:16.) Mod wieħed hu billi nimmeditaw fuq l-​affarijiet li Ġeħova għamel. Dan se jġegħelna nirringrazzjaw lil Ġeħova kuljum għall-​affarijiet tajbin li jagħtina. Ukoll, nuru l-​apprezzament tagħna billi nżommu fejn ngħixu nadif kemm jistaʼ jkun.

IL-​MOĦĦ UNIKU TAGĦNA

8. Għala nistgħu ngħidu li l-​moħħ hu ddisinjat b’mod tal-​għaġeb?

8 Il-​moħħ tal-​bniedem hu ddisinjat b’mod tal-​għaġeb. Meta int kont f’ġuf ommok, moħħok żviluppa skont il-​mod li ġie ddisinjat, u eluf taʼ ċelluli ġodda fil-​moħħ bdew jiffurmaw kull minuta! Riċerkaturi jikkalkulaw li moħħ taʼ adult fih madwar 100 biljun ċellula li jissejħu newroni. Dawn iċ-​ċelluli jifformaw il-​moħħ li jiżen madwar kilo u nofs. Ikkunsidra xi ftit mill-​abbiltajiet tal-​għaġeb li għandu l-​moħħ.

9. X’jikkonvinċik li l-​abbiltà tagħna li nitkellmu hija rigal mingħand Alla?

9 L-​abbiltà li nitkellmu hi miraklu. Aħseb ftit dwar x’jiġri meta titkellem. Maʼ kull kelma li tgħid, il-​moħħ jagħti sinjal lil madwar 100 muskolu fl-​ilsien, fil-​gerżuma, fix-​xofftejn, fix-​xedaq, u fis-​sider. Biex int tkun tistaʼ tippronunzja l-​kliem ċar, dawn il-​muskoli jridu jaħdmu f’ordni preċiża. Rigward l-​abbiltà li nitkellmu lingwi differenti, studju li ħareġ fl-​2019, wera li trabi tat-​twelid jistgħu jagħrfu u jirreaġixxu għal xi kliem. Dan l-​istudju jsaħħaħ dak li jgħidu ħafna riċerkaturi, li aħna nitwieldu bl-​abbiltà li nagħrfu u nitgħallmu l-​lingwi. Bla dubju, l-​abbiltà tagħna biex nitkellmu hija rigal mingħand Alla.—Eżo. 4:11.

10. Kif nistgħu nuru li napprezzaw ir-​rigal li nitkellmu?

10 Mod wieħed kif nuru li napprezzaw ir-​rigal li nitkellmu hu billi nispjegaw lil dawk l-​uħud li jemmnu bl-​evoluzzjoni għala aħna nemmnu li Alla ħalaq kollox. (Salm 9:1; 1 Pt. 3:15) Dawk li jħeġġu dan it-​tagħlim jgħidu li d-​dinja u l-​ħajja ma kinux iddisinjati, imma ġew b’kumbinazzjoni. Jekk nużaw il-​Bibbja u xi punti li ddiskutejna f’dan l-​artiklu, aħna nistgħu niddefendu lil Missierna tas-​sema u nispjegaw lil dawk li huma lesti li jisimgħu għala aħna konvinti li Ġeħova huwa l-​Ħallieq tas-​sema u l-​art.—Salm 102:25; Is. 40:25, 26.

11. X’inhi raġuni waħda għala l-​moħħ tagħna hu tal-​għaġeb?

11 L-​abbiltà tagħna li niftakru hi tal-​għaġeb. Fil-​passat, kittieb ikkalkula li moħħna għandu l-​abbiltà li jiftakar informazzjoni daqs 20 miljun ktieb kbir. Però, issa jaħsbu li l-​memorja tagħna tiflaħ ħafna iktar minn dan. X’abbiltà unika għandhom il-​bnedmin?

12. Minħabba li nistgħu nitgħallmu kif għandna ngħixu, kif aħna differenti mill-​annimali?

12 Mill-​ħlejjaq kollha tal-​art, il-​bnedmin biss għandhom l-​abbiltà li jitgħallmu kif għandhom jgħixu għax jistgħu jiftakru dak li ġara fil-​passat. Minħabba dan, aħna nistgħu nitgħallmu jkollna morali tajbin u nbidlu l-​mod kif naħsbu u ngħixu. (1 Kor. 6:9-​11; Kol. 3:9, 10) Fil-​fatt, aħna nistgħu nittrennjaw il-​kuxjenza tagħna biex nagħrfu x’inhu tajjeb u x’inhu ħażin. (Ebr. 5:14) Nistgħu nitgħallmu nuru l-​imħabba, il-​mogħdrija u l-​ħniena. U nistgħu nitgħallmu wkoll nimitaw il-​ġustizzja taʼ Ġeħova.

13. Fi qbil maʼ Salm 77:11, 12, kif għandna nużaw ir-​rigal tal-​memorja?

13 Mod wieħed kif nuru li napprezzaw ir-​rigal tal-​memorja hu billi nagħżlu li niftakru kull darba li Ġeħova għenna u inkuraġġiena fil-​passat. Dan se jibni l-​fiduċja tagħna li hu se jgħinna anke fil-​futur. (Aqra Salm 77:11, 12; 78:4, 7) Mod ieħor hu billi niftakru u napprezzaw l-​affarijiet tajbin li oħrajn jagħmlu għalina. Riċerkaturi sabu li nies li japprezzaw huma iktar ferħanin. Tajjeb ukoll li nimitaw lil Ġeħova u nagħżlu li ninsew xi affarijiet. Pereżempju, Ġeħova għandu memorja perfetta, imma jekk aħna nindmu, hu jagħżel li jaħfrilna u jinsa l-​iżbalji li nagħmlu. (Salm 25:7; 130:3, 4) U hu jridna nagħmlu l-​istess m’oħrajn meta huma jiddispjaċihom għax ikunu weġġgħuna bl-​iżbalji tagħhom.—Mt. 6:14; Lq. 17:3, 4.

Aħna nuru li napprezzaw ir-​rigal tal-​moħħ billi nużawh biex infaħħru lil Ġeħova (Ara paragrafu 14) *

14. Kif nistgħu nuru l-​apprezzament għar-​rigal meraviljuż tal-​moħħ?

14 Aħna nistgħu nuru li napprezzaw ir-​rigal meraviljuż tal-​moħħ billi nużawh biex infaħħru lill-​Wieħed li tahulna. Xi wħud, b’mod egoist jagħżlu li jużaw moħħhom biex jiddeċiedu għalihom infushom x’inhu tajjeb u ħażin. Imma peress li Ġeħova ħalaqna, bla dubju nistgħu nkunu ċerti li l-​livelli tiegħu huma aħjar minn kwalunkwe livell li nistgħu nagħmlu għalina nfusna. (Rum. 12:1, 2) Meta nobdu lil Ġeħova, aħna jkollna l-​paċi f’ħajjitna. (Is. 48:17, 18) Ukoll, nitgħallmu dak li hu jridna nagħmlu biex b’hekk infaħħruh u nferrħuh bħala l-​Ħallieq tagħna u Missierna.—Prov. 27:11.

IL-​BIBBJA RIGAL UNIKU

15. Ir-​rigal tal-​Bibbja kif juri l-​imħabba taʼ Ġeħova għan-​nies?

15 Il-​Bibbja hi rigal bi mħabba mingħand Alla. Missierna tas-​sema nebbaħ irġiel biex jiktbuha, għax iħobbna ħafna. Grazzi għall-​Bibbja, Ġeħova jagħtina t-​tweġibiet għall-​iktar mistoqsijiet importanti li jkollna, bħal: Minn fejn ġejna? X’inhu l-​iskop tal-​ħajja? U x’hemm lest għalina fil-​futur? Bħala wliedu, Ġeħova jridna nitgħallmu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet, għalhekk hu uża wħud biex jittraduċu l-​Bibbja f’ħafna lingwi. Illum, il-​Bibbja kollha jew partijiet minnha huma disponibbli f’iktar minn 3,000 lingwa! Il-​Bibbja hija l-​iktar ktieb tradott u mqassam fl-​istorja tad-​dinja. Jgħixu fejn jgħixu u tkun xi tkun il-​lingwa li jitkellmu, ħafna nies jistgħu jaqraw il-​Bibbja fil-​lingwa tagħhom.—Ara l-​kaxxa “ Il-​Bibbja Issir Disponibbli f’Lingwi Afrikani.”

16. Skont Mattew 28:19, 20, kif nistgħu nuru li napprezzaw il-​Bibbja?

16 Aħna nistgħu nuru li napprezzaw il-​Bibbja billi naqrawha kuljum, nimmeditaw fuq dak li tgħallem, u nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex napplikaw dak li nitgħallmu. Ukoll, aħna nuru l-​apprezzament tagħna lejn Alla billi nagħmlu l-​almu tagħna biex naqsmu l-​messaġġ tagħha maʼ kemm jistaʼ jkun nies.—Salm 1:1-​3; Mt. 24:14; aqra Mattew 28:19, 20.

17. Liema rigali ddiskutejna f’dan l-​artiklu, u x’se niddiskutu fl-​artiklu li jmiss?

17 F’dan l-​artiklu ddiskutejna xi rigali li tana Alla bħalma huma d-​dinja mill-​isbaħ li hija post perfett għalina; il-​moħħ, li huwa ddisinjat b’mod meraviljuż; u l-​Kelma mnebbħa t’Alla, il-​Bibbja. Imma Ġeħova tana wkoll rigali oħrajn li aħna ma narawhomx. Dawn ir-​rigali li ma jidhrux se niddiskutuhom fl-​artiklu li jmiss.

GĦANJA 12 Kbir Alla Ġeħova

^ par. 5 Dan l-​artiklu ser ikabbar l-​apprezzament tagħna għal Ġeħova u għal tliet rigali li tana. Se jgħinna wkoll biex nirraġunaw maʼ dawk li ma jemmnux li Alla jeżisti.

^ par. 64 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt qed titgħallem lingwa barranija biex tkun tistaʼ tgħallem il-veritajiet tal-Kelma t’Alla lill-emigranti.