Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 28

Kun Konvint li Għandek il-Verità

Kun Konvint li Għandek il-Verità

“Kompli f’dak li tgħallimt u li emmint għax sirt konvint li hu minnu.”—2 TIM. 3:14.

GĦANJA 56 Għożż il-​verità

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Xi tfisser l-​espressjoni “fil-​verità”?

“INT kif ġejt fil-​verità?” “Int twelidt fil-​verità?” “Kemm ilek fil-​verità?” X’aktarx li ġejt mistoqsi dawn il-​mistoqsijiet jew forsi saqsejthom int. Imma xi tfisser l-​espressjoni “fil-​verità”? Spiss, meta ngħidu “fil-​verità” nkunu qed nitkellmu dwar dak li nemmnu, dak li nagħmlu biex naqdu ’l Alla, u l-​mod kif ngħixu ħajjitna. Dawk li huma “fil-​verità,” jafu dak li tgħallem il-​Bibbja u jgħixu fi qbil mal-​prinċipji tagħha. Għalhekk, huma m’għadhomx jemmnu tagħlim reliġjuż falz, u jgħixu ferħanin minkejja li qegħdin f’dinja maħkuma minn Satana.—Ġw. 8:32.

2. Skont Ġwanni 13:34, 35, x’jistaʼ jiġbed lil xi ħadd lejn il-​verità?

2 X’kienet l-​ewwel ħaġa li ġibditek lejn il-​verità? Forsi kienet il-​kondotta tajba tal-​aħwa. (1 Pt. 2:12) Jew forsi kienet l-​imħabba li wrew. Ħafna li jattendu l-​laqgħa l-​ewwel darba, jinnotaw l-​imħabba u jibqgħu jiftakruha iktar minn dak li jkun intqal. Din mhix sorpriża għalina, għax Ġesù qal li d-​dixxipli tiegħu kellhom jintgħarfu mill-​imħabba taʼ bejniethom. (Aqra Ġwanni 13:34, 35.) Imma biex ikollna fidi soda, hemm xi affarijiet oħra li rridu nagħmlu.

3. X’jistaʼ jiġri jekk il-​fidi tagħna tkun ibbażata biss fuq l-​imħabba Kristjana tal-​aħwa?

3 Il-​fidi tagħna ma tridx tkun ibbażata biss fuq l-​imħabba Kristjana tal-​aħwa. Għala? Għax jekk il-​fidi tagħna tkun ibbażata fuq din l-​imħabba, il-​fidi malajr tistaʼ tiddgħajjef. Pereżempju, nistgħu nieqfu naqdu lil Ġeħova jekk ħu jew oħt, anki anzjan jew pijunier, jagħmel dnub serju. Nistgħu anki nieqfu naqdu lil Ġeħova jekk ħu jew oħt tweġġagħna. Jew ikun hemm xi ħadd li sar apostata u jipprova jgħidlek li dak li temmen fih huwa ħażin. Għalhekk, jekk irridu li l-​fidi tagħna tkun soda, din trid tkun ibbażata fuq il-​ħbiberija tagħna maʼ Ġeħova. Mela t-​tagħlima hi din: Jekk se tibni l-​fidi tiegħek f’Alla skont kif jaġixxu l-​oħrajn minflok fuq il-​ħbiberija tiegħek miegħu, il-​fidi tiegħek mhux se tkun b’saħħitha. Sa ċertu punt, il-​mod kif tħossok dwar Ġeħova u n-​nies tiegħu jistaʼ jgħinek biex tkabbar il-​fidi tiegħek. Imma huwa importanti ħafna li tistudja l-​Bibbja bis-​serjetà, tifhem dak li qed titgħallem u tagħmel riċerka biex tkun konvint li dak li qed titgħallem hu l-​verità dwar Ġeħova. Int trid tkun konvint li l-​Bibbja tgħallimna l-​verità.—Rum. 12:2.

4. Skont Mattew 13:3-​6, 20, 21, il-​fidi taʼ xi wħud x’jistaʼ jiġrilha meta jiffaċċjaw il-​problemi?

4 Ġesù qal li xi wħud se jaċċettaw il-​verità “bil-​ferħ,” imma li l-​fidi tagħhom se tiddgħajjef meta jiffaċċjaw il-​problemi. (Aqra Mattew 13:3-​6, 20, 21.) Forsi huma ma fehmux li jekk jimxu wara Ġesù xorta se jiffaċċjaw il-​problemi. (Mt. 16:24) Jew forsi ħasbu li se jkollhom biss barkiet u ħajja mingħajr ebda inkwiet. Imma fid-​dinja tal-​lum, se niffaċċjaw l-​isfidi. Fil-​ħajja, xi affarijiet jinbidlu u dan iwassal biex nitilfu xi ftit mill-​ferħ li jkollna.—Salm 6:6; Ekk. 9:11.

5. Il-​biċċa l-​kbira minn ħutna kif jagħtu prova li huma konvinti li għandhom il-​verità?

5 Il-​biċċa l-​kbira minn ħutna jagħtu prova li huma konvinti li għandhom il-​verità. Kif? Għax meta xi oħt jew ħu jweġġagħhom jew jinvolvi ruħu f’affarijiet ħżiena, huma ma jitfixklux. (Salm 119:165) Kull meta jkollhom xi problema, il-​fidi tagħhom tissaħħaħ mhux tiddgħajjef. (Ġak. 1:2-​4) Int kif tistaʼ tibni fidi b’saħħitha bħal din?

IKSEB “L-​GĦARFIEN EŻATT DWAR ALLA”

6. Il-​Kristjani tal-​bidu fuq xiex bnew il-​fidi tagħhom?

6 Il-​Kristjani tal-​bidu bnew il-​fidi tagħhom fuq l-​għarfien mill-​Iskrittura u t-​tagħlim taʼ Ġesù Kristu, li hu, “il-​verità taʼ l-​aħbar tajba.” (Gal. 2:5) Il-​verità hija dak kollu li nemmnu bħala Kristjani, li tinkludi l-​fatti dwar is-​sagrifiċċju taʼ Ġesù bħala fidwa u l-​irxoxt tiegħu. L-​appostlu Pawlu kien konvint li dan it-​tagħlim kien veru. Għala? Għax hu uża l-​Iskrittura biex jagħti prova “permezz tar-​referenzi li kien meħtieġ li l-​Kristu jbati u mbagħad iqum mill-​imwiet.” (Atti 17:2, 3) Il-​Kristjani tal-​bidu aċċettaw dak it-​tagħlim u straħu fuq l-​ispirtu qaddis biex jgħinhom jifhmu l-​Kelma t’Alla. Huma għamlu riċerka biex ikunu ċerti li t-​tagħlim hu bbażat fuq l-​Iskrittura. (Atti 17:11, 12; Ebr. 5:14) Il-​fidi tagħhom ma kinitx mibnija fuq is-​sentimenti u l-​emozzjonijiet biss. Ukoll, ma qdewx lil Ġeħova għax sempliċiment kienu ferħanin meta kienu jkunu qegħdin maʼ ħuthom spiritwali. Minflok, il-​fidi tagħhom kienet mibnija fuq “l-​għarfien eżatt dwar Alla.”—Kol. 1:9, 10.

7. Il-​fidi tagħna fil-​veritajiet tal-​Bibbja, x’se tagħmel għalina?

7 Il-​veritajiet tal-​Bibbja ma jinbidlux. (Salm 119:160) Pereżempju, dawn ma jinbidlux meta xi oħt jew ħu jweġġagħna jew jagħmel xi dnub serju. U lanqas meta niffaċċjaw il-​problemi. Għalhekk, irridu nkunu familjari sewwa mat-​tagħlim tal-​Bibbja u nkunu konvinti li hu veru. Jekk għandna fidi soda fil-​veritajiet tal-​Bibbja, din se tgħinna nibqgħu sodi meta niffaċċjaw il-​provi, bħalma ankra żżomm vapur meta jkun il-​maltemp. Int kif tistaʼ tkun konvint li għandek il-​verità?

KUN “KONVINT LI HU MINNU”

8. Skont it-​2 Timotju 3:14, 15, Timotju kif sar konvint li kellu l-​verità?

8 Timotju kien konvint li kellu l-​verità. Kif kien jaf? (Aqra t-​2 Timotju 3:14, 15.) Ommu u nanntu kienu l-​ewwel tnejn li għallmuh “il-​kitba qaddisa.” Bla dubju, anke hu ħa l-​ħin u għamel sforz biex jistudjaha. B’hekk, hu kien “konvint” li kien fiha l-​verità. Iktar tard, Timotju, ommu, u nanntu tgħallmu dwar it-​tagħlim Kristjan. Bla dubju, Timotju kien impressjonat bl-​imħabba li wrew is-​segwaċi taʼ Ġesù, u hu kellu xewqa kbira biex ikun magħhom u jgħin lill-​aħwa fil-​kongregazzjoni. (Flp. 2:19, 20) Minkejja dan, il-​fidi tiegħu ma kinitx mibnija fuq is-​sentimenti tiegħu għal ħutu spiritwali, imma fuq fatti li ressquh eqreb lejn Ġeħova. Int ukoll għandek tistudja l-​Bibbja biex tkun konvint minn dak li tgħallem dwar Ġeħova.

9. Liema tliet veritajiet bażiċi għandek tkun konvint minnhom?

9 Int għandek tkun ċert minn tliet veritajiet bażiċi. L-​ewwel, għandek tkun konvint li Alla Ġeħova huwa l-​Ħallieq taʼ kollox. (Eżo. 3:14, 15; Ebr. 3:4; Riv. 4:11) It-​tieni, trid tkun taf għala temmen li l-​Bibbja hija l-​messaġġ t’Alla għan-​nies. (2 Tim. 3:16, 17) U t-​tielet, trid tkun ċert li Ġeħova għandu grupp taʼ nies li huma organizzati u qed jaqduh taħt id-​direzzjoni taʼ Kristu u li dawn huma x-​Xhieda taʼ Ġeħova. (Is. 43:10-​12; Ġw. 14:6; Atti 15:14) Li tkun taf għala temmen dawn it-​tliet veritajiet bażiċi, ma jfissirx li ssir xi professur tal-​Bibbja. Imma l-​mira tiegħek għandha tkun li tuża “l-​qawwa tar-​raġuni” tiegħek biex tkun konvint li għandek il-​verità.—Rum. 12:1.

KUN PREPARAT BIEX TIKKONVINĊI LIL OĦRAJN

10. Minbarra li nkunu nafu l-​verità, xi rridu nkunu nafu wkoll?

10 Wara li tkun ċert li huwa veru dak li semmejna dwar Alla, il-​Bibbja, u l-​poplu t’Alla, inti trid tkun taf tuża l-​Bibbja biex taqsam dawn il-​veritajiet m’oħrajn. Għala? Għax bħala dixxipli taʼ Kristu, għandna r-​responsabbiltà li ngħallmu l-​veritajiet lil oħrajn. * (1 Tim. 4:16) U hekk kif nipprovaw nikkonvinċu lil oħrajn dwar il-​veritajiet tal-​Bibbja, inkunu qed insaħħu l-​fidi tagħna f’dawn il-​veritajiet.

11. X’eżempju ħallielna Pawlu meta għallem lin-​nies, u kif nistgħu nimitawh?

11 Meta l-​appostlu Pawlu għallem lin-​nies, hu kien “ipprova jipperswadihom dwar Ġesù kemm mil-​liġi taʼ Mosè u kemm mill-​Profeti.” (Atti 28:23) Kif nistgħu nimitaw lil Pawlu meta ngħallmu l-​verità lil oħrajn? Irridu nagħmlu iżjed milli ngħidulhom x’tgħallem il-​Bibbja. Aħna rridu ngħinu l-​istudenti tagħna jistudjaw u jaħsbu sew dwar dak li qed jitgħallmu mill-​Bibbja. Aħna rridu li jemmnu l-​verità mhux għax jirrispettaw lilna, imma għax studjaw il-​fatti u ndunaw li dak li qed jitgħallmu hu l-​verità dwar Alla.

Ġenituri, għinu lit-​tfal tagħkom issaħħu l-​fidi tagħhom billi tgħallmuhom “l-​affarijiet profondi t’Alla” (Ara paragrafi 12-13) *

12-13. X’jistgħu jagħmlu l-​ġenituri biex jgħinu lit-​tfal tagħhom jibqgħu fil-​verità?

12 Ġenituri, żgur li intom tixtiequ li t-​tfal tagħkom jibqgħu fil-​verità. Forsi taħsbu li jekk ikollhom ħbieb tajbin fil-​kongregazzjoni, huma se jagħmlu progress spiritwali. Però, jekk tixtiequ li t-​tfal tagħkom ikunu konvinti li għandhom il-​verità, għandhom bżonn xi ħaġa aqwa minn ħbieb tajbin. Iridu jkunu l-​ħbieb taʼ Ġeħova u jkunu konvinti li dak li tgħallem il-​Bibbja hu veru.

13 Biex il-​ġenituri jgħallmu l-​verità dwar Alla lil uliedhom, hu importanti li huma stess ikunu studenti tajbin tal-​Bibbja. Jekk int ġenitur, warrab il-​ħin biex timmedita dwar dak li titgħallem. Imbagħad, se tkun tistaʼ tgħallem lil uliedek jagħmlu l-​istess. Bħalma kieku tagħmel maʼ student tal-​Bibbja, int trid tgħallem lit-​tfal tiegħek kif jużaw l-​għodod li jgħinuhom jistudjaw. Pereżempju, tgħinhom kif jużaw il-​ktieb Gwida għall-​Pubblikazzjonijiet, u l-​LIBRERIJA ONLINE tat-​Torri tal-​Għassa. Jekk tagħmel hekk, int se tgħin lit-​tfal tiegħek iħobbu lil Ġeħova. Ukoll, se tgħinhom jaraw li Ġeħova juża “lill-​ilsir leali u għaqli” biex jgħinna nifhmu l-​Bibbja. (Mt. 24:45-​47) Ġenituri, it-​tfal tagħkom għandhom bżonn jitgħallmu iktar minn tagħlim bażiku. Għinuhom ikollhom fidi soda billi tgħallmuhom jifhmu “l-​affarijiet profondi t’Alla” skont l-​età u l-​abbiltà tagħhom.—1 Kor. 2:10.

STUDJA L-​PROFEZIJI TAL-​BIBBJA

14. Għala għandna nistudjaw il-​profeziji tal-​Bibbja? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Tistaʼ Tispjega Dawn il-​Profeziji?”)

14 Il-​profeziji tal-​Bibbja huma parti importanti mill-​Kelma t’Alla biex jgħinuna nibnu fidi soda f’Ġeħova. Liema profeziji saħħew il-​fidi tiegħek? Forsi l-​profeziji dwar “l-​aħħar jiem.” (2 Tim. 3:1-​5; Mt. 24:3, 7) Imma hemm xi profeziji oħrajn li twettqu u jistgħu jsaħħu l-​fidi tiegħek? Pereżempju, tistaʼ tispjega kif il-​profeziji f’​Danjel kapitlu 2 jew f’​Danjel kapitlu 11 twettqu u qed ikomplu jitwettqu? * Meta l-​fidi tiegħek tkun ibbażata fuq il-​Bibbja, il-​fidi se tibqaʼ soda. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ ħutna li esperjenzaw persekuzzjoni ħarxa fil-​Ġermanja matul it-​Tieni Gwerra Dinjija. Minkejja li huma ma fehmux għalkollox id-​dettalji tal-​profeziji tal-​Bibbja dwar l-​aħħar jiem, ħutna kellhom fidi soda f’dak li kienu tgħallmu mill-​Kelma t’Alla.

Li nistudjaw il-​Bibbja, inkluż il-​profeziji, se jgħinna nibqgħu leali lejn Ġeħova anke meta niffaċċjaw il-​problemi (Ara paragrafi 15-​17) *

15-17. L-​istudju tal-​Bibbja, kif saħħaħ lil ħutna meta kienu ppersegwitati min-​Nazisti?

15 Meta l-​gvern Nazista mexxa l-​Ġermanja, eluf taʼ aħwa ġew mitfugħin fil-​kampijiet tal-​konċentrament. Hitler u uffiċjal importanti, Heinrich Himmler, kienu jobogħdu lix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Oħt tirrakkonta x’qal Himmler lill-​grupp taʼ aħwa nisa li kienu f’kamp tal-​konċentrament: “Ġeħova tagħkom forsi jmexxi fis-​sema, imma hawn fuq l-​art aħna mmexxu! Issa naraw min għandu raġun, jekk hux intom jew aħna!” X’għen lin-​nies taʼ Ġeħova jibqgħu leali?

16 Dawk l-​Istudenti tal-​Bibbja kienu jafu li s-​Saltna t’Alla bdiet tmexxi fl-​1914. Dawn ma kinux sorpriżi bil-​persekuzzjoni ħarxa li ffaċċjaw. Però, in-​nies taʼ Ġeħova kienu konvinti li ebda gvern uman ma jistaʼ jwaqqaf l-​iskop t’Alla milli jitwettaq. Hitler ma setax jeqred il-​qima vera jew ikollu gvern iktar b’saħħtu mis-​Saltna t’Alla. Ħutna kienu konvinti li b’xi mod jew ieħor, il-​ħakma taʼ Hitler kienet se tispiċċa.

17 Dawn l-​aħwa ma kinux żbaljati. Wara ftit snin, il-​gvern Nazista spiċċa. Heinrich Himmler kellu jaħrab minkejja li qal, “hawn fuq l-​art aħna mmexxu.” Waqt li kien qed jaħrab, hu għaraf lil Ħuna Lübke li kien il-​ħabs għax kien wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova. Himmler tant kien iddisprat li saqsa lil Ħuna Lübke: “Int li taf il-​Bibbja, issa x’se jiġri?” Il-​ħu spjega lil Himmler li x-​Xhieda taʼ Ġeħova kienu konvinti li l-​gvern Nazista kien se jispiċċa u li huma kienu se jinħelsu. Himmler, li qabel kien jitkellem ħafna kontra x-​Xhieda taʼ Ġeħova, spiċċa bla kliem. Ftit wara, għamel suwiċidju. X’inhi l-​lezzjoni għalina? L-​istudju tagħna tal-​Bibbja, li jinkludi l-​profeziji, jistaʼ jgħinna biex ikollna fidi soda f’Ġeħova u jgħinna nkunu kuraġġużi meta niffaċċjaw il-​provi.—2 Pt. 1:19-​21.

18. Skont Ġwanni 6:67, 68, għala għandna bżonn l-​“għarfien eżatt u dixxerniment sħiħ” li semma Pawlu?

18 Biex nuru li aħna Kristjani veri, irridu nuru l-​imħabba. Imma għandna bżonn ukoll “għarfien eżatt u dixxerniment sħiħ [jew, nifhmu sew].” (Flp. 1:9) Inkella, nistgħu niġu influwenzati “minn kull riħ taʼ tagħlim bl-​ingann tan-​nies,” inkluż l-​apostati. (Efes. 4:14) Meta ħafna mid-​dixxipli taʼ Ġesù ma baqgħux jimxu warajh, l-​appostlu Pietru wera li kien konvint li Ġesù kellu “l-​kliem tal-​ħajja taʼ dejjem.” (Aqra Ġwanni 6:67, 68.) Minkejja li Pietru dak il-​ħin ma fehemx għalkollox dak il-​kliem, hu baqaʼ leali għax fehem li dak li qal Kristu kien il-​verità. Int ukoll tistaʼ tkompli tikkonvinċi lilek innifsek minn dak li tgħallem il-​Bibbja. Jekk tagħmel hekk, il-​fidi tiegħek se tibqaʼ b’saħħitha jiġri x’jiġri, u int tistaʼ tgħin lil oħrajn ikollhom fidi b’saħħitha wkoll.—2 Ġw 1, 2.

GĦANJA 72 Nagħmlu magħrufa l-​verità tas-​Saltna

^ par. 5 Dan l-​artiklu se jgħinna nifhmu li l-​veritajiet li tgħallem il-​Bibbja huma importanti ħafna. Se naraw ukoll xi modi li se jgħinuna nkunu iktar konvinti li dak li nemmnu huwa l-​verità.

^ par. 10 Bħala għajnuna biex tirraġuna maʼ ħaddieħor dwar tagħlim bażiku mill-​Bibbja, ara s-​serje tal-​artikli “Konversazzjoni Maʼ Ġar/a,” li kienu joħorġu fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa mill-​2010 sal-​2015. Hemm tistaʼ ssib suġġetti bħal “Ġesù Huwa Alla?,” “Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova jemmnu b’Ġesù?,” u “Alla għala jippermetti t-​tbatija?

^ par. 14 Għal iktar informazzjoni dwar dawn il-​profeziji, ara l-​artikli taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Ġunju 2012, u taʼ Mejju 2020.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Matul il-​qima bħala familja, il-​ġenituri jistudjaw mat-​tfal tagħhom profeziji mill-​Bibbja dwar it-​tribulazzjoni l-​kbira.

^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Matul it-​tribulazzjoni l-​kbira, l-​istess familja mhumiex se jkunu sorpriżi b’dak li jkun qed jiġri.