Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 30

Ibqaʼ Miexi fil-Verità

Ibqaʼ Miexi fil-Verità

“M’għandix raġuni akbar minn din biex irrodd ħajr, li nismaʼ li wliedi jkomplu mexjin fil-​verità.”—3 ĠW. 4.

GĦANJA 54 “Din hi t-​triq”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Skont it-​3 Ġwanni 3, 4, x’jagħmilna ferħanin?

TISTAʼ timmaġina kemm feraħ l-​appostlu Ġwanni meta semaʼ li dawk li hu kien għen biex jitgħallmu l-​verità baqgħu leali lejn Ġeħova? Huma ffaċċjaw ħafna problemi. U Ġwanni ħadem iebes biex isaħħaħ il-​fidi taʼ dawn il-​Kristjani leali li hu qieshom bħala t-​tfal tiegħu. Anki aħna nħossuna ferħanin meta t-​tfal tagħna jew dawk li ngħinu biex jiġu fil-​verità, jiddedikaw lilhom infushom lil Ġeħova u jibqgħu jaqduh.—Aqra t-​3 Ġwanni 3, 4.

2. X’kien l-​iskop tal-​ittri li kiteb l-​appostlu Ġwanni?

2 Fis-​sena 98 wara Kristu (WK), Ġwanni x’aktarx kien qed jgħix f’Efesu jew fil-​viċin. Jistaʼ jkun li mar hemmhekk wara li nħeles mill-​ħabs fil-​gżira taʼ Patmos. Matul dak iż-​żmien, Ġeħova permezz tal-​ispirtu qaddis tiegħu użah biex jikteb tliet ittri. L-​iskop taʼ dawn l-​ittri kien biex jgħin lill-​Kristjani leali jżommu l-​fidi tagħhom f’Ġesù u jibqgħu mexjin fil-​verità.

3. X’mistoqsijiet se nwieġbu?

3 Ġwanni kien l-​uniku appostlu li kien għadu ħaj. Hu kien inkwetat dwar l-​influwenza ħażina li għalliema foloz, jiġifieri l-​apostati, kien qed ikollhom fuq il-​kongregazzjonijiet. * (1 Ġw. 2:18, 19, 26) Dawn kienu jgħidu li jafu ’l Alla, imma ma kinux jobdu l-​kmandamenti taʼ Ġeħova. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw il-​pariri li ta l-​appostlu Ġwanni. Ukoll se nwieġbu dawn it-​tliet mistoqsijiet: Xi jfisser li nimxu fil-​verità? Xi problemi niffaċċjaw? U kif nistgħu ngħinu lil xulxin biex nibqgħu fil-​verità?

XI JFISSER LI NIMXU FIL-​VERITÀ?

4. Skont l-​1 Ġwanni 2:3-​6 u t-​2 Ġwanni 4, 6, xi rridu nagħmlu biex nibqgħu mexjin fil-​verità?

4 Biex nimxu fil-​verità rridu nkunu nafu l-​verità li nsibu fil-​Kelma t’Alla, il-​Bibbja. Ukoll, irridu “nosservaw il-​kmandamenti [taʼ Ġeħova],” jiġifieri, għandna nobduhom. (Aqra l-​1 Ġwanni 2:3-​6 u t-​2 Ġwanni 4, 6.) Ġesù ħallielna eżempju perfett taʼ kif għandna nobdu lil Ġeħova. Mod wieħed importanti kif nagħmlu dan huwa billi nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù.—Ġw. 8:29; 1 Pt. 2:21.

5. Minn xiex għandna nkunu konvinti?

5 Biex nibqgħu fil-​verità rridu nkunu konvinti li Ġeħova hu l-​Alla tal-​verità, u li dak kollu li jgħidilna fil-​Kelma tiegħu huwa veru. Ukoll, irridu nkunu konvinti dwar l-​irwol taʼ Ġesù bħala l-​Messija mwiegħed, għax ħafna fid-​dinja ma jafux jew ma jemmnux li hu qed imexxi fis-​sema bħala Sultan. Ġwanni wissa li kien hemm “ħafna qarriqin,” li setgħu jfixklu lil dawk li ma kinux konvinti għalkollox mill-​verità dwar Ġeħova u Ġesù. (2 Ġw. 7-​11) Ġwanni saqsihom: “Min hu l-​giddieb jekk mhux dak li jiċħad li Ġesù hu l-​Kristu?” (1 Ġw. 2:22) L-​unika mod biex nevitaw li niġu mqarrqin huwa billi nistudjaw il-​Bibbja. Hekk biss se nsiru nafu lil Ġeħova u lil Ġesù u se nkunu konvinti li għandna l-​verità.—Ġw. 17:3.

XI PROBLEMI NIFFAĊĊJAW?

6. X’jistaʼ jwaqqaf liż-​żgħażagħ milli jimxu fil-​verità?

6 Il-​Kristjani kollha jridu joqogħdu attenti li ma jiġux imqarrqin mit-​tagħlim tad-​dinja. (1 Ġw. 2:26) Iż-​żgħażagħ iridu joqogħdu attenti iżjed minn din in-​nassa. Alexia, * oħt Franċiża taʼ 25 sena, tgħid: “Meta kont l-​iskola ġejt mgħallma dwar l-​evoluzzjoni u tagħlim ieħor tad-​dinja, u dawn qajmuli dubji dwar il-​verità. Kultant dan it-​tagħlim kien jidher li jagħmel sens. Imma ħassejt li ma stajtx nemmen biss dak li l-​għalliema kienu qed jgħallmuni. Kelli nagħti ċans lil Ġeħova.” Alexia studjat il-​ktieb Life—How Did It Get Here? By Evolution or by Creation? Wara ftit ġimgħat, neħħejt id-​dubji li kelli. Hi kompliet tgħid: “Tajt prova lili nnifsi li l-​Bibbja fiha l-​verità. U rrealizzajt illi li ngħix il-​verità hi l-​aħjar għażla li nistaʼ nagħmel biex inkun kuntenta.”

7. Minn xiex għandna noqogħdu attenti, u għala?

7 Il-​Kristjani kollha, żgħar u kbar, għandhom joqogħdu attenti li ma jgħixux ħajja doppja. Ġwanni wera li ma nistgħux nimxu fil-​verità u fl-​istess ħin nagħmlu affarijiet ħżiena. (1 Ġw. 1:6) Jekk irridu li Ġeħova jkun kuntent bina, għandna dejjem niftakru li hu jara kollox. Anki jekk in-​nies ma jafux x’qed nagħmlu ħażin, Ġeħova jaf.—Ebr. 4:13.

8. X’għandna nevitaw?

8 Għandna nevitaw kif id-​dinja tqis id-​dnub. Ġwanni kiteb: “Jekk ngħidu: ‘M’għandniex dnub,’ qed inqarrqu bina nfusna u l-​verità m’hijiex fina.” (1 Ġw. 1:8) Fi żmien Ġwanni, l-​apostati kienu jgħidu li xi ħadd setaʼ jagħmel l-​affarijiet li Alla jgħid li huma ħżiena u xorta jkun ħabib t’Alla. Illum aħna mdawrin b’nies li għandhom l-​istess ħarsa. Ħafna jgħidu li jemmnu f’Alla imma ma jaqblux mal-​ħarsa tiegħu dwar id-​dnub, speċjalment dak li Ġeħova jgħid fuq is-​sess. Dak li Ġeħova jqis bħala kondotta ħażina, huma jqisuh li hu d-​dritt tagħhom li jgħixu ħajjithom kif iridu huma.

Żgħażagħ, kunu konvinti dwar dak li Ġeħova jgħid li hu tajjeb u ħażin biex tkunu tistgħu tiddefendu l-fidi tagħkom (Ara paragrafu 9) *

9. Iż-​żgħażagħ kif jibbenefikaw meta jkunu konvinti minn dak li tgħid il-​Bibbja?

9 Iż-​żgħażagħ għandhom sfida minn sħabhom tal-​iskola jew tax-​xogħol biex jaħsbuha l-​istess bħalhom dwar is-​sess. Aleksandar hekk ġralu. Hu jiftakar: “Xi bniet fl-​iskola tiegħi pruvaw iġegħluni jkolli x’naqsam sesswalment magħhom. Għax kont ngħidilhom le, huma qaluli li kont gay.” Xi ħaġa simili tistaʼ tiġri lilek. Imma jekk tkun konvint minn dak li tgħid il-​Bibbja, inti se tirrispetta lilek innifsek, tipproteġi saħħtek, tevita li tweġġaʼ, u żżomm il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. U kull darba li ma ċċedix, se jsir iżjed faċli għalik biex tagħmel il-​ħaġa t-​tajba. Ftakar ukoll li l-​ħarsa mħawda tad-​dinja dwar is-​sess ġejja minn Satana. Għalhekk, meta tevita li taħseb bħan-​nies tad-​dinja, inti ‘tirbaħ lill-​Ħażin.’—1 Ġw. 2:14.

10. L-​1 Ġwanni 1:9, kif jgħinna naqdu lil Ġeħova b’kuxjenza nadifa?

10 Aħna nifhmu li Ġeħova għandu d-​dritt li jgħidilna dak li hu ħażin. Għalhekk, aħna nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex ma niżbaljawx. Imma meta niżbaljaw, aħna nammettu li żbaljajna maʼ Ġeħova fit-​talb. (Aqra l-​1 Ġwanni 1:9.) U jekk nagħmlu żball kbir, infittxu l-​għajnuna tal-​anzjani li Ġeħova għażel biex jieħdu ħsiebna. (Ġak. 5:14-​16) Imma ma rridux inħallu l-​kuxjenza tibqaʼ tniggiżna fuq xi ħaġa li għamilna fil-​passat. Għala? Għax Missierna li jħobbna provda s-​sagrifiċċju taʼ Ibnu bħala fidwa biex jinħafrulna dnubietna. U meta Ġeħova jgħid li se jaħfrilna, jekk vera jiddispjaċina għal dak li għamilna, hu hekk ħa jagħmel. Għalhekk, ejja ma nħallu xejn iwaqqafna milli naqdu lil Ġeħova b’kuxjenza nadifa.—1 Ġw. 2:1, 2, 12; 3:19, 20.

11. Kif nistgħu nipproteġu lil moħħna minn tagħlim li jistaʼ jaffettwa l-​fidi tagħna?

11 Aħna rridu nevitaw għalkollox it-​tagħlim tal-​apostati. Mill-​bidu tal-​kongregazzjoni Kristjana, ix-​Xitan dejjem ipprova jdaħħal id-​dubji f’moħħ il-​qaddejja leali taʼ Ġeħova. Għalhekk, aħna rridu nagħrfu dak li hu veru u dak li hu gidba. * Dawk li jobogħduna jistgħu jigdbu fuqna permezz tal-​Internet jew is-​social media, biex jipprovaw idgħajfu l-​fidi tagħna f’Ġeħova u l-​imħabba tagħna għal ħutna. Temminx dan il-​gideb, għax dan ġej minn Satana!—1 Ġw. 4:1, 6; Riv. 12:9.

12. Għala hu importanti li nsaħħu l-​apprezzament tagħna għall-​veritajiet li tgħallimna?

12 Jekk ma rridux inċedu għall-​attakki taʼ Satana, irridu nsaħħu l-​fidi tagħna f’Ġesù u fl-​irwol li għandu f’dak li jrid Ġeħova. Ukoll, irridu nafdaw li l-​ilsir leali u għaqli biss qed jintuża minn Ġeħova biex jidderieġi l-​organizzazzjoni tiegħu. (Mt. 24:45-​47) Apparti minn hekk, aħna nsaħħu l-​fidi tagħna billi nistudjaw regolarment il-​Kelma t’Alla. Imbagħad, il-​fidi tagħna se tkun bħal siġra li għandha l-​għeruq fil-​fond. Pawlu qal xi ħaġa simili lill-​kongregazzjoni taʼ Kolossi: “Ladarba aċċettajtu lil Kristu Ġesù l-​Mulej, ibqgħu mexjin f’unjoni miegħu, agħmlu l-​għeruq u nbnew fih u ssodaw fil-​fidi.” (Kol. 2:6, 7) Jekk nagħmlu dan, ikun impossibbli għal Satana u dawk li huma influwenzati minnu biex iwaqqfuna milli nimxu fil-​verità.—2 Ġw. 8, 9.

13. In-​nies taʼ Ġeħova x’jistennew, u għala?

13 Aħna nistennew li d-​dinja tobgħodna. (1 Ġw. 3:13) Ġwanni jfakkarna li “d-​dinja kollha qiegħda taħt il-​qawwa tal-​Ħażin.” (1 Ġw. 5:19) Hekk kif dis-​sistema waslet fit-​tmiem tagħha, Satana qed jifferoċja. (Riv. 12:12) Hu ma jużax biss attakki indiretti bħall-​immoralità sesswali u l-​gideb tal-​apostati. Imma juża wkoll attakki diretti bħal persekuzzjoni ħarxa. Satana jaf li ftit żmien fadallu biex jipprova jwaqqaf ix-​xogħol tal-​ippritkar jew biex ikissrilna l-​fidi. Għalhekk, aħna ma niħduhiex bi kbira meta nisimgħu li f’xi pajjiżi x-​xogħol tagħna ma jistax isir bil-​libertà kollha jew li ma jistax isir. Imma sadanittant, f’dawn il-​pajjiżi ħutna għadhom jissaportu. Jagħmel x’jagħmel Satana lin-​nies taʼ Ġeħova, aħna nistgħu noħorġu rebbiħin!

NGĦINU LIL XULXIN BIEX NIBQGĦU FIL-​VERITÀ

14. Kif nistgħu ngħinu lil ħutna jibqgħu fil-​verità?

14 Biex ngħinu lil ħutna jibqgħu fil-​verità, irridu nipprovaw nifhmuhom u ngħinuhom. (1 Ġw. 3:10, 11, 16-​18) Aħna mhux biss inħobbu lil xulxin meta kollox ikun sejjer sew, imma anki meta jinqalgħu l-​problemi. Pereżempju, taf b’xi ħadd li għadu kif tilef lil xi ħadd fil-​mewt u tistaʼ tinkuraġġih b’xi mod? Jew smajt li xi aħwa tilfu affarijiet minħabba xi diżastru naturali, u hemm bżonn xi għajnuna biex jerġgħu jibnu s-​Swali tas-​Saltna jew id-​djar tagħhom? Aħna nuru kemm nifhmuhom, inħobbuhom, u kemm nixtiequ ngħinuhom mhux biss b’dak li ngħidu imma l-​iktar b’dak li nagħmlu.

15. Bħalma jgħid l-​1 Ġwanni 4:7, 8, xi rridu nagħmlu?

15 Aħna nimitaw lil Missierna Ġeħova meta nuru mħabba lejn xulxin. (Aqra l-​1 Ġwanni 4:7, 8.) Mod importanti kif nuru mħabba hu billi naħfru lil xulxin. Pereżempju, meta xi ħadd iweġġagħna, aħna nuru li nħobbuh billi naħfrulu u ninsew dak li għamel. (Kol. 3:13) Ħu jismu Aldo hekk ġralu. Darba semaʼ ħu, li kellu rispett lejh, jgħaddi kumment dwar il-​kultura tiegħu. Aldo qal, “Tlabt ħafna lil Ġeħova biex jgħinni ma noqgħodx nhewden fuq dak li qal.” Imma hu ma waqafx hemm. Iddeċieda li jistaqsi lill-​ħu biex joħroġ fuq il-​ministeru miegħu. Waqt li kienu qed jaħdmu flimkien, Aldo spjegalu kif ħassu fuq dak il-​kumment. “Kif għedtlu kif ħassejtni, hu skuża ruħu. Minn leħnu stajt ninduna li ddispjaċieh ħafna għal dak li qal. Minn dakinhar kien qisu qatt ma ġara xejn.”

16-17. Xi trid tkun determinat li tagħmel?

16 L-​appostlu Ġwanni ħabb ħafna lil ħutu u riedhom ikollhom fidi soda. Fit-​tliet ittri tiegħu kien jidher ċar li kien jimpurtah minnhom u jħobbhom. Kemm hu inkuraġġanti li nafu li l-​irġiel u n-​nisa li se jmexxu maʼ Ġesù fis-​sema, jinteressahom minna u qalbhom tajba bħalma kien Ġwanni!—1 Ġw. 2:27.

17 Jalla nieħdu bis-​serjetà dan li għadna kemm iddiskutejna. Kun determinat li timxi fil-​verità billi tobdi lil Ġeħova f’dak kollu li tagħmel. Studja l-​Bibbja u afda f’dak li tgħid. Kompli saħħaħ il-​fidi tiegħek f’Ġesù. Tiġix imqarraq mit-​tagħlim tad-​dinja, u evita għalkollox it-​tagħlim tal-​apostati. Tgħixx ħajja doppja u tħallix lin-​nies jipprovaw iħajruk tagħmel dak li hu ħażin. Għix mal-​livelli għoljin taʼ Ġeħova. Għin lil ħutek biex jibqgħu fil-​verità billi taħfrilhom meta jweġġgħuk. U għin lil dawk li għandhom bżonn l-​għajnuna. Imbagħad, minkejja l-​problemi li jkollna se nibqgħu mexjin fil-​verità.

GĦANJA 49 Inferrħu qalb Ġeħova

^ par. 5 Aħna ngħixu f’dinja kkontrollata minn Satana, missier il-​gidba. Għalhekk, hi diffiċli ħafna biex nibqgħu mexjin fil-​verità. Il-​Kristjani tal-​bidu kellhom l-​istess problema. Biex jgħin lilhom u lilna llum, Ġeħova uża lill-​appostlu Ġwanni biex jikteb tliet ittri. F’dawn l-​ittri se nitgħallmu x’jistaʼ jfixkilna u x’nistgħu nagħmlu biex ma nitfixklux.

^ par. 6 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 11 Ara l-​artiklu tal-​istudju “Għandek il-​fatti kollha?” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa t’Awwissu 2018.

^ par. 59 X’JGĦIDULNA L-​ISTAMPI: Fl-​iskola, oħt żagħżugħa l-​ħin kollu tara u tismaʼ li l-​ħajja omosesswali hija normali. (F’xi kulturi, jużaw il-​kuluri tal-​qawsalla biex jirrappreżentaw l-​omosesswalità.) Iktar tard, hi tieħu l-​ħin biex issaħħaħ il-​fidi tagħha f’dak li jgħid Ġeħova li hu tajjeb. Dan għenha tkun ippreparata f’sitwazzjoni diffiċli.