Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Onésime u Géraldine

Ġeħova Jippremja lil Dawk li Jmorru Lura f’Pajjiżhom

Ġeħova Jippremja lil Dawk li Jmorru Lura f’Pajjiżhom

ĦAFNA aħwa li fil-​passat kienu telqu minn pajjiżhom biex jaqilgħu iktar flus, issa reġgħu marru lura. Minħabba li jħobbu lil Ġeħova u lin-​nies, huma marru jgħixu f’postijiet fejn hemm il-​bżonn taʼ iktar pubblikaturi tas-​Saltna. (Mt. 22:37-​39) X’sagrifiċċji għamlu u x’barkiet irċivew? Biex inkunu nafu, ejja niffokaw fuq il-​Kamerun li jinsab fil-​Punent tal-​Afrika.

FL-​AQWA POST BIEX NAGĦMLU DIXXIPLI

Fl-​1998, ħu jismu Onésime telaq mill-​Kamerun. Għal 14-​il sena hu għex f’pajjiż ieħor. Darba waħda, waqt laqgħa hu semaʼ eżempju dwar l-​ippritkar. Il-​kelliemi qal, “Jekk żewġt iħbieb qed jistadu f’post differenti u wieħed minnhom jibda jaqbad iktar ħut, ma taħsbux li dak li jkun qed jaqbad ftit se jmur fejn sieħbu li jkun qed jaqbad ħafna?”

Dan l-​eżempju ġiegħel lil Onésime jaħseb jekk għandux imur lura l-​Kamerun biex jgħin lill-​pubblikaturi t’hemmhekk, għax ħafna nies riedu jistudjaw il-​Bibbja. Imma ma kienx ċert x’kellu jagħmel. Kien se jerġaʼ jidra l-​Kamerun wara dawk is-​snin kollha jgħix barra? Biex jara jekk jidrax mar jipprova għal sitt xhur. Imbagħad, fl-​2012, reġaʼ mar jgħix hemmhekk.

Hu jgħid: “Kelli nerġaʼ nidra s-​sħana u l-​mod taʼ ħajja li kienu jgħixu. Fis-​Sala tas-​Saltna kelli nidra npoġġi fuq bankijiet li ma kinux komdi.” Imma bi tbissima qal, “Iktar ma kont niffoka fuq dak li jkun qed jintqal waqt il-​laqgħat, iktar kont ninsa l-​kumdità li kien hemm fi Swali tas-​Saltna oħrajn.”

Fl-​2013, Onésime żżewweġ lil Géraldine, li reġgħet lura fil-​Kamerun wara li kienet ilha tgħix fi Franza għal disaʼ snin. Ġeħova kif ippremjahom talli poġġew l-​interessi tas-​Saltna l-​ewwel f’ħajjithom? Hu jgħid: “Flimkien attendejna l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna u qdejna f’Betel. Fl-​aħħar sena, 20 pubblikatur fil-​kongregazzjoni tagħna tgħammdu.” Issa hu jħoss li qiegħed fl-​aqwa post biex jagħmel dixxipli. (Mk. 1:17, 18) Géraldine tgħid: “Irċivejt barkiet li qatt ma immaġinajt.”

IL-​FERĦ LI JIĠI META NAGĦMLU DIXXIPLI

Judith u Sam-Castel

Judith li kienet tgħix fl-​Istati Uniti xtaqet tagħmel iktar għal Ġeħova. Hi tiftakar, “Kull meta kont immur inżur il-​familja tiegħi fil-​Kamerun, kont nibki għax kont inħalli warajja dawk li kont nistudja magħhom.” Però, Judith għall-​ewwel żammet lura milli terġaʼ tmur il-​Kamerun għax kellha xogħol b’paga tajba u b’hekk setgħet tħallas għall-​kura li kellu bżonn missierha. Imma mbagħad fdat f’Ġeħova u marret tgħix il-​Kamerun. Hi tammetti li mmissjat ċertu kumditajiet li kellha fl-​Istati Uniti. Judith talbet lil Ġeħova biex jgħinna u ġiet inkuraġġita mill-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet u l-​mara tiegħu.

Meta tħares lura, Judith tgħid, “Fi tliet snin kelli l-​opportunità li ngħin erbaʼ studenti jaslu għall-​magħmudija.” Hi kienet taqdi bħala pijunier speċjali. Illum, hi u r-​raġel tagħha Sam-​Castel, jaqdu fix-​xogħol tas-​circuit. Imma missierha kif baqaʼ? Hi u l-​familja tagħha rnexxielhom isibu sptar barra mill-​pajjiż li kien lest li jħallas għall-​operazzjoni tiegħu. B’ferħ, l-​operazzjoni rnexxiet.

NESPERJENZAW L-​GĦAJNUNA TAʼ ĠEĦOVA

Caroline u Victor

Ħu jismu Victor mar jgħix il-​Kanada. Wara li qara artiklu f’It-​Torri tal-​Għassa dwar l-​edukazzjoni għolja, hu ħaseb ftit dwar dak li kien qed jagħmel. Dan wassal lil Victor biex ma jibqax jattendi l-​università u jibda kors biex jitgħallem sengħa. Hu qal, “Dan għenni biex insib xogħol malajr u nagħmel dak li kont ilni nixtieq nagħmel, pijunier.” Iktar tard, Victor iżżewweġ lil Caroline, u huma marru jżuru l-​Kamerun. Waqt li żaru l-​uffiċċju tal-​fergħa, xi aħwa inkuraġġewhom biex imorru jaqdu hemm. Victor jgħid, “Ma kellniex għal xiex ngħidu le, u minħabba li għexna ħajja sempliċi aċċettajna l-​istedina.” Minkejja li Caroline kellha xi problemi taʼ saħħa, huma xorta waħda marru jgħixu l-​Kamerun.

Victor u Caroline bdew jaqdu bħala pijunieri regolari biex jgħinu lil dawk in-​nies li kienu interessati fil-​Bibbja. Peress li kienu faddlu xi flus, fil-​bidu ma kellhomx għalfejn jaħdmu. Wara, huma reġgħu marru l-​Kanada u ħadmu għal ftit xhur oħra, u b’hekk setgħu jerġgħu jmorru l-​Kamerun u jkomplu x-​xogħol taʼ pijunier. X’barkiet irċivew? Huma attendew l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna, qdew bħala pijunieri speċjali, u issa huma qed jaqdu bħala qaddejja tal-​kostruzzjoni. Victor jgħid, “Minħabba li ħallejna l-​ħajja komda li konna ngħixu, kellna nistrieħu fuq Ġeħova u hu ħa ħsiebna.”

IL-​FERĦ LI JIĠI META NGĦINU LIN-​NIES JIDDEDIKAW ĦAJJITHOM LIL ĠEĦOVA

Stéphanie u Alain

Fl-​2002, Alain, li kien student fl-​università l-​Ġermanja, qara l-​fuljett Żgħażagħ—Kif Se Tużaw Ħajjitkom? Dak li qara għenu jagħmel miri ġodda. Fl-​2006, hu attenda l-​Iskola tat-​Taħriġ Ministerjali u ġie assenjat biex imur il-​Kamerun, fejn kien twieled.

Fil-​Kamerun, Alain sab xogħol part-​time. Iktar tard, hu sab xogħol b’paga aħjar imma beda jinkwieta li ma kienx ħa jkollu ħin biżżejjed biex jipprietka daqs qabel. Għalhekk, meta ġie mistieden biex jaqdi bħala pijunier speċjali, mill-​ewwel aċċetta. Minkejja li l-​imgħallem offrielu paga ogħla, Alain ma aċċettax. Iktar tard hu żżewweġ lil Stéphanie, li għexet għal xi snin fi Franza. Stéphanie, liema diffikultajiet iffaċċjat meta marret tgħix il-​Kamerun?

Stéphanie tgħid: “Bdejt inbati bi problemi taʼ saħħa u allerġiji, imma sibt il-​kura u  bdejt inħossni tajba.” Talli huma ssaportew, ġew imberkin. Alain jgħid: “Meta morna nippritkaw f’villaġġ imwarrab jismu Katé, sibna nies li riedu jistudjaw il-​Bibbja. Imbagħad bdejna nagħmlu l-​istudju tal-​Bibbja magħhom permezz tat-​telefown. Tnejn minn dawn l-​istudenti tgħammdu, u  ġie ffurmat grupp.” Stéphanie tgħid: “M’hemmx ferħ akbar milli tgħin lil xi ħadd biex jiddedika ħajtu lil Ġeħova. Minħabba li naqdu hawnhekk, kemm-​il darba esperjenzajna dan il-​ferħ.” Illum, Alain u Stéphanie jaqdu fix-​xogħol tas-​circuit.

“GĦAMILNA DAK LI KELLNA NAGĦMLU”

Léonce u Gisèle

Gisèle tgħammdet meta kienet qed tistudja l-​mediċina fl-​Italja. Hi kienet impressjonata bil-​ħajja sempliċi li kienu jgħixu l-​koppja pijuniera li kienet tistudja magħhom, u b’hekk riedet tagħmel iktar fix-​xogħol tal-​ippritkar. Waqt li kienet għadha l-​iskola, Gisèle bdiet taqdi bħala pijuniera regulari.

Gisèle xtaqet tmur lura l-​Kamerun biex tkun tistaʼ taqdi iktar lil Ġeħova, imma ma kinitx ċerta. Hi tgħid, “Kelli nċedi d-​dritt tar-​residenza tiegħi li ngħix fl-​Italja u kont se nkun ’il bogħod mill-​familja u l-​ħbieb li jgħixu hemm.” Minkejja dan, f’Mejju tal-​2016, Gisèle marret tgħix il-​Kamerun. Xi żmien wara, hi żżewġet lil Léonce, u l-​aħwa tal-​uffiċċju tal-​fergħa fil-​Kamerun issuġġerewlhom biex imorru jgħixu f’Ayos, għax kien hemm bżonn iktar pubblikaturi tas-​Saltna.

Kif kienet il-​ħajja f’Ayos? Gisèle tgħid: “Ġieli konna nagħmlu ġimgħat mingħajr dawl u ma kienx ikollna biex niċċarġjaw il-​mowbajls. Avolja ħafna drabi ma kinux jaħdmu. Tgħallimt insajjar fuq il-​ħatab, u bil-​lejl konna mmorru bil-​karretta u bit-​torċ biex inġibu l-​ilma għax dak il-​ħin ma kienx ikun hemm ħafna nies.” X’għenhom jissaportu? Gisèle tgħid: “L-​ispirtu taʼ Ġeħova, l-​appoġġ li tajna lil xulxin, l-​inkuraġġiment, u l-​flus li ġieli tawna l-​familja u l-​ħbieb għenuna nissaportu.”

Ferħana Gisèle li marret lura f’pajjiżha? Iva, ħafna! Hi tgħid, “Għall-​ewwel kellna diffikultajiet u ġieli konna nħossuna skuraġġiti, imma meta rnexxielna negħlbuhom, jien u żewġi ħassejna li għamilna dak li kellna nagħmlu. Aħna fdajna f’Ġeħova u nħossuna qrib tiegħu.” Léonce u Gisèle marru l-​Iskola għall-​Evanġelizzaturi tas-​Saltna, u issa jaqdu bħala pijunieri speċjali temporanji.

Bħalma sajjied li jrid jaqbad il-​ħut għandu juri kuraġġ kbir minkejja ċirkustanzi diffiċli, l-​istess l-​aħwa li jmorru lura pajjiżhom. Huma lesti li jagħmlu sagrifiċċji biex jgħinu lil dawk li jridu jitgħallmu l-​messaġġ tas-​Saltna. Ġeħova żgur li mhux se jinsa x-​xogħol iebes li dawn l-​aħwa qed jagħmlu u l-​imħabba li qed juru għal ismu. (Neħ. 5:19; Ebr. 6:10) Jekk issir taf li f’pajjiżek hemm bżonn iktar pubblikaturi tas-​Saltna, se tkun lest tara tistax tmur lura? Jekk iva, hemm ħafna barkiet mingħand Ġeħova jistennewk.—Prov. 10:22.