ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 49
L-Irxoxt Se Jseħħ Żgur!
“Għandi tama f’Alla . . . li se jkun hemm irxoxt.”—ATTI 24:15.
GĦANJA 151 Isejjaħ hu
ĦARSA BIL-QUDDIEM *
1-2. Il-qaddejja taʼ Ġeħova liema tama sabiħa għandhom?
HU IMPORTANTI ħafna li jkollna xi ħaġa li nittamaw għaliha. Xi nies jittamaw li jkunu ferħanin fiż-żwieġ tagħhom, ikollhom tfal f’saħħithom, jew li jfiqu minn xi marda serja. Aħna l-Kristjani wkoll nittamaw li jkollna dawn l-affarijiet. Imma għandna tama sabiħa oħra. Din tinkludi li ngħixu għal dejjem u li nerġgħu niltaqgħu mal-maħbubin tagħna li mietu.
2 L-appostlu Pawlu qal: “Għandi tama f’Alla . . . li se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Pawlu ma kienx l-ewwel wieħed li tkellem dwar it-tama tal-irxoxt. Anki Ġob tkellem dwarha. Hu kien ċert li Alla kien se jiftakar fih u se jirxoxtah.—Ġob 14:7-10, 12-15.
3. L-1 Korintin kapitlu 15, x’se jgħinna nagħmlu?
3 “L-irxoxt tal-mejtin” huwa “l-pedament,” jew “id-duttrina elementari,” jiġifieri, it-tagħlim bażiku li l-Kristjani jemmnu. (Ebr. 6:1, 2) Dak li qal Pawlu dwar l-irxoxt insibuh fl-1 Korintin kapitlu 15. Dan żgur li inkuraġġixxa lill-Kristjani taʼ żmienu u se jinkuraġġixxi lilna wkoll.
4. Għala nistgħu nkunu ċerti li l-maħbubin tagħna se jiġu rxoxtati?
4 Minħabba l-irxoxt taʼ Ġesù Kristu, nistgħu nkunu ċerti li jekk xi ħadd li nħobbu jmut se jiġi rxoxtat. Din kienet parti mill-“aħbar tajba” li Pawlu qal lill-Korintin. (1 Kor. 15:1, 2) Fil-fatt, hu qal li jekk Kristjan ma kienx jemmen fl-irxoxt, il-fidi tiegħu ma kienet tiswa xejn. (1 Kor. 15:17) Li nemmnu fl-irxoxt taʼ Ġesù hija r-raġuni għala nistgħu nemmnu li oħrajn se jiġu rxoxtati.
5-6. Il-kliem li nsibu fl-1 Korintin 15:3, 4, xi jfisser għalina?
5 Meta Pawlu beda jikteb dwar l-irxoxt, hu semma tliet veritajiet. Dawn huma (1) “Kristu miet għal dnubietna.” (2) “Indifen.” (3) “Ġie mqajjem fit-tielet jum skond l-Iskrittura.”—Aqra l-1 Korintin 15:3, 4.
6 Li Ġesù miet, indifen, u ġie mqajjem, xi jfisser għalina? Il-profeta Isaija bassar li l-Messija kellu ‘jinqataʼ mill-art tal-ħajjin’ u li “l-post għad-dfin tiegħu jkun mal-ħżiena.” Imma kellha tiġri xi ħaġa oħra. Isaija qal ukoll li l-Messija kellu jġorr “id-dnub taʼ ħafna nies.” Ġesù għamel dan meta ta ħajtu bħala fidwa. (Is. 53:8, 9, 12; Mt. 20:28; Rum. 5:8) Għalhekk, li Ġesù miet, indifen, u ġie mqajjem jagħtina raġunijiet tajbin biex ikollna tama li aħna nistgħu ninħelsu mid-dnub u l-mewt u nerġgħu ningħaqdu mal-maħbubin tagħna li mietu.
EVIDENZA MINN ĦAFNA XHIEDA
7-8. X’jgħin lill-Kristjani jemmnu li Ġesù ġie rxoxtat?
7 Biex nemmnu li se jkun hemm irxoxt, l-ewwel irridu nemmnu li Ġesù ġie rxoxtat. Kif nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova reġaʼ ta l-ħajja lil Ġesù?
8 Kien hemm ħafna nies li raw lil Ġesù wara li ġie rxoxtat u huma qalu lil oħrajn dwar dan. (1 Kor. 15:5-7) L-ewwel xhud li semma Pawlu kien l-appostlu Pietru (Kefa). Anki grupp taʼ dixxipli qalu li Pietru kien ra lil Ġesù rxoxtat. (Lq. 24:33, 34) Apparti minn hekk, Pawlu qal li l-appostli raw lil Ġesù wara li ġie rxoxtat. Iktar tard, Kristu “deher lil iktar minn ħames mitt ħu f’daqqa,” x’aktarx f’dik il-laqgħa sabiħa fil-Galilija li tissemma f’Mattew 28:16-20. Ukoll, Ġesù “deher lil Ġakbu,” ħuh mill-omm, li ma kienx jemmen li Ġesù kien il-Messija. (Ġw. 7:5) Wara li Ġakbu ra lil Ġesù rxoxtat, beda jemmen. Taʼ interess, madwar is-sena 55, meta Pawlu kiteb din l-ittra, ħafna nies li raw lil Ġesù rxoxtat kienu għadhom ħajjin, għalhekk dawk li kellhom id-dubju dwar l-irxoxt taʼ Ġesù setgħu jitkellmu magħhom.
9. Meta naqraw Atti 9:3-5, x’evidenza oħra nsibu li Ġesù ġie rxoxtat?
9 Iktar tard Ġesù deher ukoll lil Pawlu stess. (1 Kor. 15:8) Pawlu (Sawl) kien fi triqtu lejn Damasku meta semaʼ leħen Ġesù rxoxtat u ra viżjoni tiegħu fis-sema. (Aqra Atti 9:3-5.) Dak li ġara lil Pawlu kien evidenza oħra li Ġesù vera ġie rxoxtat.—Atti 26:12-15.
10. Pawlu x’għamel għax kien konvint li Ġesù ġie rxoxtat?
10 Xi nies jaf kienu interessati ħafna f’dak li qal Pawlu għax qabel ma deherlu Ġesù, hu kien jippersegwita lill-Kristjani. Wara li sar konvint li Ġesù kien ġie rxoxtat, Pawlu ħadem iebes biex jikkonvinċi lill-oħrajn dwar din il-verità. Hu ssaporta swat, ħabs, u nawfraġji waqt li pprietka l-verità li Ġesù kien miet u reġaʼ qam. (1 Kor. 15:9-11; 2 Kor. 11:23-27) Pawlu tant kien ċert li Ġesù ġie rxoxtat li kien lest li jmut biex jiddefendi t-twemmin tiegħu. Ma jikkonvinċikx dan li Ġesù ġie rxoxtat mill-mewt? U ma jsaħħaħx il-fidi tiegħek fl-irxoxt?
PAWLU KKOREĠA TAGĦLIM FALZ
11. Għala xi wħud f’Korintu kellhom ħarsa żbaljata dwar l-irxoxt?
11 Xi wħud fil-belt Griega taʼ Korintu kellhom ħarsa żbaljata dwar l-irxoxt. Saħansitra qalu “li m’hemmx irxoxt tal-mejtin.” Għala? (1 Kor. 15:12) Filosfi f’belt Griega oħra, Ateni, kienu jidħqu bl-idea li Ġesù ġie rxoxtat. Dan ir-raġunar setaʼ affettwa lil xi wħud f’Korintu. (Atti 17:18, 31, 32) Oħrajn forsi ħasbu li l-irxoxt ma kienx letterali. Minflok, huma setgħu ħasbu li n-nies jissejħu mejtin minħabba li jkunu midinba, u li nies li jsiru Kristjani jistgħu jissejħu ħajjin minħabba li d-dnub tagħhom ikun inħafer. Kienet x’kienet ir-raġuni li huma ma emmnux fl-irxoxt, il-fidi tagħhom ma kienet tiswa xejn. Kieku Alla ma rxoxtax lil Ġesù, il-fidwa ma kinitx se tkun valida u b’hekk id-dnubiet ma kinux se jiġu maħfura. Għalhekk, dawk li m’aċċettawx l-irxoxt ma kellhomx tama vera.—1 Kor. 15:13-19; Ebr. 9:12, 14.
12. Skont l-1 Pietru 3:18, 22, l-irxoxt taʼ Ġesù kif kien differenti minn taʼ oħrajn?
12 Pawlu kien jaf li “Kristu ġie mqajjem mill-imwiet.” Dan l-irxoxt kien differenti mill-irxoxt tan-nies li sar qabel għax dawn reġgħu mietu. Pawlu qal li Ġesù kien “l-ewwel frott fost dawk li raqdu fil-mewt.” B’liema mod Ġesù kien l-ewwel frott? Hu kien l-ewwel persuna li ġie rxoxtat bħala spirtu u l-ewwel wieħed mill-bnedmin li mar fis-sema.—1 Kor. 15:20; Atti 26:23; aqra l-1 Pietru 3:18, 22.
DAWK LI ‘GĦAD JINGĦATAW IL-ĦAJJA’
13. X’inhi d-differenza li spjega Pawlu bejn Adam u Ġesù?
13 Kif tistaʼ l-mewt taʼ bniedem wieħed tagħti l-ħajja lil miljuni taʼ nies? Pawlu wieġeb b’mod ċar din il-mistoqsija. Hu spjega d-differenza bejn dak li ġara lill-bnedmin minħabba dak li għamel Adam u dak li jistaʼ jkun possibbli għalina minħabba s-sagrifiċċju taʼ Kristu. Dwar Adam, Pawlu kiteb: “Il-mewt ġiet permezz taʼ bniedem.” Meta Adam dineb, ġab il-mewt fuqu u fuq id-dixxendenti tiegħu. Aħna għadna qed inbatu l-konsegwenzi koroh minħabba d-diżubbidjenza tiegħu. Imma minħabba li Alla rxoxta lil Ibnu, aħna jistaʼ jkollna futur sabiħ! Pawlu kiteb ukoll: “L-irxoxt tal-mejtin ġie wkoll permezz taʼ bniedem [Ġesù]. Għax bħalma kulħadd qed imut f’Adam, hekk ukoll kulħadd għad jingħata l-ħajja fil-Kristu.”—1 Kor. 15:21, 22.
14. Adam se jiġi rxoxtat? Spjega.
14 Pawlu x’ried ifisser meta qal “kulħadd qed imut f’Adam”? Pawlu kien qed jitkellem dwar il-bnedmin kollha, li wirtu d-dnub u l-imperfezzjoni minn Adam u għalhekk imutu. (Rum. 5:12) Adam mhux se jkun fost dawk li ‘għad jingħataw il-ħajja.’ Minħabba li Adam kien bniedem perfett u għażel li ma jobdix lil Alla, mhux se jibbenefika mill-fidwa taʼ Kristu. Dak li ġara lil Adam, huwa dak li se jiġri lil dawk li “Bin il-bniedem” se jiġġudikahom bħala “mogħoż,” u b’hekk “imorru fil-qtugħ taʼ dejjem.”—Mt. 25:31-33, 46; Ebr. 5:9.
15. Meta Pawlu qal li “kulħadd għad jingħata l-ħajja,” għal min kien qed jirreferi?
15 Innota li Pawlu qal li “kulħadd għad jingħata l-ħajja fil-Kristu.” (1 Kor. 15:22) L-ittra taʼ Pawlu kienet miktuba għall-Kristjani midlukin f’Korintu, li kienu se jkunu rxoxtati għall-ħajja fis-sema. Dawk il-Kristjani kienu ‘tqaddsu f’unjoni maʼ Kristu Ġesù, imsejħin biex ikunu qaddisin.’ U Pawlu semma lil “dawk li raqdu fil-mewt f’unjoni maʼ Kristu.” (1 Kor. 1:2; 15:18; 2 Kor. 5:17) F’ittra oħra, Pawlu kiteb li dawk li ‘jingħaqdu [maʼ Ġesù] f’mewt li tixbah lil tiegħu, żgur li se jingħaqdu miegħu wkoll fi rxoxt li jixbah lil tiegħu.’ (Rum. 6:3-5) Ġesù ġie rxoxtat bħala spirtu u telaʼ fis-sema. U hekk se jiġri lil dawk kollha li huma “f’unjoni maʼ Kristu,” jiġifieri, il-midlukin kollha.
16. X’ried ifisser Pawlu meta qal li Ġesù hu “l-ewwel frott”?
16 Pawlu kiteb li Kristu ġie rxoxtat bħala “l-ewwel frott fost dawk li raqdu fil-mewt.” Ftakar li oħrajn, bħal Lazzru, ġew irxoxtati fuq l-art, imma Ġesù kien l-ewwel wieħed li qatt ġie rxoxtat mill-mewt bħala spirtu u li kien se jgħix għal dejjem. Hu jistaʼ jitqabbel mal-ewwel frott tal-ħsad li l-Iżraelin kienu joffru lil Alla. U meta Pawlu qal li Ġesù kien “l-ewwel frott,” hu kien qed ifisser li nies oħrajn wara Ġesù kellhom jiġu rxoxtati għall-ħajja fis-sema. L-appostli u oħrajn “f’unjoni maʼ Kristu” kienu se jitilgħu fis-sema wara Ġesù. Maż-żmien, kienu se jesperjenzaw irxoxt simili bħal dak taʼ Ġesù.
17. Dawk li jkunu “f’unjoni maʼ Kristu,” meta kellhom jiġu rxoxtati biex jgħixu fis-sema?
17 L-irxoxt għas-sema għal dawk li huma “f’unjoni maʼ Kristu” kien għadu ma bediex meta Pawlu kiteb lill-Korintin. Pawlu qal li dan kien se jiġri fil-futur: “Kull wieħed skond kif imissu: Kristu l-ewwel frott; wara, dawk li huma tal-Kristu matul il-preżenza tiegħu.” (1 Kor. 15:23; 1 Tess. 4:15, 16) Illum, qed ngħixu matul “il-preżenza” taʼ Kristu kif ġie mbassar. L-appostli u Kristjani oħrajn midlukin bl-ispirtu li mietu kellhom jistennew sal-preżenza taʼ Kristu biex jirċievu l-premju għas-sema u ‘jingħaqdu miegħu wkoll fi rxoxt li jixbah lil tiegħu.’
NISTGĦU NKUNU ĊERTI LI T-TAMA TAGĦNA SE TITWETTAQ ŻGUR
18. (a) Għala nistgħu ngħidu li se jkun hemm irxoxt ieħor wara l-irxoxt għas-sema? (b) L-1 Korintin 15:24-26, x’jgħallimna dwar dak li se jiġri fis-sema?
18 Imma x’se jiġri lil dawk il-Kristjani leali kollha li m’għandhomx it-tama li Flp. 3:11) Dan jurina li se jkun hemm irxoxt ieħor. Dan hu fi qbil maʼ dak li qal Ġob dwar il-futur tiegħu. (Ġob 14:15) “Dawk li huma tal-Kristu matul il-preżenza tiegħu” se jkunu fis-sema maʼ Ġesù meta se jeqred kull gvern u kull awtoritajiet u qawwa. Ukoll, bħala “l-aħħar għadu, il-mewt se tinġieb fix-xejn.” Dawk kollha li se jiġu rxoxtati għas-sema qatt mhu se jmutu. Imma x’se jiġri lill-oħrajn?—Aqra l-1 Korintin 15:24-26.
jgħixu fis-sema maʼ Kristu? Huma wkoll għandhom it-tama tal-irxoxt. Il-Bibbja tgħid li Pawlu u l-oħrajn li se jmorru fis-sema se jkunu “fost dawk li se jiġu rxoxtati minn taʼ l-ewwel.” (19. Dawk li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art, x’jistgħu jistennew?
19 Dawk li għandhom it-tama li jgħixu fuq l-art, x’jistgħu jistennew? Dak li semma Pawlu: “Għandi tama . . . li se jkun hemm irxoxt kemm tan-nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” (Atti 24:15) Jidher ċar li persuna ħażina ma tistax tmur fis-sema, għalhekk dan il-kliem juri li se jkun hemm irxoxt fuq l-art.
20. It-tama tiegħek fl-irxoxt, kif issaħħet?
20 Mela m’għandniex dubju “li se jkun hemm irxoxt”! Dawk li se jiġu rxoxtati għall-ħajja fuq l-art għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem. Tistaʼ tkun ċert minn din il-wegħda. Din it-tama tistaʼ tfarrġek meta tiftakar dwar il-maħbubin tiegħek li tlift fil-mewt. Dawn jistgħu jiġu rxoxtati matul iż-żmien meta Kristu u oħrajn se “jsaltnu . . . għall-elf sena.” (Riv. 20:6) Inti wkoll tistaʼ tkun fiduċjuż li jekk tmut qabel ma Kristu jibda jmexxi għal elf sena, se tiġi rxoxtat. Din it-tama “ma twassalx għal diżappunt.” (Rum. 5:5) Tistaʼ tgħinek tibqaʼ sod u tkun ferħan waqt li taqdi lil Alla. Imma kif se jurina l-artiklu li jmiss, hemm iktar x’nistgħu nitgħallmu mill-1 Korintin kapitlu 15.
GĦANJA 147 Ħajja taʼ dejjem hi mwiegħda
^ par. 5 L-ewwel Korintin kapitlu 15 jitkellem dwar l-irxoxt. Dan it-tagħlim għala hu importanti għalina? U għala nistgħu nemmnu li Ġesù ġie rxoxtat? Dan l-artiklu se jwieġeb dawn il-mistoqsijiet u oħrajn dwar l-irxoxt.
^ par. 56 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġesù kien l-ewwel wieħed li ġie rxoxtat għas-sema. (Atti 1:9) Xi wħud mid-dixxipli tiegħu li marru ħdejh huma Tumas, Ġakbu, Lidja, Ġwanni, Marija, u Pawlu.
^ par. 58 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu li tilef lil martu fil-mewt wara li kienu ilhom jaqdu lil Ġeħova flimkien. Hu fiduċjuż li se tiġi rxoxtata, u għalhekk ikompli jaqdi lil Ġeħova lealment.