Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Proverbji 24:16 jgħid: “Il-​ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum.” Il-​vers ifisser li persuna tistaʼ tibqaʼ tidneb darba wara l-​oħra u mbagħad Alla jaħfrilha?

Dan il-​vers ma jfissirx hekk. Hu qed jiddeskrivi persuna li jkollha ħafna problemi imma tibqaʼ tissaporti.

Ejja naraw il-​versi taʼ qabel u wara Proverbji 24:16: “Tonsobx, bħal bniedem mill-​agħar, għall-​post fejn jgħix il-​ġust; tħarbatlux il-​post fejn jistrieħ. Għax il-​ġust jistaʼ saħansitra jaqaʼ sebaʼ darbiet, u żgur iqum; imma n-​nies mill-​agħar se jitfixklu minħabba l-​gwaj. Meta l-​għadu tiegħek jaqaʼ, tithenniex; u meta jiġi mfixkel, ħa ma tifraħx qalbek.”—Prov. 24:15-​17.

Xi nies jaħsbu li vers 16 jitkellem dwar persuna li tidneb imma mbagħad jiddispjaċiha u jerġaʼ jkollha ħbiberija tajba m’Alla. Pereżempju, żewġ mexxejja reliġjużi mill-​Ingilterra kitbu li qassisin, kemm fil-​passat kif ukoll fil-​preżent, spjegaw dan il-​vers b’dan il-​mod. Huma qalu wkoll li din l-​ispjegazzjoni tfisser li “raġel tajjeb jistaʼ jidneb serjament imma jibqaʼ jħobb lil Alla u jkollu l-​approvazzjoni tiegħu għax ikun iddispjaċieh.” Persuna li tkun qed tagħmel xi ħaġa ħażina taf togħġobha din l-​ispjegazzjoni. Hi taf taħseb li anki jekk tibqaʼ tidneb, Alla dejjem se jaħfrilha.

Imma vers 16 ma jfissirx hekk.

Il-​kelma bl-​Ebrajk tradotta “jaqaʼ” fil-​versi 16 u 17, tistaʼ tintuża b’diversi modi. Pereżempju, annimal jaqaʼ fit-​triq, xi ħadd jaqaʼ minn fuq il-​bejt, jew ċagħqa taqaʼ mal-​art. (Dt. 22:4, 8; Għam. 9:9) Imma din il-​kelma jistaʼ jkollha tifsira figurattiva: “Ġeħova jissoda l-​passi taʼ raġel b’saħħtu, u Hu jitgħaxxaq bi triqtu. Għalkemm forsi jaqaʼ, ma jispiċċax mixħut maʼ l-​art, għax Ġeħova qed iżommlu idu.”—Salm 37:23, 24; Prov. 11:5; 13:17; 17:20.

Però, innota l-​punt li semma l-​Professur Edward H. Plumptre: “Il-​kelma Ebrajka għal [“jaqaʼ”] qatt ma tintuża biex tfisser tidneb.” Ukoll, studjuż ieħor jispjega vers 16 hekk: “Huwa għalxejn li tittratta lin-​nies t’Alla ħażin għax huma dejjem se jirnexxu, imma n-​nies ħżiena le!”

Għalhekk, dan kollu jurina li Proverbji 24:16 ma jirreferix għal meta persuna tidneb, imma għal meta persuna tesperjenza problemi jew diffikultajiet darba wara l-​oħra. Fid-​dinja ħażina tal-​lum, persuna ġusta tistaʼ tiffaċċja problemi taʼ saħħa jew problemi oħra. Tistaʼ tkun ippersegwitata mill-​gvern minħabba l-​fidi tagħha. Imma hi tistaʼ tkun ċerta li Alla se jinkuraġġiha u jgħinha biex tkampa mal-​provi u tirnexxi. Aħseb ftit, ‘Għala taħseb li ħafna drabi l-​qaddejja t’Alla jirnexxilhom jegħlbu l-​problemi li jkollhom?’ Għax huma ċerti li “Ġeħova qed iżomm lil kulmin qed jaqaʼ, u qed iqajjem lil kulmin hu mtaqqal.”—Salm 41:1-​3; 145:14-​19.

“Il-​ġust” mhux ferħan għax oħrajn għandhom il-​problemi. Imma hu jħossu inkuraġġit għax jaf “li dawk li jibżgħu mill-​Alla l-​veru se jaħbtilhom tajjeb, talli kellhom il-​biżaʼ tiegħu.”—Ekk. 8:11-​13; Ġob 31:3-​6; Salm 27:5, 6.