Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 52

Kif Tistaʼ Tiġġieled l-Iskuraġġiment?

Kif Tistaʼ Tiġġieled l-Iskuraġġiment?

“Ixħet toqlok fuq Ġeħova, u jsostnik.”SALM 55:22.

GĦANJA 33 Ixħet toqlok fuq Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. L-​iskuraġġiment kif jistaʼ jeffettwana?

KULJUM, aħna niffaċċjaw problemi u nipprovaw nagħmlu l-​aħjar li nistgħu biex nissaportuhom. Imma, dan jistaʼ jkun iktar diffiċli meta nkunu skuraġġiti. Għax l-​iskuraġġiment jistaʼ jisirqilna l-​fiduċja, il-​kuraġġ, u l-​ferħ. Fil-​fatt, Proverbji 24:10 jgħid: “Skuraġġejt ruħek fi żmien l-​hemm? Ma tantx se jkollok qawwa.” Iva, l-​iskuraġġiment jistaʼ jdgħajjifna u jagħmilhielna iktar diffiċli biex nissaportu l-​problemi.

2. Liema affarijiet jistgħu jiskuraġġuna, u dwar xiex se nitkellmu f’dan l-​artiklu?

2 Hemm ħafna affarijiet li jistgħu jiskuraġġuna. Dawn jistgħu jkunu l-​imperfezzjonijiet u d-​dgħufijiet tagħna jew il-​mard. Jaf ukoll niskuraġġixxu ruħna għax ma ningħatawx privileġġ li nixtiequ fis-​servizz taʼ Ġeħova jew għax nippritkaw f’territorju fejn il-​maġġoranza tan-​nies ma jridux jisimgħu. F’dan l-​artiklu se nitkellmu dwar dak li nistgħu nagħmlu biex inkampaw.

INKAMPAW MAL-​IMPERFEZZJONIJIET U D-​DGĦUFIJIET TAGĦNA

3. X’jistaʼ jgħinna meta nħossuna skuraġġiti u meta niżbaljaw?

3 Il-​ħsibijiet negattivi dwarna nfusna u l-​iżbalji li nagħmlu jistgħu faċilment jiskuraġġuna. Dan jistaʼ jġegħelna naħsbu li Ġeħova mhux se jkun iridna fil-​Ġenna tal-​art. Attitudni bħal din tistaʼ tkun taʼ ħsara għalina. Kif għandna nqisu l-​iżbalji li nagħmlu? Il-​Bibbja turi li l-​bnedmin “kollha dinbu,” minbarra Ġesù Kristu. (Rum. 3:23) Imma Ġeħova ma jiffokax fuq l-​iżbalji tagħna jew jippretendi li nkunu perfetti. Minflok, bħala Missier kollu mħabba, hu paċenzjuż u jrid jgħinna. Hu jaf li għalina mhux faċli biex nagħmlu t-​tajjeb u biex ma nħossuniex skuraġġiti, għalhekk lest li jgħinna.—Rum. 7:18, 19.

Ġeħova jaf dak li għamilna għalih fil-​passat u dak li qed nagħmlu għalih issa (Ara paragrafu 5) *

4-5. L-​1 Ġwanni 3:19, 20 kif għen lil żewġ aħwa nisa jiġġieldu kontra l-​iskuraġġiment?

4 Ikkunsidra l-​eżempji taʼ Deborah u Maria. * Deborah meta kienet żgħira ma ġietx ittrattata bi mħabba u dan affettwa l-​mod kif tħossha. Tal-​familja ma tantx kienu jfaħħruha. Għalhekk, meta kibret, kellha ħarsa negattiva dwarha nfisha. Anki meta kienet tagħmel żball żgħir, kienet tħossha li mhi kapaċi għal xejn. Maria kellha problema simili. Tal-​familja ġegħluha tħossha li ma kienet tiswa għal xejn, u għalhekk kellha tiġġieled kontra sentimenti negattivi. Anki wara li tgħammdet, hi kienet tħoss li ma kinitx tajba biżżejjed biex tkun waħda mix-​Xhieda taʼ Ġeħova!

5 Imma dawn iż-​żewġ aħwa ma waqfux jaqdu lil Ġeħova. Għala? Huma talbu lil Ġeħova u qalulu kif kienu jħossuhom. (Salm 55:22) Huma rrealizzaw li Missierhom tas-​sema kollu mħabba jaf li l-​affarijiet ħżiena li għaddew minnhom jistgħu jiskuraġġuhom. U li Ġeħova jara wkoll il-​kwalitajiet tajbin li għandhom, anki jekk jaħsbu li m’għandhomx.—Aqra l-​1 Ġwanni 3:19, 20.

6. Xi ħadd li jerġaʼ jiżbalja, x’għandu jagħmel?

6 Xi ħadd jaf qed jaħdem iebes biex jipprova jieqaf milli jagħmel xi ħaġa ħażina. Imma mbagħad jistaʼ jerġaʼ jagħmel l-​istess żball u jiskuraġġixxi ruħu. Dan hu normali. (2 Kor. 7:10) Imma qatt m’għandna nħossuna tant skuraġġiti li nibdew naħsbu: ‘Jien ma niswa għal xejn. Ġeħova qatt mhu se jaħfirli.’ Dan mhux vera u ħsibijiet negattivi bħal dawn jistgħu jwaqqfuna milli nkomplu naqdu lil Ġeħova. Tinsiex dak li jgħid Proverbji 24:10, li jekk se nkunu skuraġġiti ma tantx se jkollna qawwa jew kuraġġ. Minflok, għandna “nirranġaw l-​affarijiet” maʼ Ġeħova billi nitolbuh biex jaħfrilna. (Is. 1:18) Meta Ġeħova jara li vera ddispjaċiena u qed nagħmlu sforz biex ninbidlu, hu se jaħfrilna. Għandna nkellmu wkoll lill-​anzjani. Bil-​paċenzja kollha huma se jgħinuna nerġgħu nissaħħu spiritwalment.—Ġak. 5:14, 15.

7. Għala m’għandniex niskuraġġixxu ruħna meta nsibuha diffiċli biex nagħmlu t-​tajjeb?

7 Jean-​Luc, anzjan fi Franza, lil dawk li qed jiġġieldu d-​dgħufijiet tagħhom, jgħidilhom hekk: “Ġeħova jqis lil xi ħadd ġust mhux għax qatt ma jiżbalja, imma għax jiddispjaċih għal dak li jagħmel u jaħdem iebes biex jinbidel.” (Rum. 7:21-​25) Allura, taħsibx li int ma tiswa għal xejn jekk qed tiġġieled kontra xi dgħufijiet. Ftakar li minħabba li lkoll kemm aħna niżbaljaw, ilkoll għandna bżonn il-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla permezz tal-​fidwa.—Efes. 1:7; 1 Ġw. 4:10.

8. Meta nħossuna skuraġġiti, fejn nistgħu nsibu l-​għajnuna?

8 Ħutna fil-​kongregazzjoni se jinkuraġġuna! Huma jistgħu jisimgħuna meta jkollna bżonn nitkellmu u jistgħu jinkuraġġuna. (Prov. 12:25; 1 Tess. 5:14) Joy, oħt fin-​Niġerja, li kienet skuraġġita tgħid: “Imnalla kienu l-​aħwa għalija. L-​aħwa huma prova li Ġeħova jwieġeb it-​talb tiegħi. Permezz tal-​għajnuna tagħhom tgħallimt ukoll kif ngħin lil oħrajn li jkunu skuraġġiti.” Però, irridu niftakru li ħutna mhux dejjem ikunu jafu meta jkollna bżonn l-​inkuraġġiment. Għalhekk, jaf ikollna bżonn immorru għand ħu jew oħt matura u ngħidulha li għandna bżonn l-​għajnuna.

META NKUNU QED INBATU MINN XI MARD

9. Salm 41:3 u 94:19, kif jinkuraġġuna?

9 Itlob lil Ġeħova għall-​għajnuna. Meta ma nkunux qed inħossuna sew speċjalment meta nesperjenzaw xi marda għal żmien twil, nistgħu nsibuha diffiċli biex naħsbu pożittiv. Filwaqt li Ġeħova mhux se jagħmel xi miraklu u jneħħilna l-​mard issa, hu jinkuraġġina u jistaʼ jagħtina s-​saħħa li għandna bżonn biex nissaportu. (Aqra Salm 41:3; 94:19.) Pereżempju, hu jistaʼ jimmotiva lil ħutna biex jgħinuna nagħmlu xi xogħol fid-​dar jew biex jagħmlulna xi qadi. Hu jistaʼ wkoll jimmotiva lil ħutna biex jitolbu magħna. Jew jistaʼ jfakkarna affarijiet inkuraġġanti mill-​Kelma tiegħu, bħat-​tama sabiħa taʼ ħajja perfetta mingħajr mard u tbatija fid-​dinja l-​ġdida.—Rum. 15:4.

10. Isang għala ma baqax skuraġġit wara l-​inċident?

10 Isang, li jgħix in-​Niġerja kellu inċident li ħallieh ipparalizzat. It-​tabib qallu li ma kienx se jimxi iżjed. Hu qal: “Ħassejtni mkisser.” Imma, Isang baqaʼ jħossu hekk? Le! X’għenu? Hu jgħid: “Jien u l-​mara tiegħi qatt ma waqafna nitolbu lil Ġeħova u nistudjaw il-​Bibbja. Aħna konna determinati li nibqgħu napprezzaw l-​affarijiet tajbin li kellna, inkluż it-​tama li ngħixu fid-​dinja l-​ġdida t’Alla.”

Anki dawk li huma limitati minħabba problemi taʼ saħħa jistgħu jsibu modi kif jippritkaw u jkunu ferħanin (Ara paragrafi 11-13)

11. Cindy kif irnexxielha tkun ferħana waqt li kienet marida serjament?

11 Cindy, li tgħix il-​Messiku, mardet b’marda serja. X’għamlet biex tkun tistaʼ tkampa? Meta kienet tmur għall-​kura, għamlitha mira li tagħti xhieda kuljum. Hi tikteb: “Biex niffoka fuq oħrajn u mhux fuq l-​operazzjoni, l-​uġigħ, jew kemm kont ma niflaħx, jien kont nagħmel hekk: Meta kont nitkellem mat-​tobba u l-​infermiera kont nistaqsihom dwar il-​familja tagħhom. Imbagħad kont nistaqsihom għala għażlu xogħol daqshekk diffiċli. B’dan il-​mod, kien faċli ninduna x’jistaʼ jmissilhom qalbhom. Ħafna minnhom jgħiduli li l-​pazjenti rari jistaqsuhom, ‘Kif inti?’ U ħafna minnhom irringrazzjawni talli wrejt interess fihom. Xi wħud minnhom anki tawni l-​indirizz jew in-​numru tagħhom. Għalhekk, matul dan iż-​żmien diffiċli fil-​ħajja tiegħi, Ġeħova tani ferħ li lanqas biss kont qed nistenna!”—Prov. 15:15.

12-13. Uħud morda jew li għandhom saħħa batuta kif setgħu jippritkaw, u x’riżultati kellhom?

12 Uħud morda jew li għandhom saħħa batuta jistgħu jħossuhom skuraġġiti minħabba li ma jistgħux jagħmlu kemm jixtiequ fil-​ministeru. Però, ħafna minnhom isibu modi kif jippritkaw. Fl-​Istati Uniti, oħt jisimha Laurel, kellha toqgħod mimduda ġo magna biex tgħinha tieħu n-​nifs għal 37 sena! Hi kellha wkoll kanċer, mard fil-​ġilda, u għamlet diversi operazzjonijiet. Imma dawn il-​problemi kollha ma waqqfuhiex milli tipprietka. Hi pritkat lill-​infermiera u oħrajn li kienu jmorru d-​dar tagħha. X’kien ir-​riżultat? Hi għenet minn tal-​inqas 17-​il persuna titgħallem dwar Ġeħova! *

13 Richard, anzjan fi Franza, ħareġ b’idea tajba għal dawk li ma jistgħux joħorġu mid-​dar tagħhom jew li qegħdin f’dar tal-​anzjani. “Jien issuġġerejtilhom biex ipoġġu xi kotba u rivisti fejn in-​nies ikunu jistgħu jarawhom. B’hekk, meta n-​nies jgħaddu minn ħdejhom jistaqsu x’inhuma. Dawn il-​konversazzjonijiet jinkuraġġixxu lil ħutna li issa ma jistgħux imorru jippritkaw minn dar għal dar.” Dawn l-​aħwa jistgħu jippritkaw ukoll permezz tal-​ittri u t-​telefown.

META MA NINGĦATAWX PRIVILEĠĠ LI NIXTIEQU

14. Is-​Sultan David x’eżempju tajjeb ħallielna?

14 Hemm ħafna raġunijiet għala nistgħu ma ningħatawx xi inkarigu li nixtiequ fis-​servizz taʼ Ġeħova. Pereżempju, jistaʼ jkun li kbirna fl-​età jew għandna problemi taʼ saħħa, jew forsi minħabba ċirkustanzi oħra. Jekk qegħdin f’sitwazzjoni bħal din, aħna nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tas-​Sultan David. David kien xtaqt ħafna jibni t-​tempju lil Ġeħova, imma Ġeħova għażel lil xi ħadd ieħor. David għen lil dak li kien inkarigat jibnih billi tah ammont kbir taʼ deheb u fidda għall-​bini tat-​tempju. X’eżempju tajjeb ħallielna David!—2 Sam. 7:12, 13; 1 Kron. 29:1, 3-​5.

15. Hugues kif irnexxielu jegħleb l-​iskuraġġiment?

15 Minħabba problemi taʼ saħħa, Hugues, ħu fi Franza, ma baqax jaqdi bħala anzjan u ma setax jieħu ħsieb sempliċiment affarijiet żgħar fid-​dar tiegħu. Hu kiteb: “Għall-​ewwel ħassejtni skuraġġit ħafna u ma niswa għal xejn. Imma maż-​żmien rajt kemm hu importanti li naċċetta l-​limitazzjonijiet tiegħi, u sibt il-​ferħ fix-​xogħol li kont għadni nistaʼ nagħmel għal Ġeħova. Jien determinat li ma naqtax qalbi. Bħal Gidegħon u t-​tliet mitt raġel li baqgħu jiġġieldu minkejja li kienu għajjenin, jien se nkompli niġġieled!”—Mħ. 8:4.

16. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju tal-​anġli?

16 L-​anġli leali huma eżempju eċċellenti għalina. Pereżempju, darba waħda Ġeħova talab lill-​anġli biex jgħidulu kif jistaʼ jqarraq bis-​sultan mill-​agħar Aħab. Xi anġli tawh is-​suġġeriment tagħhom. Imma Alla għażel anġlu u qallu li s-​suġġeriment tiegħu setaʼ jaħdem. (1 Slat. 22:19-​22) Taħseb li l-​anġli l-​oħra ħassewhom skuraġġiti? Jew qalu, ‘Lanqas ħaqq il-​ħin li ħlejt?’ Żgur li le. L-​anġli huma umli u huma jridu li l-​unur kollu jingħata lil Ġeħova.—Mħ. 13:16-​18; Riv. 19:10.

17. Xi rridu nagħmlu jekk inħossuna mdejqin minħabba li m’għandniex privileġġi?

17 Ftakar li l-​ikbar privileġġ li jistaʼ jkollna hu li nkunu Xhieda taʼ Ġeħova u li nippritkaw dwar is-​Saltna. L-​inkarigi jiġu u jmorru, imma dawn ma jagħmluniex prezzjużi għal Ġeħova. Jekk inkunu umli u nagħrfu l-​limitazzjonijiet tagħna, se nkunu prezzjużi għal Ġeħova u għal ħutna. Mela itlob lil Ġeħova biex tagħmel dan. Aħseb dwar l-​eżempji tajbin kollha taʼ dawk il-​qaddejja umli taʼ Ġeħova li jissemmew fil-​Bibbja. Kun lest li taqdi lil ħutek bl-​aħjar mod li tistaʼ.—Salm 138:6; 1 Pt. 5:5.

META N-​NIES MA JKUNUX INTERESSATI FL-​AĦBAR TAJBA

18-19. Kif tistaʼ tkun ferħan minkejja li fit-​territorju tiegħek in-​nies ma tantx jaċċettaw il-​messaġġ?

18 Ġieli ħassejtek skuraġġit minħabba li fit-​territorju tiegħek in-​nies ma jurux interess jew ma jkunux id-​dar? Jekk iva, x’tistaʼ tagħmel biex tibqaʼ ferħan jew ikollok iżjed ferħ? Is-​suġġerimenti fil-​kaxxa “ Kif Tistaʼ Tieħu Pjaċir Iktar Meta Tipprietka?” jistgħu jgħinuk. Huwa importanti wkoll li jkollok ħarsa pożittiva lejn il-​ministeru. X’jiġifieri?

19 Ftakar li l-​iktar ħaġa importanti hi li tipprietka l-​isem t’Alla u dwar is-​Saltna. Ġesù għamilha ċara li ftit kienu se jsegwuh. (Mt. 7:13, 14) Meta nkunu qegħdin fuq il-​ministeru, għandna l-​unur li naħdmu maʼ Ġeħova, Ġesù, u l-​anġli. (Mt. 28:19, 20; 1 Kor. 3:9; Riv. 14:6, 7) Ġeħova qed ifittex nies li jridu jaqduh. (Ġw. 6:44) Mela jekk persuna ma tridx tismaʼ l-​messaġġ tagħna llum, forsi tismaʼ l-​messaġġ darba oħra.

20. Ġeremija 20:8, 9, kif jistaʼ jgħinna niġġieldu l-​iskuraġġiment?

20 Aħna nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​profeta Ġeremija. In-​nies li kienu jgħixu fejn kien jipprietka hu ma ridux jisimgħu. In-​nies għajruh u daħqu bih “il-​jum kollu.” (Aqra Ġeremija 20:8, 9.) Darba waħda tant ħassu skuraġġit li ma riedx jipprietka iżjed, imma hu ma waqafx. Għala? “Il-​kelma taʼ Ġeħova” kienet bħal nar ġewwa fih, u ma setax iżomm lura milli jipprietka. Aħna nħossuna l-​istess meta nimlew moħħna u qalbna bil-​Kelma t’Alla. Din hija raġuni oħra għala għandna nistudjaw il-​Bibbja kuljum u nimmeditaw fuqha. B’hekk, se nkunu iktar ferħanin fuq il-​ministeru u iktar nies jaf jisimgħu l-​messaġġ tagħna.—Ġer. 15:16.

21. Kif nistgħu niġġieldu l-​ġlieda kontra l-​iskuraġġiment?

21 “L-​iskuraġġiment jistaʼ jkun arma b’saħħitha li juża Satana,” tgħid Deborah li ssemmiet qabel. Imma Ġeħova huwa b’saħħtu ħafna iktar minn Satana u l-​armi tiegħu. Għalhekk, meta tħossok skuraġġit għal diversi raġunijiet, itlob lil Ġeħova biex jgħinek. Hu se jagħtik is-​saħħa biex tkampa mad-​dgħufijiet u l-​imperfezzjonijiet tiegħek. Se jgħinek meta tkun marid. Se jgħinek biex ikollok ħarsa bilanċjata lejn il-​privileġġi. U se jgħinek biex ikollok ħarsa pożittiva fil-​ministeru tiegħek. Itlob lil Missierek kollu mħabba u għidlu kif tħossok. Bl-​għajnuna tiegħu, inti tistaʼ tirbaħ il-​ġlieda kontra l-​iskuraġġiment.

GĦANJA 41 Jekk jogħġbok, ismaʼ talbi

^ par. 5 Xi kultant ilkoll kemm aħna nħossuna skuraġġiti. F’dan l-​artiklu se nitkellmu dwar affarijiet li nistgħu nagħmlu meta nibdew naqtgħu qalbna. Kif se naraw, bl-​għajnuna taʼ Ġeħova jistaʼ jirnexxilna niġġieldu l-​iskuraġġiment.

^ par. 4 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 12 Aqra l-​bijografija taʼ Laurel Nisbet fil-​ħarġa taʼ Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​22 taʼ Jannar 1993, paġni 18-21.

^ par. 69 X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Oħt li kienet tħossha skuraġġita issa qed tirrifletti fuq dak li għamlet għal Ġeħova u qed titolbu. Hi ċerta li Ġeħova jiftakar dak li għamlet u dak li qed tagħmel.