Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Għad-dinja l-ġdida li dalwaqt ġejja, int tistaʼ tipprepara minn issa

Kif Se Tkun id-Dinja l-Ġdida?

Kif Se Tkun id-Dinja l-Ġdida?

Alla ħalaq id-​dinja biex in-​nies leali jgħixu fiha għal dejjem. (Salm 37:29) Hu poġġa l-​ewwel koppja fil-​ġnien sabiħ tal-​Għeden. Hu tahom ir-​responsabbiltà biex jaħdmu l-​art u jieħdu ħsiebha.—Ġenesi 1:28; 2:15.

Illum id-​dinja żgur mhijiex il-​Ġenna li Alla jridha tkun. Imma Alla xorta għadu jrid jagħmel l-​art ġenna. Kif? Fl-​artikli taʼ qabel rajna li Alla mhux se jeqred id-​dinja. Minflok, hu se jħalli lin-​nies leali u li jobduh jibqgħu jgħixu fiha. Meta Alla jagħmel dak li qed iwegħedna, kif se jkunu l-​kundizzjonijiet fuq l-​art?

Gvern wieħed għad-​dinja kollha

Dalwaqt, il-​gvern t’Alla li qiegħed fis-​sema se jibda jmexxi hawn fuq l-​art. Id-​dinja se tkun post sabiħ fejn kulħadd se jgħix ferħan flimkien. In-​nies kollha se jieħdu pjaċir bix-​xogħol li jagħmlu. Alla għażel lil Ġesù Kristu biex imexxi fuq l-​art. Illum, ħafna mexxejja ma jinteressahomx min-​nies. Imma Ġesù differenti, għax hu dejjem se jagħmel dak li hu l-​aħjar għalihom. Ġesù bħala Sultan se jmexxi bl-​imħabba, b’qalb tajba, u se jkun raġunevoli.—Isaija 11:4.

In-​nies kollha se jkunu magħqudin

In-​nies mhux se jkunu mifrudin b’nazzjonalitajiet jew kulturi differenti. Huma se jkunu kollha magħqudin flimkien. (Rivelazzjoni 7:9, 10) In-​nies kollha li se jkunu qed jgħixu fuq l-​art se jħobbu lil Alla u lil xulxin. Huma se jagħmlu dak li jrid Alla, billi jaħdmu flimkien u fil-​paċi ħalli jieħdu ħsieb id-​dinja.—Salm 115:16.

Ambjent aħjar

Meta s-​Saltna t’Alla tibda tmexxi, Alla se jikkontrolla t-​temp b’mod perfett. (Salm 24:1, 2) Meta Ġesù kkalma maltempata kbira, hu wera x’jistaʼ jagħmel bil-​qawwa t’Alla. (Marku 4:39, 41) Ħadd mhu se jkollu għalfejn jibżaʼ minn diżastri naturali meta jkun qed imexxi Ġesù. U taħt is-​Saltna t’Alla, se jkollna l-​paċi mal-​annimali u mhux se neqirdu l-​ambjent.—Ħosea 2:18.

Saħħa perfetta u ikel għal kulħadd

Kulħadd se jkollu saħħa perfetta. Ħadd mhu se jimrad, jixjieħ jew imut. (Isaija 35:5, 6) Kulħadd se jgawdi ħajja bħalma kellhom l-​ewwel koppja fil-​ġnien tal-​Għeden. In-​nies se jkollhom ambjent sabiħ u nadif, l-​art se tipproduċi ikel bl-​abbundanza, u kulħadd se jkollu ikel kemm irid. (Ġenesi 2:9) L-​istess bħalma għamlu l-​Iżraelin meta kienu l-​poplu t’Alla, kulħadd se ‘jiekol il-​ħobż tiegħu sa ma jixbaʼ.’—Levitiku 26:4, 5.

Paċi u sigurtà taʼ vera

Taħt il-​gvern t’Alla, in-​nies kollha se jgawdu l-​paċi u se jittrattaw lil xulxin b’qalb tajba. Mhux se jkun hemm gwerer, ħadd mhu se jabbuża mill-​awtorità tiegħu, u kulħadd se jkollu dak li għandu bżonn. Il-​Bibbja twegħedna li se “joqogħdu bil-​qiegħda, kull wieħed taħt id-​dielja tiegħu u taħt is-​siġra tat-​tin tiegħu, u ma jkunx hemm min ibeżżagħhom.”—Mikea 4:3, 4.

Kulħadd se jkollu dar sabiħa u xogħol li jogħġbu

Kull familja se jkollha dar mingħajr ma tibżaʼ li se titlifha. U x-​xogħol kollu li se nagħmlu se jġibilna sodisfazzjon. Il-​Bibbja tgħidilna li dawk li se jgħixu fid-​dinja l-​ġdida li se jagħtina Alla, mhux se jaħdmu għalxejn.—Isaija 65:21-​23.

L-​aħjar edukazzjoni

Il-​Bibbja twiegħed: “L-​art se tkun mimlija bl-​għarfien taʼ Ġeħova.” (Isaija 11:9) Dawk li se jgħixu fis-​Saltna t’Alla se jitgħallmu mill-​iżjed persuna intelliġenti, Ġeħova. Se jitgħallmu wkoll dwar l-​affarijiet kollha li ħalaq. Dak li se jitgħallmu mhux se jużawh biex jagħmlu l-​armi jew iweġġgħu lil xulxin. (Isaija 2:4) Minflok se jgħixu flimkien fil-​paċi u se jieħdu ħsieb l-​art.—Salm 37:11.

Kulħadd se jgħix għal dejjem

Alla għamel ċert li l-​art jagħmilha b’mod li aħna nieħdu pjaċir ngħixu fiha. Hu jixtieq li n-​nies jgħixu fuq l-​art għal dejjem. (Salm 37:29; Isaija 45:18) Biex dan ikun possibbli, Alla se “jiblaʼ l-​mewt għal dejjem.” (Isaija 25:8) Il-​Bibbja twiegħed: “Ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.” (Rivelazzjoni 21:4) Kulħadd se jkollu l-​opportunità li jgħix għal dejjem. Se jkun hemm dawk li se jsalvaw meta Alla jeqred din id-​dinja ħażina u anki dawk li se jqajjem mill-​mewt.—Ġwanni 5:28, 29; Atti 24:15.

Miljuni taʼ nies diġà qed jippreparaw biex jgħixu taħt is-​Saltna t’Alla. Avolja huma imperfetti, huma qed jipprovaw ikunu bħan-​nies li Ġeħova jixtieq fid-​dinja l-​ġdida. Kif? Billi jitgħallmu dwar Alla Ġeħova u l-​wieħed li bagħat, Ġesù.—Ġwanni 17:3.

Sir af kif tistaʼ ssalva mill-​aħħar tad-​dinja u tgħix fid-​dinja l-​ġdida li dalwaqt tasal. Aċċetta studju tal-​Bibbja b’xejn minn wieħed mix-​Xhieda taʼ Ġeħova, permezz tal-ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!