Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 5

“Il-​Kap taʼ Kull Raġel Hu l-​Kristu”

“Il-​Kap taʼ Kull Raġel Hu l-​Kristu”

“Il-​kap taʼ kull raġel hu l-​Kristu.”—1 KOR. 11:3.

GĦANJA 12 Kbir Alla Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’jistaʼ jinfluwenza l-​mod kif raġel jittratta lill-​mara u t-​tfal tiegħu?

XI JFISSER li xi ħadd ikollu l-​awtorità, bħal pereżempju, ikun kap taʼ familja? Xi rġiel ħallew it-​tradizzjoni, il-​kultura, jew kif trabbew jinfluwenza l-​mod kif jittrattaw il-​mara u t-​tfal. Innota x’tgħid Yanita, oħt li tgħix fl-​Ewropa, “Fejn ngħix jien, in-​nies jemmnu li n-​nisa huma inferjuri mill-​irġiel u għandhom jitqiesu bħala lsiera.” U ħu jismu Luke, li jgħix fl-​Istati Uniti, jgħid, “Xi missirijiet jgħallmu lit-​tfal subien tagħhom li dak li jgħidu n-​nisa mhux importanti. Għalhekk, l-​irġiel m’għandhomx jagħtu kas dak li jgħidu.” Però, Ġeħova ma jridx li l-​irġiel miżżewġin jittrattaw lin-​nisa tagħhom b’dan il-​mod. (Qabbel Marku 7:13.) Allura raġel kif jistaʼ jitgħallem ikun kap taʼ familja tajjeb?

2. Kap taʼ familja x’għandu jkun jaf, u għala?

2 Biex ikun kap taʼ familja tajjeb, l-​ewwel ir-​raġel għandu jifhem dak li Ġeħova jitlob minnu. Hu għandu jkun jaf ukoll għala Ġeħova ppermetta li xi wħud ikollhom l-​awtorità fuq oħrajn, u kif jistaʼ jimita l-​eżempju taʼ Ġeħova u Ġesù. Għala huwa importanti li raġel ikun jaf dawn l-​affarijiet? Għax Ġeħova ta xi awtorità lill-​kapijiet tal-​familja, u hu jistenna li huma jużawha sew.—Lq. 12:48b.

XI JFISSER LI RAĠEL IKUN KAP TAʼ FAMILJA?

3. X’nitgħallmu minn dak li tgħid il-​Bibbja fl-​1 Korintin 11:3?

3 Aqra l-​1 Korintin 11:3. Dan il-​vers jiddeskrivi kif Ġeħova organizza l-​familja tiegħu fis-​sema u fuq l-​art. Li raġel ikun kap taʼ familja jinvolvi żewġ affarijiet importanti—awtorità u responsabbiltà. Ġeħova hu “l-​kap,” jew l-​iktar wieħed li għandu awtorità, u t-​tfal tiegħu kollha, kemm l-​anġli kif ukoll in-​nies, iridu jagħtu kont lilu. (Rum. 14:10; Efes. 3:14, 15) Ġeħova ta lil Ġesù l-​awtorità li jkun il-​kap tal-​kongregazzjoni, imma Ġesù jrid jagħti kont lil Ġeħova għal mod kif jittrattana. (1 Kor. 15:27) Ġeħova ta l-​awtorità wkoll lill-​irġiel miżżewġin fuq in-​nisa u t-​tfal tagħhom, imma l-​irġiel miżżewġin iridu jagħtu kont kemm lil Ġeħova kif ukoll lil Ġesù għal mod kif jittrattaw lill-​familja tagħhom.—1 Pt. 3:7.

4. Ġeħova u Ġesù liema awtorità għandhom?

4 Minħabba li Ġeħova huwa l-​Kap tal-​familja universali, hu għandu l-​awtorità biex jagħmel regoli dwar kif it-​tfal tiegħu għandhom jaġixxu u jara li jobduhom. (Is. 33:22) Ġesù, minħabba li hu l-​kap tal-​kongregazzjoni, ukoll għandu d-​dritt li jagħmel regoli u jara li nobduhom.—Gal. 6:2; Kol. 1:18-​20.

5. X’awtorità għandu kap taʼ familja Kristjana, u x’limiti għandha l-​awtorità tiegħu?

5 Bħal Ġeħova u Ġesù, kap taʼ familja Kristjana għandu l-​awtorità li jieħu deċiżjonijiet għall-​familja tiegħu. (Rum. 7:2; Efes. 6:4) Però, l-​awtorità tiegħu għandha l-​limiti. Pereżempju, ir-​regoli tiegħu għandhom ikunu bbażati fuq il-​prinċipji li nsibu fil-​Kelma t’Alla. (Prov. 3:5, 6) U kap taʼ familja m’għandux l-​awtorità biex jagħmel regoli għal oħrajn li ma jagħmlux parti mill-​familja tiegħu. (Rum. 14:4) Ukoll, meta t-​tfal tiegħu jikbru u jitilqu mid-​dar, hu ma jibqax il-​kap tagħhom. Però, huma jibqgħu jirrispettawh.—Mt. 19:5.

ĠEĦOVA GĦALA GĦAMEL ARRANĠAMENT BIEX UĦUD IKOLLHOM L-​AWTORITÀ?

6. Ġeħova għala ta l-​awtorità lil uħud?

6 Ġeħova ta l-​awtorità lil uħud għax iħobb lill-​familja tiegħu. Din l-​awtorità hija rigal mingħandu. Permezz taʼ dawk li għandhom l-​awtorità, il-​familja taʼ Ġeħova tistaʼ tkun organizzata u tibqaʼ magħquda. (1 Kor. 14:33, 40) Jekk ma nkunux nafu min għandu l-​awtorità, il-​familja taʼ Ġeħova se tkun diżorganizzata u mhux se tkun ferħana. Pereżempju, ħadd ma jkun jaf min għandu jieħu l-​aħħar deċiżjonijiet u jara li qed jitwettqu.

7. Skont Efesin 5:25, 28, Ġeħova kif irid li l-​irġiel jittrattaw lin-​nisa tagħhom?

7 Jekk hu tajjeb li l-​irġiel ikollhom l-​awtorità fil-​familja, għala ħafna nisa jħossu li l-​irġiel tagħhom ma jittrattawhomx sew u jikkontrollawhom? Għax ħafna rġiel jinjoraw il-​livelli taʼ Ġeħova għall-​familja u minflok jagħżlu li jagħmlu kif ikunu mdorrijin. Huma jaf jabbużaw min-​nisa tagħhom biex jissodisfaw ix-​xewqat egoistiċi tagħhom. Pereżempju, raġel miżżewweġ jaf jiddomina lill-​mara tiegħu biex iħossu iktar importanti jew biex juri lil oħrajn li mhux dgħajjef. Hu forsi jaħseb li ma jistax jisforza lill-​mara tiegħu biex tħobbu, imma jistaʼ jġegħelha tibżaʼ minnu. U hu għandu mnejn juża din il-​biżaʼ biex jikkontrollaha. * Irġiel li jaħsbuha b’dan il-​mod u li jagħmlu dawn l-​affarijiet qed jiżbaljaw. Huma ma jirrispettawx lin-​nisa tagħhom kif jixraq, u dak li jagħmlu huwa l-​oppost taʼ dak li jrid Ġeħova.—Aqra Efesin 5:25, 28.

RAĠEL MIŻŻEWWEĠ KIF JISTAʼ JKUN KAP TAJJEB?

8. Raġel miżżewweġ kif jistaʼ jitgħallem ikun kap taʼ familja tajjeb?

8 Raġel jistaʼ jitgħallem ikun kap taʼ familja tajjeb billi jimita l-​mod kif Ġeħova u Ġesù jużaw l-​awtorità tagħhom. Ikkunsidra biss żewġ kwalitajiet li wrew Ġeħova u Ġesù, u nnota kif kap taʼ familja jistaʼ juża dawn il-​kwalitajiet mal-​mara u t-​tfal tiegħu.

9. Ġeħova kif juri l-​umiltà?

9 L-​umiltà. Ġeħova huwa l-​iktar wieħed għaref, però hu xorta jismaʼ l-​opinjonijiet tal-​qaddejja tiegħu. (Ġen. 18:23, 24, 32) Hu ppermetta lil dawk li qegħdin taħt l-​awtorità tiegħu jgħidulu s-​suġġerimenti tagħhom. (1 Slat. 22:19-​22) Ġeħova hu perfett, imma hu ma jistenniex li aħna nkunu perfetti. Minflok, hu jgħin lil dawk li jaqduh biex jirnexxu. (Salm 113:6, 7) Fil-​fatt, il-​Bibbja tgħid li Ġeħova hu “l-​għajnuna” tagħna. (Salm 27:9; Ebr. 13:6) Is-​Sultan David qal li hu kien kapaċi jwettaq ix-​xogħol kbir li għamel minħabba li Ġeħova hu umli u għenu.—2 Sam. 22:36.

10. Ġesù kif wera l-​umiltà?

10 Ejja nieħdu l-​eżempju taʼ Ġesù. Minkejja li hu kien is-​Sid tad-​dixxipli tiegħu, hu ħaslilhom saqajhom. Għala taħseb li Ġeħova kiteb dan ir-​rakkont fil-​Bibbja? Biex jagħti eżempju lil kulħadd, inkluż lill-​kapijiet tal-​familja. Ġesù stess qal: “Ħallejtilkom mudell sabiex, bħalma għamiltilkom jien, tagħmlu intom ukoll.” (Ġw. 13:12-​17) Minkejja li Ġesù kellu ħafna awtorità, ma stenniex li jkun moqdi. Minflok, hu qeda lil oħrajn.—Mt. 20:28.

Kap taʼ familja jistaʼ juri l-​umiltà u l-​imħabba billi jgħin fix-​xogħol tad-​dar u billi jipprovdi l-​bżonnijiet spiritwali ill-​familja tiegħu (Ara paragrafi 11, 13)

11. Kap taʼ familja x’jistaʼ jitgħallem dwar l-​umiltà mill-​eżempju taʼ Ġeħova u Ġesù?

11 Lezzjonijiet għalina. Jekk kap taʼ familja jkun umli se jidher b’diversi modi. Pereżempju, hu ma jistenniex li l-​mara u t-​tfal tiegħu jkunu perfetti. Hu jismaʼ l-​opinjonijiet tagħhom anki meta ma jkunux jaqblu maʼ tiegħu. Marley, li tgħix fl-​Istati Uniti, tgħid: “Jien u r-​raġel xi kultant ikollna opinjonijiet differenti. Imma jien naf li hu japprezzani u jirrispettani, għax hu jitlob l-​opinjoni tiegħi u jikkunsidra dak li ngħidlu qabel jieħu deċiżjoni.” Barra minn hekk, raġel umli jkun lest li jgħin fix-​xogħol tad-​dar, anki jekk fejn ikun jgħix ikun jitqies bħala xogħol tan-​nisa. Dan jistaʼ jkun taʼ sfida. Għala? Oħt jisimha Rachel, tgħid, “Fejn trabbejt, jekk raġel jgħin lill-​mara tiegħu taħsel il-​platti jew tnaddaf id-​dar, il-​ġirien u tal-​familja jaħsbu li l-​mara tikkmandah.” Jekk fejn tgħix int in-​nies jaħsbuha hekk, ftakar li Ġesù ħasel saqajn id-​dixxipli tiegħu minkejja li kien xogħol li kienu jagħmlu l-​ilsiera. Kap taʼ familja tajjeb mhux importanti għalih x’jaħsbu oħrajn dwaru, imma hu jkun irid jagħmel il-​mara u t-​tfal ferħanin. Minbarra l-​umiltà, liema kwalità oħra hija importanti għal kap taʼ familja tajjeb?

12. L-​imħabba xi mmotivathom jagħmlu lil Ġeħova u lil Ġesù?

12 L-​imħabba. Dak kollu li jagħmel Ġeħova hu mmotivat mill-​imħabba. (1 Ġw. 4:7, 8) Hu wera li jħobbna u li jridna nkunu l-​ħbieb tiegħu billi tana l-​Bibbja u l-​organizzazzjoni tiegħu. Għax nafu li jħobbna, inħossuna protetti. U xi ngħidu għall-​affarijiet materjali li jkollna bżonn? Ġeħova “jagħtina kollox b’mod għani għat-​tgawdija tagħna.” (1 Tim. 6:17) Meta niżbaljaw hu jikkoreġina, imma xorta jibqaʼ jħobbna. Ġeħova tant iħobbna li pprovda l-​fidwa għalina. U Ġesù wkoll iħobbna ħafna għax kien lest li jmut għalina. (Ġw. 3:16; 15:13) Xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil Ġeħova u lil Ġesù milli jħobbu lil dawk li huma leali lejhom.—Ġw. 13:1; Rum. 8:35, 38, 39.

13. Għala hu importanti li kap taʼ familja juri li jħobb il-​familja tiegħu? (Ara wkoll il-​kaxxa “ Raġel li Għadu Kif Iżżewweġ Kif Jistaʼ Jikseb ir-​Rispett taʼ Martu?”)

13 Lezzjonijiet għalina. Kulma jagħmel kap taʼ familja għandu jkun immotivat mill-​imħabba. Dan għala hu importanti ħafna? L-​appostlu Ġwanni kiteb: “Għax min ma jħobbx lil ħuh, li jarah, ma jistax ikun li jħobb lil Alla, li ma jarahx.” (1 Ġw. 4:11, 20) Raġel li jħobb lill-​familja tiegħu u li jrid jimita lil Ġeħova u lil Ġesù se jieħu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja, jara li jkollha ħbiberija tajba maʼ Ġeħova, u li tħossha protetta. (1 Tim. 5:8) Hu jgħallem u jikkoreġi lit-​tfal tiegħu. Ukoll, se jkompli jitgħallem biex jieħu deċiżjonijiet li jġibu unur lil Ġeħova u li jkunu taʼ benefiċċju għall-​familja tiegħu. Issa ejja nikkunsidraw dawn l-​affarijiet waħda waħda, u naraw kif kap taʼ familja jistaʼ jimita lil Ġeħova u lil Ġesù.

KAP TAʼ FAMILJA X’GĦANDU JAGĦMEL?

14. Kap taʼ familja kif jgħin lill-​familja tiegħu tersaq qrib Ġeħova?

14 Jipprovdi l-​bżonnijiet spiritwali lill-​familja tiegħu. Ġesù wera li kien bħal Missieru għax hu ried jgħin lid-​dixxipli tiegħu jkollhom fidi soda. (Mt. 5:3, 6; Mk. 6:34) Bl-​istess mod, l-​iktar ħaġa importanti għal kap taʼ familja hi li jgħin lill-​familja tiegħu tkun qrib Ġeħova. (Dt. 6:6-​9) Hu jagħmel dan billi jkun ċert li hu u l-​familja tiegħu jistudjaw il-​Kelma t’Alla, jattendu għal-​laqgħat, jippritkaw l-​aħbar tajba, u jsiru u jibqgħu ħbieb taʼ Ġeħova.

15. Kap taʼ familja kif jistaʼ jgħin lill-​familja tiegħu tħossha protetta?

15 Jgħin lill-​familja tiegħu tħossha protetta. Ġeħova qal quddiem oħrajn li hu jħobb lil Ġesù. (Mt. 3:17) Spiss, Ġesù b’dak li qal u għamel wera li kien iħobb lid-​dixxipli tiegħu. Id-​dixxipli tiegħu wkoll qalulu li jħobbuh. (Ġw. 15:9, 12, 13; 21:16) Kap taʼ familja juri lill-​mara u t-​tfal li jħobbhom b’dak li jagħmel, bħal pereżempju, jistudja l-​Bibbja magħhom. Hu għandu wkoll jgħidilhom li jħobbhom u li huma prezzjużi għalih, u meta jkun xieraq ifaħħarhom quddiem oħrajn.—Prov. 31:28, 29.

Biex jogħġob lil Ġeħova, kap taʼ familja jrid imantni lill-​familja tiegħu (Ara paragrafu 16)

16. Kap taʼ familja x’għandu jagħmel, u x’għandu jevita?

16 Jipprovdi l-​bżonnijiet tal-​familja tiegħu. Ġeħova ħa ħsieb li l-​Iżraelin ikollhom l-​affarijiet bżonjużi, anki meta kienu ddixxiplinati minħabba li m’obdewhx. (Dt. 2:7; 29:5) Illum, Ġeħova jipprovdi wkoll l-​affarijiet bażiċi li jkollna bżonn. (Mt. 6:31-​33; 7:11) Bl-​istess mod, Ġesù pprovda l-​ikel lil dawk li segwewh. (Mt. 14:17-​20) Hu fejjaq ukoll lil dawk li kienu morda. (Mt. 4:24) Biex jogħġob lil Ġeħova, kap taʼ familja jrid imantni lill-​familja tiegħu. Però, hemm xi ħaġa li għandu jevita. Hu m’għandux iqattaʼ ħafna ħin fix-​xogħol sekulari sal-​punt li ma jiħux ħsieb il-​familja tiegħu b’mod spiritwali u emozzjonali.

17. Ġeħova u Ġesù kif iħarrġuna u jiddixxiplinawna?

17 Jipprovdi taħriġ. Ġeħova jħarriġna u jiddixxiplinana għall-​ġid tagħna. (Ebr. 12:7-​9) Ġesù, bħal Missieru, jgħallem bi mħabba lil dawk li huma taħt l-​awtorità tiegħu. (Ġw. 15:14, 15) Ġesù jiddixxiplinana imma dejjem juri ħniena. (Mt. 20:24-​28) Hu jifhem li aħna imperfetti u li spiss niżbaljaw.—Mt. 26:41.

18. Kap taʼ familja x’għandu jiftakar?

18 Kap taʼ familja li jimita lil Ġeħova u lil Ġesù jiftakar li l-​mara u t-​tfal mhumiex perfetti. Hu ma jittrattahomx bl-​‘aħrax.’ (Kol. 3:19) Minflok, hu japplika l-​prinċipju f’​Galatin 6:1 u jipprova jgħinhom “bi spirtu taʼ ħlewwa,” għax jiftakar li hu imperfett ukoll. Bħal Ġesù, hu jirrealizza li l-​aħjar mod biex jgħallem hu bl-​eżempju.—1 Pt. 2:21.

19-20. Meta kap taʼ familja jieħu deċiżjoni, kif jistaʼ jimita lil Ġeħova u lil Ġesù?

19 Ma jiħux deċiżjonijiet għall-​interessi personali tiegħu. Ġeħova jieħu deċiżjonijiet għall-​benefiċċju t’oħrajn. Pereżempju, hu ħalaq il-​ħajja mhux għall-​benefiċċju tiegħu, imma biex aħna nkunu nistgħu ngawdu l-​ħajja. Ħadd ma ġiegħlu jagħti lil Ibnu biex ipatti għad-​dnubiet tagħna. Hu għamel dan għax ried jgħinna. Ġesù wkoll ħa deċiżjonijiet li għenu lil oħrajn. (Rum. 15:3) Pereżempju, meta kien għajjien ħafna, hu qagħad jgħallem lill-​folla kbira taʼ nies minflok ma mar jistrieħ.—Mk. 6:31-​34.

20 Kap taʼ familja tajjeb jaf li waħda mill-​iktar affarijiet diffiċli hi li jieħu deċiżjonijiet tajbin għall-​familja tiegħu. Din ir-​responsabbiltà hi importanti ħafna għalih. Hu għandu jevita li jagħmel regoli għal xejn b’xejn jew skont kif ikun qed iħossu dak il-​ħin. Minflok, hu jħalli lil Ġeħova jgħallmu kif jieħu deċiżjonijiet tajbin. * (Prov. 2:6, 7) B’dan il-​mod, hu jkun qed jaħseb f’oħrajn mhux fih innifsu.—Flp. 2:4.

21. X’se nikkunsidraw fl-​artiklu li jmiss?

21 Ġeħova ta lill-​kapijiet tal-​familja inkarigu diffiċli, u hu jistenna li jagħmlu l-​almu tagħhom biex iwettqu l-​inkarigu sew. Imma jekk raġel miżżewweġ jaħdem iebes biex jimita l-​eżempju taʼ Ġeħova u Ġesù, hu se jkun kap taʼ familja tajjeb. U jekk il-​mara tiegħu twettaq ir-​responsabbiltajiet tagħha fil-​familja, iż-​żwieġ tagħhom se jkun b’saħħtu. Mara miżżewġa kif għandha tqis ir-​responsabbiltajiet taʼ żewġha bħala l-​kap tagħha? U liema diffikultajiet jistaʼ jkollha? L-​artiklu li jmiss se jwieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

GĦANJA 16 Faħħru lil Jah għal Ibnu l-​Midluk

^ par. 5 Meta raġel jiżżewweġ, hu jsir kap taʼ familja. F’dan l-​artiklu se niddiskutu x’awtorità Ġeħova ta lil oħrajn, għala Ġeħova għamel dan, u x’jistgħu jitgħallmu l-​irġiel mill-​eżempju taʼ Ġeħova u Ġesù. Fit-​tieni artiklu taʼ din is-​serje se nikkunsidraw x’jistgħu jitgħallmu l-​irġiel u n-​nisa miżżewġin minn Ġesù u eżempji oħrajn li nsibu fil-​Bibbja. U fit-​tielet artiklu se niddiskutu kif l-​aħwa rġiel għandhom jużaw l-​awtorità tagħhom fil-​kongregazzjoni.

^ par. 7 L-​idea li raġel jistaʼ jittratta ħażin lill-​mara tiegħu, anki jabbużaha fiżikament, xi kultant tidher fil-​films, fid-​drama, u anki fil-​kotba. Għalhekk, in-​nies forsi jaħsbu li mhux ħażin li raġel jiddomina lil martu.

^ par. 20 Għal iktar informazzjoni dwar kif tieħu deċiżjonijiet tajbin ara l-​artiklu “Ħu Deċiżjonijiet li Jonoraw lil Alla” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 t’April 2011, paġni 13-​17.