Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 7

L-​Awtorità li Għandhom l-​Anzjani fil-​Kongregazzjoni

L-​Awtorità li Għandhom l-​Anzjani fil-​Kongregazzjoni

“Il-​Kristu wkoll hu l-​kap tal-​kongregazzjoni, billi hu s-​salvatur taʼ dan il-​ġisem.”—EFES. 5:23.

GĦANJA 137 Aħwa Kristjani, nisa leali

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Il-​poplu taʼ Ġeħova għala hu magħqud?

AĦNA ferħanin minħabba li nagħmlu parti mill-​poplu taʼ Ġeħova. Il-​familja taʼ Ġeħova għala hi daqshekk magħquda? Raġuni waħda hi għax kull wieħed u waħda minna jirrispetta l-​arranġament taʼ kap li għamel Ġeħova. Fil-​fatt, iktar ma nifhmu x’inhi l-​awtorità li xi wħud għandhom, iktar se nkunu magħqudin.

2. Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-​artiklu?

2 F’dan l-​artiklu se niddiskutu min għandu l-​awtorità fil-​kongregazzjoni. Se naraw ukoll it-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet: Xi rwol għandhom l-​aħwa nisa fil-​kongregazzjoni? Kull ħu hu l-​kap taʼ kull oħt fil-​kongregazzjoni? U l-​awtorità li għandhom l-​anzjani fuq l-​aħwa hi l-​istess bħal dik li għandhom il-​kapijiet tal-​familja fuq il-​mara u t-​tfal? L-​ewwel, ejja nikkunsidraw kif għandha tkun l-​attitudni tagħna lejn l-​aħwa nisa.

KIF GĦANDNA NQISU LILL-​AĦWA NISA?

3. X’se jgħinna napprezzaw iktar ix-​xogħol li jagħmlu l-​aħwa nisa?

3 Aħna napprezzaw l-​aħwa nisa li jaħdmu iebes biex jieħdu ħsieb il-​familja, jippritkaw, u jgħinu lill-​oħrajn fil-​kongregazzjoni. Imma se napprezzawhom iktar jekk naħsbu dwar kif iqisuhom Ġeħova u Ġesù. Se nitgħallmu wkoll kif għandna nittrattaw lin-​nisa billi naraw kif l-​appostlu Pawlu ttrattahom.

4. Il-​Bibbja kif turi li Ġeħova jqis lin-​nisa importanti daqs l-​irġiel?

4 Il-​Bibbja turina li Ġeħova jqis lin-​nisa importanti daqs l-​irġiel. Pereżempju, fi żmien l-​appostli, Ġeħova ta l-​ispirtu qaddis lill-​irġiel kif ukoll lin-​nisa biex ikunu jistgħu jagħmlu affarijiet tal-​għaġeb, bħal li jitkellmu b’lingwi differenti. (Atti 2:1-​4, 15-​18) Nisa u anki rġiel ġew midlukin bl-​ispirtu qaddis u se jmexxu maʼ Kristu. (Gal. 3:26-​29) Nisa u rġiel se jirċievu l-​premju li jgħixu għal dejjem fuq l-​art. (Riv. 7:9, 10, 13-​15) U kemm in-​nisa u kif ukoll l-​irġiel ingħataw il-​kmand biex jippritkaw u jgħallmu l-​aħbar tajba. (Mt. 28:19, 20) Fil-​fatt, il-​ktieb tal-​Atti jitkellem dwar oħt jisimha Prixilla. Hi u r-​raġel tagħha, Akwila, spjegaw il-​verità b’mod ċar lil Apollo li kien raġel intelliġenti ħafna.—Atti 18:24-​26.

5. Luqa 10:38, 39, u 42, kif juri li Ġesù rrispetta lin-​nisa?

5 Ġesù rrispetta lin-​nisa. Hu m’għamilx bħall-​Fariżej, li għallmu li n-​nisa mhux importanti daqs l-​irġiel. Barra minn hekk, huma ma kinux jitkellmu man-​nisa fil-​pubbliku u qatt ma kienu jitkellmu magħhom dwar l-​Iskrittura. Minflok, Ġesù ddiskuta veritajiet importanti kemm man-​nisa kif ukoll mal-​irġiel. * (Aqra Luqa 10:38, 39, 42.) Hu anki ħalla lin-​nisa jivvjaġġaw miegħu meta kien imur jipprietka. (Lq. 8:1-​3) U Ġesù tahom il-​privileġġ biex jgħidu lill-​appostli li hu ġie rxoxtat.—Ġw. 20:16-​18.

6. L-​appostlu Pawlu kif wera li jirrispetta lin-​nisa?

6 L-​appostlu Pawlu fakkar lil Timotju biex jirrispetta lin-​nisa. Pawlu qallu biex jittratta lin-​“nisa xjuħ bħala ommijiet” u lin-​“nisa żgħażagħ bħala aħwa.” (1 Tim. 5:1, 2) Minkejja li Pawlu għenu ħafna biex ikollu fidi soda, hu kien jaf li ommu u nanntu kienu l-​ewwel tnejn li għallmuh “il-​kitba qaddisa.” (2 Tim. 1:5; 3:14, 15) Ukoll, Pawlu semma lill-​aħwa nisa b’isimhom fl-​ittra tiegħu lir-​Rumani. Hu nnota x’għamlu dawn l-​aħwa u qal ukoll li kien grat għax-​xogħol tagħhom.—Rum. 16:1-​4, 6, 12; Flp. 4:3.

7. Issa liema mistoqsijiet se nwieġbu?

7 Fil-​paragrafi taʼ qabel rajna li l-​Bibbja ma tgħidx li l-​irġiel huma importanti iktar min-​nisa. Bi mħabba u b’żelu, l-​aħwa nisa jgħinu ħafna fil-​kongregazzjoni, u l-​anzjani japprezzaw l-​għajnuna tagħhom biex il-​kongregazzjoni tibqaʼ magħquda u fil-​paċi. Imma xorta għad irridu nwieġbu dawn il-​mistoqsijiet: Ġeħova għala jitlob li kultant oħt tgħatti rasha? Peress li l-​aħwa rġiel biss huma maħturin bħala anzjani u qaddejja ministerjali, ifisser dan li kull ħu hu l-​kap taʼ kull oħt fil-​kongregazzjoni?

KULL ĦU HU L-​KAP TAʼ KULL OĦT FIL-​KONGREGAZZJONI?

8. Skont Efesin 5:23, hu kull ħu l-​kap taʼ kull oħt fil-​kongregazzjoni? Spjega.

8 Hu kull ħu l-​kap taʼ kull oħt fil-​kongregazzjoni? Le! Il-​kap tal-​aħwa nisa fil-​kongregazzjoni hu Kristu. (Aqra Efesin 5:23.) Fil-​familja, ir-​raġel għandu l-​awtorità fuq il-​mara tiegħu. Imma, tifel mgħammed mhux il-​kap taʼ ommu. (Efes. 6:1, 2) U fil-​kongregazzjoni, l-​awtorità tal-​anzjani fuq l-​aħwa hi limitata. (1 Tess. 5:12; Ebr. 13:17) Xi ngħidu għal oħt single li m’għadhiex tgħix mal-​ġenituri tagħha? Għalkemm hi tibqaʼ tirrispetta lill-​ġenituri, missierha m’għadux il-​kap tagħha. U hi tirrispetta lill-​anzjani fil-​kongregazzjoni, però l-​kap tagħha hu Ġesù.

Aħwa single li m’għadhomx jgħixu mal-​ġenituri huma taħt l-​awtorità taʼ Ġesù (Ara paragrafu 8)

9. Għala xi kultant l-​aħwa nisa jridu jgħattu rashom?

9 Ġeħova ħatar lill-​irġiel biex jieħdu t-​tmexxija u jgħallmu fil-​kongregazzjoni, u mhux lin-​nisa. (1 Tim. 2:12) Għala? Għall-​istess raġuni li hu ħatar lil Ġesù biex ikun il-​kap tar-​raġel ħalli l-​kongregazzjoni tkun organizzata. Jekk minħabba xi ċirkustanzi oħt tagħmel xi ħaġa li normalment jagħmilha ħu, Ġeħova jitlob li hi tgħatti rasha. * (1 Kor. 11:4-​7) Ġeħova jrid li l-​aħwa nisa jagħmlu dan biex juruh li huma jirrispettaw il-​livelli tiegħu, u mhux biex iħossuhom inferjuri. B’dawn il-​punti f’moħħna, ejja nwieġbu l-​mistoqsija: Il-​kapijiet tal-​familja u l-​anzjani kemm għandhom awtorità?

L-​IRWOLI TAL-​KAPIJIET TAL-​FAMILJA U TAL-​ANZJANI FIL-​KONGREGAZZJONI

10. Anzjan għala kultant jaf ikun irid jagħmel regoli għall-​kongregazzjoni?

10 L-​anzjani jħobbu lil Kristu, u huma jħobbu lin-​“nagħaġ” li Ġeħova u Ġesù talbuhom jieħdu ħsieb. (Ġw. 21:15-​17) Minħabba li anzjan jimpurtah mill-​kongregazzjoni, b’intenzjoni tajba hu jaf jaħseb li jistaʼ jkun bħal missier għall-​aħwa fil-​kongregazzjoni. Allura, minħabba li kap taʼ familja għandu d-​dritt jagħmel regoli biex jipproteġi lill-​familja tiegħu, anzjan forsi jaħseb li jistaʼ jagħmel regoli li jistgħu jipproteġu n-​nagħaġ t’Alla. U xi aħwa jaf jinkuraġġixxu xi anzjani biex jagħmlu hekk billi jistaqsuhom biex jieħdu deċiżjonijiet għalihom. Imma l-​awtorità li għandhom l-​anzjani u l-​kapijiet tal-​familja hi l-​istess?

L-​anzjani jieħdu ħsieb li l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jħobbu lil Ġeħova u jħossuhom maħbubin. Ġeħova tahom ir-​responsabbiltà li jżommu l-​kongregazzjoni nadifa (Ara paragrafi 11-​12)

11. L-​awtorità tal-​kapijiet tal-​familja u tal-​anzjani sa ċertu punt kif hi l-​istess?

11 L-​appostlu Pawlu wera li l-​awtorità tal-​kapijiet tal-​familja u tal-​anzjani sa ċertu punt hi l-​istess. (1 Tim. 3:4, 5) Pereżempju, Ġeħova jrid li l-​membri tal-​familja jobdu lill-​kap tal-​familja. (Kol. 3:20) U jrid ukoll li l-​aħwa fil-​kongregazzjoni jobdu lill-​anzjani. Ġeħova jistenna li l-​kapijiet tal-​familja u l-​anzjani jgħallmu lil dawk li jieħdu ħsieb iħobbu lilu. Ukoll, li dawk fil-​familja u fil-​kongregazzjoni jħossuhom maħbubin. U bħal kap taʼ familja tajjeb, anzjan jgħin lill-​aħwa meta jkollhom il-​problemi. (Ġak. 2:15-​17) Barra minn hekk, Ġeħova jistenna li l-​anzjani u l-​kapijiet tal-​familja jgħinu lill-​oħrajn jobdu l-​liġijiet tiegħu. Hu jwissihom ukoll biex ‘ma jmorrux lil hinn minn dak li hemm miktub’ fil-​Bibbja.—1 Kor. 4:6.

Kap taʼ familja ngħata awtorità minn Ġeħova biex jieħu ħsieb il-​familja tiegħu. Qabel jieħu deċiżjoni, raġel li jħobb lil familtu jitkellem maʼ martu (Ara paragrafu 13)

12-13. Kif naraw f’​Rumani 7:2, l-​irwol tal-​kapijiet tal-​familja kif inhu differenti minn tal-​anzjani?

12 Però, l-​irwol taʼ anzjan hu differenti ħafna mill-​irwol taʼ kap taʼ familja. Pereżempju, Ġeħova ta r-​responsabbiltà lill-​anzjani biex jiġġudikaw, u mhux lill-​kapijiet tal-​familja. Hu tahom ukoll ir-​responsabbiltà biex ineħħu lil dawk li ma jkunux iridu jindmu mill-​kongregazzjoni.—1 Kor. 5:11-​13.

13 Mill-​banda l-​oħra, Ġeħova ta xi awtorità lill-​kapijiet tal-​familja li l-​anzjani m’għandhomx. Kap taʼ familja għandu l-​awtorità biex jagħmel regoli għall-​familja tiegħu u jagħmel ċert li huma jsegwuhom. (Aqra Rumani 7:2.) Pereżempju, hu jistaʼ jiddeċiedi fi x’ħin it-​tfal tiegħu għandhom jidħlu d-​dar. Hu għandu wkoll id-​dritt li jiddixxiplina lit-​tfal tiegħu jekk ma jobdux din ir-​regola. (Efes. 6:1) Bla dubju, qabel kap taʼ familja jieħu deċiżjoni, hu għandu jitkellem mal-​mara tiegħu, għax it-​tnejn huma “ġisem wieħed.” *Mt. 19:6.

IRRISPETTA LIL KRISTU GĦAX HU L-​KAP TAL-​KONGREGAZZJONI

Ġesù, taħt l-​awtorità taʼ Ġeħova, jagħti d-​direzzjoni lill-​kongregazzjoni Kristjana (Ara paragrafu 14)

14. (a) Skont Marku 10:45, Ġeħova għala kellu raġun jagħmel lil Ġesù l-​kap tal-​kongregazzjoni? (b) X’inhi r-​responsabbiltà tal-​Ġemgħa li Tiggverna? (Ara l-​kaxxa “ L-​Irwol tal-​Ġemgħa li Tiggverna.”)

14 Permezz tal-​fidwa, Ġeħova xtara l-​ħajja taʼ kull individwu fil-​kongregazzjoni u taʼ kull min ipoġġi l-​fidi f’Ġesù. (Aqra Marku 10:45; Atti 20:28; 1 Kor. 15:21, 22) Għalhekk, bir-​raġun li hu għamel lil Ġesù, li ta ħajtu għalina, il-​kap tal-​kongregazzjoni. Bħala l-​kap tagħna, Ġesù għandu l-​awtorità li jagħmel regoli dwar x’għandhom jagħmlu n-​nies, il-​familji, u l-​kongregazzjonijiet kollha. U hu għandu d-​dritt jara li aħna nobduhom. (Gal. 6:2) Imma Ġesù mhux biss jagħmel ir-​regoli, hu jħobbna u jimpurtah minn kull wieħed u waħda minna.—Efes. 5:29.

15-16. X’titgħallem minn dak li qalet oħt jisimha Marley u ħu jismu Benjamin?

15 L-​aħwa nisa juru li jirrispettaw lil Kristu billi jsegwu d-​direzzjoni li jingħataw mill-​irġiel li hu ħatar. Ħafna aħwa nisa jaqblu maʼ Marley, oħt li tgħix fl-​Istati Uniti. Hi tgħid: “Ir-​responsabbiltajiet tiegħi bħala mara miżżewġa u oħt fil-​kongregazzjoni huma prezzjużi għalija. Irrid nibqaʼ naħdem iebes biex nirrispetta l-​awtorità li Ġeħova ta lir-​raġel tiegħi u lill-​anzjani. U huma jagħmluhieli faċli biex nagħmel dan, għax jirrispettawni u juruni li japprezzaw ix-​xogħol li nagħmel.”

16 L-​aħwa rġiel juru li jifhmu l-​arranġament taʼ Ġeħova dwar l-​awtorità, billi jirrispettaw lill-​aħwa nisa. Benjamin, ħu li jgħix fl-​Ingilterra, jgħid: “Jien tgħallimt ħafna mill-​kummenti tal-​aħwa nisa waqt il-​laqgħat, mill-​pariri tagħhom dwar kif nistudja, u kif nipprietka u ngħallem aħjar. Ix-​xogħol li jagħmlu huma hu imprezzabbli.”

17. Għala għandna nirrispettaw il-​fatt li Ġeħova ta xi awtorità lil oħrajn?

17 Meta kull raġel, mara, kap taʼ familja, u anzjan jirrispettaw l-​fatt li Ġeħova ta xi awtorità lil oħrajn, se jkun hemm il-​paċi fil-​kongregazzjoni. U l-​iktar ħaġa importanti hi li dan iġib tifħir lil Missierna tas-​sema kollu mħabba Ġeħova.—Salm 150:6.

GĦANJA 123 Sottomissjoni b’lealtà għall-​ordni teokratiku

^ par. 5 Xi rwol għandhom l-​aħwa nisa fil-​kongregazzjoni? Kull ħu hu l-​kap taʼ kull oħt fil-​kongregazzjoni? U l-​awtorità li għandhom l-​anzjani fil-​kongregazzjoni hi l-​istess bħal tal-​kapijiet tal-​familja? F’dan l-​artiklu se naraw kif il-​Bibbja twieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

^ par. 5 Ara paragrafu 6 tal-​artiklu “Inkuraġġixxi lill-​Aħwa Nisa fil-​Kongregazzjoni Tiegħek,” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa taʼ Settembru 2020.

^ par. 13 Għal iktar informazzjoni dwar min għandu jiddeċiedi f’liema kongregazzjoni l-​familja għandha tkun, ara paragrafi 17-​19 tal-​artiklu “Irrispetta lil Kulħadd fil-​Kongregazzjoni taʼ Ġeħova,” fil-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa t’Awwissu 2020.

^ par. 59 Għal iktar informazzjoni dwar dan is-​suġġett, ara l-​ktieb Żommu Ruħkom fl-​Imħabba t’Alla,” pp. 209-​212.

^ par. 64 Għall-​informazzjoni sħiħa dwar ir-​responsabbiltà li għandha l-​Ġemgħa li Tiggverna, ara l-​ħarġa taʼ It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Lulju 2013, pp. 20-​25.