Mistoqsijiet mill-Qarrejja
Il-Kristjani għaliex għandhom joqogħdu attenti meta jużaw apps biex jibagħtu u jirċievu l-messaġġi?
Xi aħwa jużaw it-teknoloġija biex iżommu kuntatt maʼ tal-familja jew m’aħwa oħrajn. Imma Kristjan matur se jżomm dan il-parir f’moħħu: “Min hu prudenti ra l-gwaj u nħeba; dawk taʼ bla esperjenza baqgħu sejrin u ħallsu l-piena.”—Prov. 27:12.
Aħna napprezzaw li Ġeħova jrid jipproteġina. Għalhekk, aħna ma nagħmluhiex maʼ dawk li jħobbu jaqilgħu l-problemi, maʼ dawk li huma maqtugħin mis-sħubija, jew maʼ dawk li jiddubitaw mit-tagħlim tagħna. (Rum. 16:17; 1 Kor. 5:11; 2 Ġw. 10, 11) Però, meta niġu biex nagħżlu l-ħbieb, għandna nżommu dan f’moħħna: Xi wħud li jassoċjaw mal-aħwa jaf ma jkunux qegħdin jobdu l-liġijiet tal-Bibbja. (2 Tim. 2:20, 21) Imma jistaʼ jkun diffiċli biex nagħżlu ħbieb tajbin jekk qegħdin nitkellmu magħhom bl-apps tal-messaġġi.
Irridu noqogħdu attenti biex nagħżlu ħbieb tajbin speċjalment meta nkunu fi grupp kbir. Ħafna aħwa daħlu fi gruppi kbar u kellhom riżultati ħżiena. Kif tistaʼ toqgħod attent għal min hemm fil-grupp jekk ikun hemm mijiet jew eluf? Huwa impossibbli li tkun taf sew lil kulħadd u tkun taf jekk humiex spiritwali. Salm 26:4 jgħid: “Jien ma poġġejtx maʼ nies li ma jgħidux il-verità; u ma nimxix maʼ dawk li jaħbu x’inhuma.” Dan juri li jkun għaqli li nibagħtu messaġġi biss lil dawk li nafu.
Anki jekk il-grupp ikun żgħir, Kristjan irid joqgħod attent kemm iqattaʼ ħin jibgħat il-messaġġi u dwar xiex ikunu qegħdin jitkellmu fuq il-grupp. Ma rridux naħsbu li għandna nwieġbu kull messaġġ, ikun xi jkun is-suġġett. U rridu noqogħdu attenti kemm qegħdin inqattgħu ħin fuq l-app. Pawlu wissa lil Timotju dwar uħud li “jseksku u jindaħlu fi ħwejjeġ ħaddieħor.” (1 Tim. 5:13) Illum, tistaʼ tindaħal fi ħwejjeġ ħaddieħor permezz tal-messaġġi fuq l-apps.
Kristjan matur mhux se joqgħod jismaʼ lil min jikkritika jew jagħmel dan hu. U mhux se jgħid jew jismaʼ affarijiet kunfidenzjali dwar l-aħwa. (Salm 15:3; Prov. 20:19) Ukoll, Kristjan mhux se jismaʼ jew ixerred stejjer li ma jkunux veri. (Efes. 4:25) Aħna għandna ħafna informazzjoni u rapporti li nistgħu nafdaw fuq il-website jw.org u l-programmi taʼ kull xahar fuq JW Broadcasting®.
Xi aħwa jużaw dawn l-apps tal-messaġġi biex ibigħu, jixtru, jirreklamaw, jew joffru xogħol lin-nies. Dawn huma affarijiet li għandhom x’jaqsmu man-negozju, u m’għandhomx x’jaqsmu mal-qima tagħna lil Ġeħova. Kristjan li jrid ikun ‘ħieles mill-imħabba għall-flus’ qatt mhu se juża lill-aħwa biex jipprova jagħmel il-flus minn fuqhom.
Għandna nużaw dawn l-apps tal-messaġġi biex niġbru flus għall-aħwa li huma fil-bżonn jew għal dawk li jesperjenzaw xi diżastru naturali? Bla dubju, lil dawn l-aħwa li għandhom bżonn l-għajnuna nħobbuhom u spiss ngħinuhom. (Ġak. 2:15, 16) Imma jekk tipprova tagħmel dan permezz taʼ grupp kbir, tistaʼ tagħmilha diffiċli iktar biex l-uffiċċju tal-fergħa jew il-kongregazzjoni tgħinhom. (1 Tim. 5:3, 4, 9, 10, 16) U żgur li ħadd minna ma jrid jagħti l-impressjoni li ġie magħżul b’mod speċjali biex jgħin lil dawn l-aħwa.
Aħna nixtiequ nagħmlu kollox għall-glorja t’Alla. (1 Kor. 10:31) Għalhekk, meta tkun se tuża xi app tal-messaġġi jew apps oħrajn, oqgħod attent mill-perikli.