Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 15

X’Nitgħallmu mill-​Kliem li Qal Ġesù Qabel Miet?

X’Nitgħallmu mill-​Kliem li Qal Ġesù Qabel Miet?

“Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt; isimgħu minnu.”—MT. 17:5.

GĦANJA 17 ‘Irrid żgur’

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Minn xiex għadda Ġesù qabel qal l-​aħħar kliem tiegħu?

MADWAR elfejn sena ilu, fl-​14 taʼ Nisan, Ġesù ġie akkużat b’mod falz u qatgħuhielu għall-​mewt. Wara li waqqgħuh għaċ-​ċajt u għajruh, is-​suldati qabduh u sammruh maz-​zokk tat-​tortura. Maʼ kull nifs li jieħu u maʼ kull kelma li jgħid iħoss uġigħ kbir. Imma minkejja dan l-​uġigħ, hu ried jgħid xi ħaġa importanti ħafna.

2 Issa ejja naraw x’qal Ġesù ħalli nkunu nistgħu ‘nisimgħu minnu’ u naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem tiegħu.—Mt. 17:5.

“MISSIER, AĦFRILHOM”

3. Meta Ġesù qal: “Missier, aħfrilhom,” għal min x’aktarx kien qed jirreferi?

3 Ġesù x’qal? Meta kien qiegħed imut fuq iz-​zokk tat-​tortura, Ġesù talab: “Missier, aħfrilhom.” Jaħfer lil min? Dak li Ġesù qal wara jgħinna nifhmu għal min kien qed jirreferi. Hu qal: “Ma jafux x’qed jagħmlu.” (Lq. 23:33, 34) Ġesù x’aktarx kien qed jgħid dan il-​kliem għas-​suldati Rumani li sammrulu l-​imsiemer f’idejh u f’saqajh. Huma ma kinux jafu lil min qed joqtlu. Hu jaf kellu wkoll f’moħħu xi wħud mill-​folla li l-​ewwel riedu joqtluh imma mbagħad bdew jemmnu li kien il-​Kristu. (Atti 2:36-​38) Ġesù ma kienx ħaqqu jmut, imma hu ma ħadhiex kontra dawk li qatluh. (1 Pt. 2:23) Minflok, talab lil Missieru biex jaħfrilhom.

4. Il-​fatt li Ġesù kien lest li jaħfer lil dawk li qatluh x’jgħallimna?

4 X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù? Bħal Ġesù, aħna rridu nkunu lesti li naħfru. (Kol. 3:13) Xi wħud li ma jaċċettawx it-​twemmin tagħna u l-​mod kif ngħixu ħajjitna jistgħu jkunu tal-​familja stess. Huma jaf jgħajruna, jigdbu dwarna, jarmulna l-​kotba li jkollna, jew jhedduna li se jagħmlulna xi ħaġa. Imma minflok niħduha kontrihom, irridu nitolbu lil Ġeħova biex jgħinhom jifhmu li għandna l-​verità u forsi xi darba jaċċettawha. (Mt. 5:44, 45) Kultant ma jkunx faċli biex naħfru, speċjalment meta jkunu ttrattawna ħażin ħafna. Imma jekk nibqgħu rrabjati u ma naħfrux, se nbatu aħna stess. Oħt tgħid: “Meta naħfer lill-​oħrajn mhux għax naqbel maʼ dak li għamluli, imma għax naf li hi l-​aħjar ħaġa li nistaʼ nagħmel.” (Salm 37:8) Meta nagħżlu li naħfru, ma nkunux qed inħallu l-​affarijiet ħżiena li ġrawlna jtellfulna l-​ferħ.—Efes. 4:31, 32.

“INT TKUN FIL-​ĠENNA MIEGĦI”

5. Ġesù liema wegħda għamillu lil wieħed mill-​kriminali, u għala?

5 Ġesù x’qal? Żewġ kriminali ngħataw is-​sentenza għall-​mewt maʼ Ġesù. Għall-​ewwel, it-​tnejn li huma bdew iwaqqgħuh għaċ-​ċajt. (Mt. 27:44) Imma mbagħad, wieħed minnhom induna li kien qed jiżbalja. Hu rrealizza li Ġesù ma kien għamel xejn ħażin. (Lq. 23:40, 41) Minn dak li qal wara nistgħu naraw li hu emmen li Ġesù se jiġi rxoxtat u jkun sultan. Hu qal lil Ġesù: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol fis-​saltna tiegħek.” (Lq. 23:42) Nistgħu naraw li dan ir-​raġel wera fidi kbira. Imbagħad Ġesù wieġbu: “Tassew ngħidlek illum, Int tkun fil-​Ġenna miegħi.” (Lq. 23:43) Innota li meta Ġesù qal il-​kliem “ngħidlek,” “int,” u “miegħi” kien qed jagħmel wegħda personali miegħu. Peress li Ġesù kien jaf li Missieru ħanin lil dan il-​kriminal tah tama.—Salm 103:8.

6. X’nitgħallmu minn dak li qal Ġesù lill-​kriminal?

6 X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù? Ġesù hu eżatt bħal Missieru. (Ebr. 1:3) Ġeħova hu lest li jaħfrilna u jurina ħniena jekk aħna nuru li ddispjaċiena għall-​affarijiet ħżiena li għamilna fil-​passat u jekk nemmnu li Ġesù miet biex ipatti għad-​dnubiet tagħna. (1 Ġw. 1:7) Xi wħud isibuha diffiċli biex jemmnu li Ġeħova jistaʼ jaħfrilhom id-​dnubiet li għamlu fil-​passat. Jekk ġieli tħossok hekk, aħseb dwar dan: Ftit qabel miet, Ġesù wera ħniena mal-​kriminal li kien għadu kif beda jemmen fih. Allura kemm se juri iktar ħniena Ġeħova maʼ dawk il-​qaddejja leali li qed jagħmlu l-​almu tagħhom biex jobduh!—Salm 51:1; 1 Ġw. 2:1, 2.

“ARA! IBNEK! . . . ARA! OMMOK!”

7. Fi Ġwanni 19:26, 27, Ġesù x’qal lil Marija u lil Ġwanni, u għala?

7 Ġesù x’qal? (Aqra Ġwanni 19:26, 27.) Minħabba li ommu x’aktarx kienet armla, Ġesù ried jieħu ħsiebha. Ħutu forsi setgħu jipprovdulha l-​affarijiet materjali. Imma min kien se jgħinha tibqaʼ leali lejn Ġeħova? Sa dakinhar ma nafux jekk it-​tfal tagħha kinux saru dixxipli taʼ Ġesù. Madankollu, Ġwanni kien appostlu leali u ħabib kbir taʼ Ġesù. Ġesù kien iqis lil dawk leali lejn Ġeħova bħala wħud tal-​familja. (Mt. 12:46-​50) Ġesù kien iħobbha ħafna lil ommu u hu kien jaf li Ġwanni kien se jgħinha tibqaʼ qrib Ġeħova, u għalhekk qallu biex jieħu ħsiebha. Lil ommu qalilha: “Ara! Ibnek!” U lil Ġwanni qallu: “Ara! Ommok!” Minn dakinhar, Ġwanni baqaʼ jieħu ħsieb Marija daqslikieku kienet ommu. Dan jurina kemm Ġesù kien iħobb lil ommu li ħadet ħsiebu minn meta twieled sa ma miet.

8. X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li Ġesù qal lil Marija u lil Ġwanni?

8 X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù? Ir-​rabta li jkollna mal-​aħwa tistaʼ tkun iktar b’saħħitha mir-​rabta li jkollna maʼ tal-​familja. Tal-​familja jistgħu jiħduha kontrina u jabbandunawna. Imma Ġesù jwegħedna li jekk aħna nibqgħu qrib Ġeħova u l-​organizzazzjoni tiegħu, se jkollna “mitt darba iktar.” Ħafna se jsiru bħal missirijiet, ommijiet, jew tfal għalina. (Mk. 10:29, 30) Kif tħossok meta taħseb dwar l-​aħwa li għandek fil-​kongregazzjoni li huma magħqudin għax għandhom il-​fidi, iħobbu lil Ġeħova, u jħobbu lil xulxin?—Kol. 3:14; 1 Pt. 2:17.

“ALLA TIEGĦI, GĦALA ABBANDUNAJTNI?”

9. X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 27:46?

9 Ġesù x’qal? Ftit qabel miet, Ġesù qal: “Alla tiegħi, Alla tiegħi, għala abbandunajtni?” (Mt. 27:46) Il-​Bibbja ma tgħidilniex għala Ġesù qal dan il-​kliem. Imma ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu minnu. Xi ħaġa li nitgħallmu hi li Ġesù wettaq il-​profezija li nsibu f’​Salm 22:1. * Nitgħallmu wkoll li Ġeħova ma pproteġiex lil Ibnu minn kollox. (Ġob 1:10) Ġesù kien jaf li Missieru ppermetta dan biex juri li hu setaʼ jibqaʼ leali sal-​mewt. Hu tajjeb li niftakru li ebda bniedem ma għadda minn dak li għadda minnu Ġesù. Barra minn hekk, dan il-​kliem juri li hu ma kien għamel xejn ħażin u li ma kienx ħaqqu l-​mewt.

10. Liema lezzjonijiet nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li Ġesù qal lil Missieru?

10 X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù? Lezzjoni li nistgħu nitgħallmu hi li Ġeħova mhux se jipproteġina mill-​provi kollha li niffaċċjaw. Bħalma Ġesù baqaʼ leali sal-​mewt, aħna wkoll irridu nkunu ppreparati biex nibqgħu leali sal-​mewt. (Mt. 16:24, 25) Però, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova mhux se jħallina niġu ttantati iktar milli nifilħu. (1 Kor. 10:13) Lezzjoni oħra li nitgħallmu hi li bħal Ġesù aħna wkoll nistgħu nbatu minkejja li ma nkunu għamilna xejn ħażin. (1 Pt. 2:19, 20) Dawk li jiħduha kontrina jagħmlu hekk mhux għax inkunu għamilna xi ħaġa ħażina, imma għax m’aħniex parti mid-​dinja u nippritkaw il-​verità. (Ġw. 17:14; 1 Pt. 4:15, 16) Ġesù fehem għala Ġeħova ħallieh jgħaddi minn dik it-​tbatija. Imma kultant, xi qaddejja taʼ Ġeħova ma jifhmux għala Alla jippermetti ċerti affarijiet. (Ħab. 1:3) Missierna kollu mħabba, Ġeħova, jaf li dawn il-​qaddejja mhux għax m’għandhomx fidi jħossuhom hekk, imma għax għandhom bżonn min jinkuraġġihom.—2 Kor. 1:3, 4.

“GĦANDI L-​GĦATX”

11. Ġesù għala qal il-​kliem li nsibu fi Ġwanni 19:28?

11 Ġesù x’qal? (Aqra Ġwanni 19:28.) Ġesù għala qal: “Għandi l-​għatx”? Hu qal dan il-​kliem biex titwettaq l-​iskrittura taʼ Salm 22:15, li tgħid: “Saħħti nixfitli bħal biċċa fuħħar, u lsieni weħilli mas-​saqaf taʼ ħalqi.” Ukoll, wara dik it-​tbatija kollha li għadda minnha, hu żgur li kien bil-​għatx u kellu bżonn jixrob. Għalhekk, kellu bżonn l-​għajnuna taʼ xi ħadd biex jagħtih xi ħaġa x’jixrob.

12. X’nitgħallmu mill-​kliem taʼ Ġesù “għandi l-​għatx”?

12 X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù? Ġesù ma ddejjaqx jgħid kif kien qed iħossu, u bħalu m’għandniex niddejqu ngħidu kif qed inħossuna. Kultant forsi ma nħossuniex komdi ngħidu x’għandna bżonn. Imma jekk ikollna bżonn l-​għajnuna ma fiha xejn ħażin billi ngħidu lil ħutna. Pereżempju, jekk aħna kbar fl-​età jew għandna saħħa batuta jaf ikollna bżonn l-​għajnuna taʼ xi ħu jew oħt biex tiħodna nagħmlu l-​qadi jew għand it-​tabib. U jekk inħossuna mdejqin jew skuraġġiti, jaf ikollna bżonn nitolbu l-​għajnuna taʼ xi anzjan jew taʼ xi Kristjan matur biex jismagħna jew jinkuraġġina. (Prov. 12:25) Tinsiex, l-​aħwa jħobbuk u huma qegħdin hemm biex jgħinuk fi żmien taʼ niket. (Prov. 17:17) Imma huma ma jafux x’qed naħsbu jew x’qed inħossu, u jekk ma ngħidulhomx mhux se jkunu jistgħu jgħinuna.

“TWETTAQ!”

13. Ġesù xi rnexxielu jwettaq billi baqaʼ leali sal-​mewt?

13 Ġesù x’qal? Fl-​14 taʼ Nisan, għall-​ħabta tat-​tlieta taʼ waranofsinhar Ġesù għajjat: “Twettaq!” (Ġw. 19:30) Il-​kliem taʼ Ġesù jurina li qabel miet, hu kien jaf li għamel dak kollu li ried Ġeħova. Ġesù xi rnexxielu jwettaq billi baqaʼ leali sal-​mewt? L-​ewwel, Ġesù wera li Satana hu giddieb, u jagħmel x’jagħmel Satana, bniedem perfett jistaʼ jibqaʼ leali. It-​tieni, hu ta ħajtu bħala fidwa, u għalhekk bnedmin imperfetti jistaʼ jkollhom ħbiberija maʼ Ġeħova u t-​tama għall-​ħajja taʼ dejjem. U t-​tielet, Ġesù neħħa t-​tmaqdir minn fuq isem Missieru u wera li Ġeħova hu mexxej ġust.

14. Kif irridu ngħixu kull ġurnata taʼ ħajjitna? Spjega.

14 X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù? Aħna rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibqgħu leali lejn Ġeħova kuljum. Ikkunsidra l-​kummenti taʼ Ħuna Maxwell Friend, li kien jgħallem fl-​Iskola taʼ Gilegħad. Waqt assemblea internazzjonali, Ħuna Friend qal hekk dwar il-​lealtà: “Dak li tistaʼ tagħmel illum tħallihx għal għada, għax ma tafx hux se tibqaʼ ħaj. Kull ġurnata taʼ ħajtek uri lil Ġeħova li int ħaqqek tgħix għal dejjem.” Mela jalla nibqgħu leali kull ġurnata taʼ ħajjitna! Imbagħad, anki jekk niffaċċjaw il-​mewt se nkunu nistgħu ngħidu, “Ġeħova, għamilt l-​almu tiegħi biex nibqaʼ leali lejk, noħroġ lil Satana taʼ giddieb, ma nġibx tmaqdir fuq ismek, u nuri li int mexxej ġust!”

“F’IDEJK NAFDA L-​ISPIRTU TIEGĦI”

15. Skont Luqa 23:46, Ġesù minn xiex kien ċert?

15 Ġesù x’qal? (Aqra Luqa 23:46.) Ġesù qal, “Missier, f’idejk nafda l-​ispirtu tiegħi.” Hu kien jaf li ħajtu kienet f’idejn Ġeħova u kien ċert li Missieru kien se jiftakar fih.

16. X’tgħallimt mill-​esperjenza taʼ Joshua?

16 X’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù? Ibqaʼ leali lejn Ġeħova anki jekk ikun hemm ħajtek fin-​nofs. Biex tagħmel hekk, inti trid ‘tafda f’Ġeħova b’qalbek kollha.’ (Prov. 3:5) Aħseb dwar l-​eżempju taʼ Joshua, ħu żagħżugħ taʼ 15-​il sena li kien marid serjament. Hu m’aċċettax kura li kienet se tmur kontra l-​liġi taʼ Ġeħova. Ftit qabel ma miet, hu qal lil ommu: “Ma, Ġeħova ħa jieħu ħsiebi. . . . Ma, jien ċert li Ġeħova se jqajjimni mill-​mewt. Hu jaf x’hemm f’qalbi u jaf kemm inħobbu.” * Tajjeb nistaqsu lilna nfusna, ‘Jekk il-​fidi tiegħi tiġi ttestjata sal-​punt li nkun se mmut, se nibqaʼ leali lejn Ġeħova?’

17-18. X’lezzjonijiet tgħallimna? (Ara wkoll il-​kaxxa “ X’Nitgħallmu mill-​Kliem li Qal Ġesù Qabel Miet?”)

17 X’lezzjonijiet importanti tgħallimna mill-​kliem li qal Ġesù qabel miet! L-​ewwel rajna kemm hu importanti li naħfru lil xulxin u kemm Ġeħova hu dejjem lest li jaħfrilna. Grazzi li nagħmlu parti mill-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova għandna ħafna aħwa li lesti biex jgħinuna. Imma bħalma rajna, jekk ikollna bżonn l-​għajnuna m’għandniex niddejqu ngħidulhom. Aħna nafu li Ġeħova se jgħinna nissaportu kull problema li niffaċċjaw. U rajna kemm hu importanti li nibqgħu leali lejn Ġeħova kull jum taʼ ħajjitna, konvinti li jekk immutu Ġeħova se jqajjimna.

18 Kemm għandna x’nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù qabel miet! Billi napplikaw il-​lezzjonijiet li tgħallimna, se nkunu qegħdin nobdu l-​kliem li qal Ġeħova dwar Ġesù: “Isimgħu minnu.”—Mt. 17:5.

GĦANJA 126 Imqajmin, sodi, u setgħanin ibqgħu

^ par. 5 Mattew 17:5 jgħidilna li Ġeħova jridna nisimgħu minn Ibnu. F’dan l-​artiklu se naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​kliem li qal Ġesù meta kien qiegħed fuq iz-​zokk tat-​tortura.

^ par. 9 Biex tifhem għala jistaʼ jkun li Ġesù kkwota minn Salm 22:1, ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” f’din il-​ħarġa.

^ par. 16 Ara l-​artiklu “Joshua’s Faith—A Victory for Children’s Rights” fi Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​22 taʼ Jannar 1995.