Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 34

“Duqu” l-Affarijiet Tajbin taʼ Ġeħova—Kif?

“Duqu” l-Affarijiet Tajbin taʼ Ġeħova—Kif?

“Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb; hieni r-​raġel b’saħħtu li jistkenn fih.”—SALM 34:8.

GĦANJA 117 Il-​kwalità tat-​tjubija

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Skont Salm 34:8, kif nistgħu nitgħallmu dwar l-​affarijiet tajbin li jagħtina Ġeħova?

IMMAĠINA li xi ħadd jgħidlek biex idduq xi ħaġa li inti qatt ma pprovajt qabel. Forsi qabel idduqha, inti tħares lejha, ixxommha, tistaqsi kif saret, u jaf tistaqsi wkoll lil oħrajn biex tara jekk togħġobhomx. Imma l-​uniku mod kif tkun taf jekk togħġbokx hu billi dduqha.

2 Aħna nitgħallmu kemm Ġeħova hu tajjeb billi naqraw il-​Bibbja u l-​pubblikazzjonijiet tagħna, kif ukoll billi nisimgħu lil oħrajn jitkellmu dwar l-​affarijiet tajbin li Ġeħova għamel magħhom. Imma se nifhmu kemm Ġeħova hu tajjeb meta aħna ‘nduqu’ l-​affarijiet tajbin tiegħu. (Aqra Salm 34:8.) Ejja nieħdu eżempju wieħed taʼ dan. Immaġina li trid taqdi lil Ġeħova full-​time. Biex tilħaq din il-​mira se jkollok tgħix ħajja sempliċi. Forsi kemm-​il darba qrajt dwar il-​wegħda taʼ Ġesù li jekk tpoġġi s-​Saltna l-​ewwel, Ġeħova se jipprovdilek dak kollu li jkollok bżonn. Imma forsi għadek qatt ma rajt lil Ġeħova jagħmel dan għalik. (Mt. 6:33) Imma għax tafda fil-​wegħda taʼ Ġesù, inti tnaqqas l-​ispejjeż, tagħmel bidliet fl-​iskeda tax-​xogħol tiegħek, u anka tipprova żżid fl-​ippritkar. Meta int tagħmel dan se tara li Ġeħova vera jagħtik dak li għandek bżonn. Imbagħad int se ‘dduq’ l-​affarijiet tajbin taʼ Ġeħova.

3. Fi qbil maʼ Salm 16:1, 2, min jirċievi affarijiet tajbin mingħand Ġeħova?

3 Ġeħova hu “tajjeb maʼ kulħadd,” anki maʼ dawk li ma jafuhx. (Salm 145:9; Mt. 5:45) Imma hu jagħmel ħafna affarijiet tajbin għal dawk li jħobbuh u li jagħmlu dak kollu li jistgħu biex jaqduh. (Aqra Salm 16:1, 2.) Issa ejja naraw xi ftit mill-​affarijiet tajbin li Ġeħova għamel għalina.

4. Lil dawk li jsiru l-​ħbieb tiegħu, Ġeħova x’affarijiet tajbin jagħtihom?

4 Kull darba li napplikaw dak li nitgħallmu minn Ġeħova, aħna naraw kif dan jgħinna fil-​ħajja tagħna. Pereżempju, meta aħna tgħallimna dwaru u bdejna nħobbuh, hu għenna biex ma nibqgħux naħsbu dwar affarijiet ħżiena u nagħmlu affarijiet li jobgħod hu. (Kol. 1:21) U meta ddedikajna ħajjitna lil Ġeħova u tgħammidna, hu tana iktar affarijiet tajbin, bħal pereżempju kuxjenza nadifa u ħbiberija mill-​qrib miegħu.—1 Pt. 3:21.

5. Waqt il-​ministeru x’affarijiet tajbin nirċievu mingħand Ġeħova?

5 Aħna nkomplu nirċievu affarijiet tajbin mingħand Ġeħova meta nieħdu sehem fl-​ippritkar. Int persuna mistħija? Ħafna mix-​Xhieda taʼ Ġeħova hekk iħossuhom. Forsi qabel sirt Xhud taʼ Ġeħova, qatt ma ħsibt li se tmur tħabbat il-​bieb taʼ xi ħadd li ma tafux u titkellem miegħu dwar il-​Bibbja. Imma bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, illum int tagħmel dan b’mod regulari. U mhux hekk biss, imma tieħu pjaċir tipprietka! Ġeħova għenek ukoll b’modi oħrajn. Hu għenek tibqaʼ kalm meta xi ħadd fuq il-​ministeru kien arroganti miegħek. Hu għenek ukoll biex tiftakar l-​iskritturi li kellek bżonn meta int kont qed titkellem maʼ xi ħadd interessat. Ukoll, hu tak is-​saħħa biex tibqaʼ tipprietka minkejja li xi nies ma ridux jisimgħu.—Ġer. 20:7-​9.

6. It-​trejning li nirċievu għall-​ministeru, għala hu wieħed mir-​rigali li nirċievu mingħand Ġeħova?

6 It-​trejning li ningħataw għal fuq il-​ministeru hu wieħed mill-​affarijiet tajbin li jagħtina Ġeħova. (Ġw. 6:45) Fil-​laqgħa taʼ fost il-​ġimgħa, aħna naraw eżempji taʼ konversazzjonijiet taʼ kif nistgħu nippritkaw lin-​nies. Għall-​ewwel forsi nsibuha ftit diffiċli biex nipprovaw xi ħaġa ġdida, imma meta nagħmlu hekk, se jkollna riżultati tajbin. Waqt il-​laqgħat u l-​konvenzjonijiet, aħna niġu inkuraġġiti biex nipprovaw metodi differenti taʼ ppritkar li forsi qatt ma nkunu pprovajniehom. Dan ukoll jistaʼ jġegħelna nibżgħu ftit, imma meta nipprovawhom, Ġeħova se jbierek l-​isforzi tagħna. Issa se nitgħallmu dwar xi affarijiet tajbin li Ġeħova jagħtina meta nafdawh u nipprovaw modi ġodda biex nagħmlu iktar għalih, huma x’inhuma ċ-​ċirkustanzi tagħna. Imbagħad se naraw kif aħna nistgħu nilħqu l-​miri tagħna.

ĠEĦOVA JBIEREK LIL DAWK LI JAFDAW FIH

7. Liema barkiet se nirċievu meta nagħmlu l-​almu tagħna biex nagħmlu iktar għal Ġeħova?

7 Nersqu eqreb lejn Ġeħova. Ikkunsidra l-​eżempju taʼ anzjan jismu Samuel, * li jaqdi flimkien mal-​mara tiegħu fil-​Kolombja. Din il-​koppja kienu jieħdu pjaċir jaqdu bħala pijunieri fil-​kongregazzjoni tagħhom, imma huma riedu jagħmlu iktar billi jmorru jgħinu fejn hemm il-​bżonn. Biex jilħqu din il-​mira, huma kellhom jieqfu jagħmlu xi affarijiet li kienu jħobbu jagħmlu. Samuel jgħid: “Aħna applikajna Mattew 6:33, u għalhekk ma bqajniex nixtru affarijiet li ma kellniex bżonn. Imma l-​iktar ħaġa diffiċli kienet li nitilqu d-​dar li kellna. Kienet kif xtaqnieha aħna, u ma kellniex dejn fuqha.” Meta marru jgħinu fil-​kongregazzjoni l-​oħra, huma kellhom bżonn inqas flus biex jgħixu. Samuel ikompli jgħid: “Aħna rajna kif Ġeħova ggwidana u semaʼ t-​talb tagħna. Inħossu li hu kuntent bina, u qed inħossu l-​imħabba tiegħu b’mod li qatt ma esperjenzajna qabel.” Inti tistaʼ tagħmel iktar għal Ġeħova? Jekk iva, ibqaʼ ċert li dan se jgħinek biex tersaq eqreb lejn Ġeħova u hu se jipprovdilek dak li jkollok bżonn.—Salm 18:25.

8. X’titgħallem minn dak li qalu Ivan u Viktoria?

8 Nieħdu pjaċir fix-​xogħol taʼ Ġeħova. Innota x’qalu Ivan u Viktoria, koppja miżżewġa li jaqdu bħala pijunieri fil-​Kirgiżistan. Huma għexu ħajja sempliċi biex ikunu jistgħu jgħinu bħala volontiera fejn hemm il-​bżonn, anki fi proġetti taʼ kostruzzjoni. Ivan jgħid: “Ħdimna iebes f’kull inkarigu li kellna. Għalkemm konna nkunu għajjenin fl-​aħħar tal-​ġurnata, xorta konna nkunu ferħanin għax konna nafu li użajna saħħitna għal Ġeħova. Aħna ferħanin ukoll għax għamilna ħafna ħbieb ġodda u għandna ħafna memorji sbieħ.”—Mk. 10:29, 30.

9. Minkejja l-​isfidi li ffaċċjat l-​oħt, x’għamlet u x’riżultat kellha?

9 Aħna nistgħu nkunu ferħanin fix-​xogħol taʼ Ġeħova anki meta jkollna sitwazzjonijiet diffiċli. Pereżempju, Mirreh, oħt li hi armla u li tgħix fl-​Afrika tal-​Punent, irtirat mix-​xogħol bħala tabiba u bdiet taqdi bħala pijuniera. Minħabba li hi kbira fl-​età u tbati ħafna bl-​artrite, ma tistax iddum iktar minn siegħa tipprietka minn dar għal dar. Imma hi tistaʼ tqattaʼ iktar ħin fl-​ippritkar permezz tat-​trolley. Mirreh għandha ħafna żjajjar lura u studji tal-​Bibbja, li xi wħud minnhom tagħmilhom permezz tat-​telefown. X’ġiegħel lil Mirreh tagħmel iktar għal Ġeħova? Hi tgħid: “Jien inħobbhom ħafna lil Ġeħova u lil Kristu Ġesù. Spiss nitlob lil Ġeħova biex jgħinni ħalli nkun nistaʼ nagħmel dak kollu li nistaʼ fix-​xogħol tiegħu.”—Mt. 22:36, 37.

10. Kif jurina l-​1 Pietru 5:10, dawk li jagħmlu iżjed għal Ġeħova x’jirċievu?

10 Nirċievu iżjed trejning mingħand Ġeħova. Kenny, pijunier li jaqdi f’Mauritius, ra kemm dan hu veru. Meta tgħallem il-​verità, hu telaq mill-​università, tgħammed, u beda jaqdi lil Ġeħova fis-​servizz full-​time. Hu jgħid: “Nipprova nkun bħall-​profeta Isaija, li qal: ‘Hawn jien! Ibgħat lili.’” (Is. 6:8) Kenny ħadem fuq diversi proġetti taʼ kostruzzjoni, u hu għen ukoll biex issir traduzzjoni taʼ pubblikazzjonijiet ibbażati fuq il-​Bibbja fil-​lingwa tiegħu. Hu jgħid: “Jien irċivejt it-​trejning li kelli bżonn biex inkun nistaʼ nagħmel l-​assignments tiegħi.” Imma hu ma tgħallimx biss kif jagħmel ix-​xogħol. Hu kompla jgħid: “Jien tgħallimt ukoll kif nagħmel affarijiet li ma kontx naf nagħmel u dwar il-​kwalitajiet li kelli naħdem fuqhom biex insir qaddej aħjar taʼ Ġeħova.” (Aqra l-​1 Pietru 5:10.) Inti tistaʼ tagħmel xi bidliet, bħalma għamel Kenny, biex Ġeħova jkun jistaʼ jtik iżjed trejning?

Koppja qiegħda tipprietka fejn hemm bżonn iżjed pubblikaturi, oħt żagħżugħa qed tgħin biex tinbena Sala tas-Saltna, u koppja mdaħħla fiż-żmien qed jippritkaw permezz tat-telefown. Ilkoll kemm huma ferħanin bix-xogħol li qegħdin jagħmlu. (Ara paragrafu 11)

11. Aħwa nisa fil-​Korea t’Isfel xi sforz għamlu biex ikunu jistgħu jippritkaw, u x’riżultat kellhom? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

11 Anki dawk li jkunu ilhom jaqdu lil Ġeħova għal ħafna snin ikollhom bżonn it-​trejning meta jkunu se jippritkaw b’mod ġdid. Matul il-​pandemija tal-​COVID-​19, l-​anzjani taʼ kongregazzjoni fil-​Korea t’Isfel kitbu: “Xi wħud mill-​aħwa li ma setgħux jippritkaw minħabba s-​saħħa batuta li għandhom, issa qed jirnexxilhom permezz tal-​videoconference. Tliet aħwa nisa, li għandhom madwar 80 sena, tgħallmu kif jużaw il-​kompjuter biex jagħmlu dan, u issa qegħdin ikunu fuq il-​ministeru kważi kuljum.” (Salm 92:14, 15) Tixtieq tagħmel iktar għal Ġeħova u tirċievi iktar affarijiet tajbin mingħandu? Ejja naraw xi modi taʼ kif inti tistaʼ tagħmel dan.

KIF TISTAʼ TAGĦMEL IKTAR GĦAL ĠEĦOVA

12. Ġeħova xi jwegħedhom lil dawk li jistrieħu fuqu?

12 Tgħallem strieħ fuq Ġeħova. Hu jwegħedna li se jagħtina ħafna affarijiet tajbin jekk aħna nafdaw fih u nagħtuh l-​aħjar li nistgħu. (Mal. 3:10) Oħt mill-​Kolombja, li jisimha Fabiola, esperjenzat din il-​wegħda f’ħajjitha. Hi xtaqet tibda taqdi bħala pijuniera regulari wara li tgħammdet. Imma kellha tibqaʼ taħdem biex tkun tistaʼ tipprovdi l-​bżonnijiet għall-​familja tagħha. Għalhekk, meta rtirat mix-​xogħol, hi talbet ħafna lil Ġeħova biex jgħinha. Fabiola tgħid: “Spiss, in-​nies idumu jistennew biex jibdew jirċievu l-​pensjoni, imma jien irċivejtha wara xahar. Għalija dan kien miraklu!” Xahrejn wara, hi bdiet taqdi bħala pijuniera regulari. Issa Fabiola għandha ’l fuq minn 70 sena u ilha pijuniera għal iktar minn 20 sena. Matul dan iż-​żmien, hi għenet tmien persuni biex jaslu għall-​magħmudija. Hi tgħid: “Għalkemm kultant inħossni negħja malajr, Ġeħova kuljum jgħinni biex inkun nistaʼ nkompli nipprietka.”

Abraham u Sara, Ġakobb, u l-qassisin li qasmu x-Xmara Ġordan kif urew li kienu jafdaw lil Ġeħova? (Ara paragrafu 13)

13-14. Liema eżempji jistgħu jgħinuna biex nafdaw f’Ġeħova u nagħmlu iżjed?

13 Tgħallem mill-​eżempji taʼ dawk li straħu fuq Ġeħova. Il-​Bibbja fiha ħafna eżempji taʼ wħud li ħadmu iebes għal Ġeħova. Hu bierek lil dawn il-​qaddejja wara li huma wrew li jafdaw fih. Pereżempju, Ġeħova bierek lil Abraham wara li hu telaq mid-​dar tiegħu “għalkemm ma kienx jaf fejn kien sejjer.” (Ebr. 11:8) U kien wara li Ġakobb baqaʼ jissara mal-​anġlu li rċieva barka speċjali. (Ġen. 32:24-​30) U meta l-​Iżraelin kienu waslu biex jidħlu fl-​art imwiegħda, kien biss wara li l-​qassisin niżżlu saqajhom fix-​Xmara Ġordan li l-​ilma waqaf u n-​nies setgħu jaqsmu.—Ġoż. 3:14-​16.

14 Illum, int tistaʼ tibbenefika wkoll mill-​eżempji taʼ aħwa li straħu fuq Ġeħova biex jilħqu l-​mira tagħhom. Pereżempju, ħu jismu Payton u l-​mara tiegħu Diana kienu jieħdu pjaċir jaqraw dwar aħwa li għamlu mira biex jagħmlu iżjed għal Ġeħova, bħal pereżempju esperjenzi li nsibu fis-​serje “Offrew Lilhom Infushom minn Rajhom.” * Payton jgħid: “Meta konna naqraw dawn l-​esperjenzi, konna nħossuna qisna qed naraw lil xi ħadd jiekol ikla tajba. Iktar ma konna naqraw, iktar konna rridu ‘nduqu lil Ġeħova u naraw li hu tajjeb.’” Maż-​żmien, Payton u Diana marru jaqdu fejn kien hemm il-​bżonn. Inti qrajtha din is-​serje? U rajt il-​vidjows Witnessing in Isolated Territory—Australia u Witnessing in Isolated Territory—Ireland li ssibhom bl-​Ingliż fuq jw.org? Dawn jistgħu jgħinuna biex naraw kif nistgħu nagħmlu iżjed għal Ġeħova.

15. Kumpanija tajba kif tgħinna?

15 Agħżel kumpanija tajba. Huwa iktar faċli għalina biex nieklu xi ħaġa li qatt ma doqna meta nkunu maʼ xi ħadd li jkun iħobbha. Bl-​istess mod, meta aħna nqattgħu l-​ħin maʼ dawk li jpoġġu lil Ġeħova l-​ewwel fil-​ħajja tagħhom, se jkun iktar faċli għalina biex naraw kif nistgħu nagħmlu iktar għal Ġeħova. Kent u Veronica hekk ġralhom. Kent jgħid: “Il-​ħbieb u l-​familja tagħna inkuraġġewna biex nagħmlu xi ħaġa differenti għal Ġeħova. Indunajna li billi bdejna nkunu maʼ dawk li jpoġġu s-​Saltna l-​ewwel, aħna ma bżajniex nagħmlu xi ħaġa ġdida.” Illum, Kent u Veronica jaqdu bħala pijunieri speċjali fis-​Serbja.

16. Kif naraw fit-​tixbiha taʼ Ġesù li nsibu f’​Luqa 12:16-​21, għala għandna nkunu lesti li nagħmlu sagrifiċċji?

16 Agħmel sagrifiċċji għal Ġeħova. M’hemmx għalfejn nitilqu dak kollu li nieħdu pjaċir nagħmlu biex nogħġbuh. (Ekk. 5:19, 20) Però, jekk dawn l-​affarijiet iżommuna lura milli nagħmlu iżjed għal Ġeħova, inkunu qed nagħmlu l-​istess żball li għamel ir-​raġel fit-​tixbiha taʼ Ġesù. Hu ħadem iebes biex ikollu ħafna affarijiet u ma tax kas lil Alla. (Aqra Luqa 12:16-​21.) Ħu li jismu Christian u jgħix fi Franza, jgħid, “Indunajt li stajt nagħti iktar mill-​ħin u l-​enerġija tiegħi lil Ġeħova u l-​familja tiegħi.” Hu u l-​mara tiegħu ddeċidew li jibdew jaqdu bħala pijunieri. Imma biex jilħqu din il-​mira, huma kellhom jitilqu x-​xogħol li kellhom. Biex ikollhom biżżejjed flus għall-​bżonnijiet tagħhom, bdew negozju żgħir tat-​tindif u huma tgħallmu jkunu kuntenti b’inqas flus. Iddispjaċiehom li telqu xi affarijiet biex ikunu jistgħu jaqdu bħala pijunieri? Christian jgħid, “Issa qed nieħdu pjaċir iżjed fil-​ministeru u nieħdu pjaċir naraw lill-​istudenti tal-​Bibbja u lil dawk taż-​żjajjar lura jitgħallmu dwar Ġeħova.”

17. Għala jistaʼ jkun diffiċli għalina biex nipprovaw modi ġodda fl-​ippritkar?

17 Kun lest li tipprietka b’modi ġodda. (Atti 17:16, 17; 20:20, 21) Shirley, li hija pijuniera fl-​Istati Uniti, kellha tibda tipprietka b’mod differenti minħabba l-​pandemija tal-​COVID-​19. Għall-​ewwel bdiet tibżaʼ tipprietka bit-​telefown. Imma wara li ngħatat it-​trejning matul iż-​żjara tal-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet, hi bdiet tipprietka bit-​telefown b’mod regulari. Shirley tgħid: “Kont nibżaʼ ħafna, imma issa vera qed nieħu pjaċir. Issa qed insibu iktar nies milli meta konna nippritkaw minn dar għal dar!”

18. X’jistaʼ jgħinna nilħqu l-​mira tagħna meta niffaċċjaw xi sfida?

18 Agħmel mira u pprova ilħaqha. Meta niffaċċjaw l-​isfidi, aħna nitolbu lil Ġeħova u naħsbu sew x’nistgħu nagħmlu dwarhom. (Prov. 3:21) Sonia, li taqdi bħala pijuniera regulari fi grupp tar-​Rumen, tgħid: “Jien inħobb nikteb il-​miri tiegħi fuq karta u nħalliha fejn inkun nistaʼ naraha. Barra minn hekk, għandi karta li fuqha pinġejt żewġ toroq, u din inħalliha fuq il-​mejda. Meta jkolli nieħu xi deċiżjoni, inħares lejha u t-​tpinġija tgħinni nara jekk id-​deċiżjoni li nkun se nieħu hux se tgħinni nilħaq il-​mira tiegħi. Għalhekk, dan ifakkarni li rrid naħseb sew qabel nieħu deċiżjoni.” Ukoll, meta Sonia tiffaċċja xi sfida, hi tipprova tibqaʼ pożittiva. Hi tgħid: “Kull sfida li niffaċċja tistaʼ tkun bħal ħajt li jwaqqafni milli nilħaq il-​mira tiegħi, jew inkella bħal pont li jgħinni biex nilħaqha, jiddependi l-​mod kif jien inħares lejha.”

19. Aħna kif nuru li napprezzaw l-​affarijiet tajbin li jagħtina Ġeħova?

19 Ġeħova tana ħafna affarijiet tajbin. Aħna nuru li napprezzaw dawn l-​affarijiet billi nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inġibu tifħir lilu. (Ebr. 13:15) Dan nistgħu nagħmluh ukoll billi nipprovaw modi ġodda biex naqdu lil Ġeħova. U meta nagħmlu hekk, Ġeħova se jkompli jberikna. Kull ġurnata, ejja nfittxu modi biex ‘induqu lil Ġeħova u naraw li hu tajjeb.’ Imbagħad se nħossuna bħal Ġesù, li qal: “L-​ikel tiegħi hu li nagħmel ir-​rieda taʼ dak li bagħatni u li ntemm xogħlu.”—Ġw. 4:34.

GĦANJA 80 “Duqu u araw li Ġeħova hu tajjeb”

^ par. 5 Kull ħaġa tajba tiġi mingħand Ġeħova. Hu jagħmel dan maʼ kulħadd—anki man-​nies ħżiena. Imma hu jieħu pjaċir ħafna jagħmel affarijiet tajbin għall-​qaddejja leali tiegħu. F’dan l-​artiklu se naraw x’inhuma xi affarijiet tajbin li Ġeħova jagħti lill-​qaddejja tiegħu. U ħa naraw ukoll kif dawk li jagħmlu iktar għal Ġeħova se jesperjenzaw barkiet oħrajn mingħandu.

^ par. 7 Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ par. 14 Din is-​serje kienet tiġi ppubblikata fʼIt-​Torri tal-​Għassa, imma issa tistaʼ ssibha fuq jw.org. Mur fuq DWARNA > ESPERJENZI TAX-​XHIEDA TAʼ ĠEĦOVA > JILĦQU MIRI SPIRITWALI.