Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 38

Saħħaħ l-Imħabba Tiegħek għal Ġeħova u għall-Aħwa

Saħħaħ l-Imħabba Tiegħek għal Ġeħova u għall-Aħwa

“Jien tielaʼ għand Missieri u Missierkom.”—ĠW. 20:17.

GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1. Aħna x’nistgħu nsejħulu lil Ġeħova?

 IL-​FAMILJA taʼ Ġeħova tinkludi lil Ġesù, li hu “l-​ewwel imwieled mill-​ħolqien kollu,” u ammont kbir t’anġli. (Kol. 1:15; Salm 103:20) Meta Ġesù kien fuq l-​art, hu għen lin-​nies jifhmu li huma jistgħu jqisu lil Ġeħova bħala Missierhom. Meta Ġesù kien qed jitkellem mad-​dixxipli tiegħu, hu rrefera għal Ġeħova bħala “Missieri u Missierkom.” (Ġw. 20:17) U meta aħna niddedikaw ħajjitna lil Ġeħova u nitgħammdu, insiru parti minn din il-​familja kbira t’aħwa.—Mk. 10:29, 30.

2. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Hemm min isibha diffiċli biex iqis lil Ġeħova bħala Missier kollu mħabba. U hemm min ma jafx kif juri mħabba lejn oħrajn. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw kif Ġesù jistaʼ jgħinna nqisu lil Ġeħova bħala Missier li jħobbna u kif nistgħu nersqu qrib tiegħu. U mill-​eżempju taʼ Ġeħova se nitgħallmu wkoll kif għandna nittrattaw lil ħutna.

ĠEĦOVA JRIDEK TERSAQ QRIB TIEGĦU

3. It talba tal-​Missierna kif tgħinna nersqu eqreb lejn Ġeħova?

3 Ġeħova huwa Missier kollu mħabba. Ġesù jridna nqisu lil Ġeħova bħalma jqisu hu, bħala Missier li jħobb u li dejjem nistgħu nitkellmu miegħu. Dan narawh fil-​mod li Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu kif għandhom jitolbu. Hu beda t-​talba mudell billi qal: “Missierna.” (Mt. 6:9) Ġesù setaʼ qalilna biex insejħu lil Ġeħova “Dak li Jistaʼ Kollox,” “il-​Ħallieq,” jew “is-​Sultan taʼ l-​eternità,” titli li jiddeskrivu lil Ġeħova u nsibuhom fil-​Bibbja. (Ġen. 49:25; Is. 40:28; 1 Tim. 1:17) Imma Ġesù qalilna biex insejħu lil Ġeħova, “Missier.”

4. Kif nafu li Ġeħova jridna nkunu l-​ħbieb tiegħu?

4 Xi wħud minna jsibuha diffiċli biex iqisu lil Ġeħova bħala Missier kollu mħabba. Għala? Għax forsi meta konna qegħdin nikbru, missierna ma ttrattaniex bi mħabba. Imma rridu niftakru li Ġeħova jaf eżatt kif inħossuna u għala nħossuna b’dan il-​mod! Hu jrid ikun l-​aqwa ħabib tagħna. U għalhekk il-​Bibbja tgħidilna: “Ersqu qrib lejn Alla, u hu jersaq qrib lejkom.” (Ġak. 4:8) Ġeħova jħobbna u jgħidilna li hu se jkun l-​aqwa Missier li jistaʼ jkollna.

5. Skont Luqa 10:22, Ġesù kif jistaʼ jgħinna nersqu eqreb lejn Ġeħova?

5 Ġesù jistaʼ jgħinna nersqu eqreb lejn Ġeħova. Hu jaf lil Ġeħova sew u hu jimita l-​kwalitajiet Tiegħu b’mod perfett. Għalhekk, Ġesù qal: “Min ra lili ra wkoll lill-​Missier.” (Ġw. 14:9) Ġesù qisu l-​kbir minn ħutna u hu jgħallimna kif nirrispettaw u nobdu lil Missierna, kif inferrħuh u kif ma nweġġgħuhx. U bil-​mod kif Ġesù għex ħajtu meta kien fuq l-​art, uriena kemm Ġeħova hu qalbu tajba u kollu mħabba. (Aqra Luqa 10:22.) Ejja nikkunsidraw xi eżempji.

Bħala Missier taʼ mħabba, Ġeħova inkuraġġixxa lil Ibnu permezz t’anġlu (Ara paragrafu 6) c

6. Agħti eżempji taʼ kif Ġeħova semaʼ lil Ġesù.

6 Ġeħova jismaʼ lit-​tfal tiegħu. Aħseb ftit kif Ġeħova semaʼ lill-​ewwel Iben tiegħu. Bla dubju, Ġeħova semaʼ t-​talb li qal Ibnu meta kien fuq l-​art. (Lq. 5:16) Hu semaʼ t-​talb taʼ Ġesù meta kien se jagħmel deċiżjonijiet importanti bħal pereżempju meta għażel it-​12-​il appostlu. (Lq. 6:12, 13) Ġeħova semaʼ wkoll it-​talb taʼ Ġesù meta kien anzjuż. Qabel Ġuda kien se jittradih, Ġesù talab lil Missieru dwar l-​affarijiet li kienu se jiġrulu. Ġeħova mhux biss semaʼ t-​talb tiegħu, imma bagħatlu anġlu biex jinkuraġġih.—Lq. 22:41-​44.

7. Il-​fatt li Ġeħova jwieġeb it-​talb tagħna kif għandna nħossuna?

7 Illum, Ġeħova wkoll jismaʼ t-​talb tagħna u hu jwieġbu fil-​waqt u bl-​aħjar mod possibbli. (Salm 116:1, 2) Oħt fl-​Indja rat kif Ġeħova wieġeb it-​talb tagħha. Hi kienet tbati minn ansjetà kbira u talbet lil Ġeħova mill-​qalb dwar il-​problema tagħha. Hi kitbet: “Il-​programm tal-​JW Broadcasting® taʼ Mejju tal-​2019, li kien dwar x’nistgħu nagħmlu meta nkunu inkwetati, kien dak li kelli bżonn. Dan kien it-​tweġiba għat-​talb tiegħi.”

8. B’liema modi Ġeħova wera li jħobb lil Ġesù?

8 Ġeħova juri li jħobbna bl-​istess mod li wera li jħobb lil Ġesù meta kien fuq l-​art. (Ġw. 5:20) Hu għen lil Ġesù biex iżomm il-​fidi tiegħu b’saħħitha, inkuraġġieh meta kien anzjuż, u għamel ċert li Ġesù jkollu l-​affarijiet li kellu bżonn biex jgħix. U Ġeħova qal lil Ibnu li kien iħobbu u li kien kburi bih. (Mt. 3:16, 17) Ġesù qatt ma ħassu waħdu għax kien jaf li Missieru kollu mħabba dejjem kien miegħu u lest biex jgħinu.—Ġw. 8:16.

9. Kif nafu li Ġeħova jħobbna?

9 Bħal Ġesù, aħna ħassejna l-​imħabba taʼ Ġeħova b’ħafna modi. Aħseb ftit dwar dan: Ġeħova ħalliena nsiru l-​ħbieb tiegħu u tana ħafna aħwa li jħobbuna, li jagħmluna ferħanin, u li jinkuraġġuna meta nkunu inkwetati. (Ġw. 6:44) Barra minn hekk, Ġeħova jagħtina dak kollu li għandna bżonn biex inżommu l-​fidi tagħna b’saħħitha. U jgħinna biex ikollna l-​affarijiet li għandna bżonn biex ngħixu. (Mt. 6:31, 32) Meta naħsbu kemm Ġeħova jħobbna, l-​imħabba tagħna għalih se tikber.

ITTRATTA LILL-​AĦWA KIF JITTRATTAHOM ĠEĦOVA

10. X’nistgħu nitgħallmu mill-​mod kif Ġeħova jittratta lil ħutna?

10 Ġeħova jħobbhom ħafna lil ħutna. Però, għalina mhux dejjem ikun faċli biex nuru l-​imħabba lejn ħutna. Wara kollox, aħna ġejjin minn kulturi u trobbija differenti. U lkoll kemm aħna nagħmlu żbalji li jdejqu jew iweġġgħu lil ħutna. Imma lkoll kemm aħna nistgħu naħdmu iebes biex insaħħu l-​imħabba taʼ bejnietna. Kif? Billi nimitaw lil Missierna. (Efes. 5:1, 2; 1 Ġw. 4:19) Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Ġeħova.

11. Ġesù kif imita “l-​mogħdrija tenera” taʼ Ġeħova?

11 Ġeħova juri “mogħdrija tenera.” (Lq. 1:78) Persuna li turi mogħdrija tħossha mdejqa meta tara lil oħrajn ibatu u tfittex modi kif tgħin. Bil-​mod kif Ġesù tratta lin-​nies, hu imita l-​imħabba li Ġeħova għandu għalihom. (Ġw. 5:19) Darba waħda, meta Ġesù ra folla nies “tħassarhom, għax kienu maltrattati u mferrxin bħal nagħaġ mingħajr ragħaj.” (Mt. 9:36) Ġesù mhux biss wera mogħdrija, imma għamel xi ħaġa biex jgħinhom. Hu fejjaq lill-​morda u għen lil dawk li kienu “mħabbtin u mgħobbijin.”—Mt. 11:28-​30; 14:14.

Imita lil Ġeħova billi turi mogħdrija u tkun ġeneruż mal-aħwa (Ara paragrafi 12-14) d

12. Kif nistgħu nuru mogħdrija maʼ ħutna?

12 Jekk aħna naħsbu dwar il-​problemi li għandhom ħutna, se nkunu nistgħu nuruhom mogħdrija. Pereżempju, oħt jaf ikollha problemi serji taʼ saħħa. Hi qatt ma titkellem dwar il-​problemi tagħha, imma x’aktarx li se tkun ferħana ħafna jekk xi ħadd jgħinha. L-​oħt tistaʼ tipprovdi l-​affarijiet li għandha bżonn il-​familja tagħha? Nistgħu ngħinuha billi nsajrulha xi ħaġa tal-​ikel jew forsi fit-​tindif tad-​dar? U jekk ħu jitlef ix-​xogħol tiegħu, nistgħu nagħtuh xi ħaġa tal-​flus mingħajr ma ngħidulu li mingħandna, biex ngħinuh sakemm isib xogħol ieħor?

13-14. Kif nistgħu nkunu ġenerużi bħal Ġeħova?

13 Ġeħova hu ġeneruż. (Mt. 5:45) Aħna m’għandniex nistennew lil ħutna jitolbuna l-​għajnuna. Bħal Ġeħova, għandna ngħinuhom qabel jgħidulna huma. Pereżempju, aħna ma noqogħdux nitolbu lil Ġeħova kuljum biex itellaʼ x-​xemx. U kulħadd jibbenefika minnha anke dawk li ma japprezzawhiex. Billi jagħtina l-​affarijiet li għandna bżonn, Ġeħova qed jurina li jħobbna. Aħna nħobbuh ħafna lil Ġeħova għax hu qalbu tajba u ġeneruż!

14 Ħutna jimitaw lil Ġeħova u għalhekk huma ġenerużi. Pereżempju, fl-​2013, iċ-​Ċiklun Haiyan, li kien qawwi ħafna, għamel ħafna ħsara fil-​Filippini. Ħafna aħwa tilfu d-​djar tagħhom u l-​affarijiet li kellhom. Imma ħuthom minn madwar id-​dinja kollha mill-​ewwel tawhom l-​għajnuna. Ħafna taw flus jew għenu biex jirranġaw jew jibnu kważi 750 dar, f’inqas minn sena. U matul il-​pandemija tal-​COVID-​19, l-​aħwa ħadmu iebes biex jgħinu lil ħuthom. Meta aħna noffru l-​għajnuna lil ħutna mill-​ewwel, nuru li nħobbuhom.

15-16. Skont Luqa 6:36, x’għandna nagħmlu biex nimitaw lil Missierna tas-​sema?

15 Ġeħova dejjem juri ħniena u lest li jaħfer. (Aqra Luqa 6:36.) Missierna tas-​sema kuljum jaħfrilna n-​nuqqasijiet tagħna. (Salm 103:10-​14) Is-​segwaċi taʼ Ġesù kienu imperfetti, però hu wriehom ħniena u ħafrilhom. U mhux hekk biss, imma hu kien lest li jmut għalina biex b’hekk id-​dnubiet tagħna jkunu jistgħu jinħafru. (1 Ġw. 2:1, 2) Il-​maħfra u l-​ħniena li juru Ġeħova u Ġesù ma jġegħluniex inħobbuhom iżjed?

16 L-​imħabba taʼ bejnietna se tkompli ssir b’saħħitha jekk aħna ‘naħfru lil xulxin mill-​qalb.’ (Efes. 4:32) Bla dubju, biex naħfru lil xulxin mhux dejjem faċli, għalhekk irridu naħdmu iebes. Oħt ħasset li l-​artiklu taʼ It-​Torri tal-​Għassa, “Aħfru lil Xulxin mill-​Qalb” għenha biex tkun tistaʼ taħfer. b Hi kitbet: “Dan l-​artiklu għenni nifhem li meta naħfer lil oħrajn hu taʼ benefiċċju għalija. L-​artiklu spjega li meta taħfer, ma jfissirx li inti taqbel mal-​ħażin li għamlulek jew li ma weġġgħukx. Imma meta taħfrilhom, inti mhux se tibqaʼ rrabjat għalihom u se tħossok fil-​paċi.” Meta aħna naħfru lil ħutna, nuru li nħobbuhom u nkunu qed nimitaw lil Missierna, Ġeħova.

APPREZZA LI TAGĦMEL PARTI MILL-​FAMILJA TAʼ ĠEĦOVA

Aħwa żgħar u kbar urew li jħobbu lil ħuthom (Ara paragrafu 17) e

17. Skont Mattew 5:16, kif nistgħu nġibu tifħir lil Missierna tas-​sema?

17 Aħna kuntenti ħafna li għandna familja kbira t’aħwa minn madwar id-​dinja kollha li jħobbu lil xulxin. Aħna rridu lil kemm jistaʼ jkun nies jingħaqdu magħna biex jaqdu lil Ġeħova. Għalhekk, qatt m’għandna nagħmlu xi ħaġa li ġġiegħel lin-​nies jaħsbu ħażin dwar Ġeħova jew il-​poplu tiegħu. U għandna nipprovaw ngħixu ħajjitna bl-​aħjar mod biex b’hekk in-​nies ikunu jridu jitgħallmu dwar Ġeħova u jaqduh.—Aqra Mattew 5:16.

18. X’jistaʼ jgħinna biex nippritkaw bil-​kuraġġ?

18 Xi kultant, xi wħud jistgħu jikkritikawna jew jippersegwitawna minħabba li nobdu lil Missierna tas-​sema. X’nistgħu nagħmlu biex ma nibżgħux meta nitkellmu m’oħrajn dwar dak li nemmnu? Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova u Ibnu se jgħinuna. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex ma jinkwetawx dwar dak li għandhom jgħidu jew kif se jgħiduh. Għala? Ġesù spjega, “Għax dak li għandkom tgħidu se jingħatalkom dak il-​ħin; għax mhux intom tkunu qed titkellmu, imma l-​ispirtu taʼ Missierkom ikun qed jitkellem permezz tagħkom.”—Mt. 10:19, 20.

19. Spjega kif Robert wera l-​kuraġġ.

19 Ikkunsidra l-​eżempju taʼ Robert. Xi żmien ilu, meta beda jistudja l-​Bibbja, kellu jitlaʼ l-​qorti u jispjega lill-​imħallef għala ma riedx jingħaqad mal-​armata, fl-​Afrika t’Isfel. Bil-​kuraġġ, hu spjega li ried jibqaʼ newtrali minħabba li kien iħobb lil ħutu. Hu kien kuntent li sar jagħmel parti minn din il-​familja kbira! Imbagħad, l-​imħallef staqsieh: “Min huma ħutek?” Robert ma kienx qed jistenna din il-​mistoqsija. Imma hu ftakar fl-​Iskrittura tal-​jum li kienet Mattew 12:50: “Kulmin jagħmel ir-​rieda taʼ Missieri li hu fis-​sema, dan hu ħija, u oħti, u ommi.” Minkejja li Robert kien għadu student tal-​Bibbja ġdid, l-​ispirtu taʼ Ġeħova għenu biex iwieġeb din il-​mistoqsija u mistoqsijiet oħrajn. Ġeħova żgur li kien kburi b’Robert! U Ġeħova jkun kburi bina wkoll meta nistrieħu fuqu għall-​kuraġġ biex nagħtu xhieda anke f’sitwazzjonijiet diffiċli.

20. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu? (Ġwanni 17:11, 15)

20 Aħna kuntenti ħafna li nagħmlu parti mill-​familja taʼ Ġeħova u li għandna l-​aqwa Missier li qatt jistaʼ jkollna. Kull wieħed u waħda minna għandu japprezza li jagħmel parti minn din il-​familja. Satana u dawk li jappoġġawh jippruvaw iġegħluna niddubitaw mill-​imħabba taʼ Missierna u jippruvaw joħolqu firda bejnietna. Però, Ġesù talab għalina billi qal lil Missieru biex jieħu ħsiebna ħalli aħna nibqgħu magħqudin. (Aqra Ġwanni 17:11, 15.) U Ġeħova hekk qed jagħmel. Bħal Ġesù, ejja nkunu konvinti li Missierna tas-​sema jħobbna u se jgħinna. U ejja nkunu determinati biex inkomplu nsaħħu l-​imħabba taʼ bejnietna.

GĦANJA 99 Mirjadi t’aħwa

a Aħna ferħanin li nagħmlu parti minn familja t’aħwa li jħobbu lil xulxin. Kull wieħed u waħda minna jixtieq li l-​imħabba taʼ bejnietna tkompli tissaħħaħ. Kif nistgħu nagħmlu dan? Billi nimitaw il-​mod kif Ġeħova juri li jħobbna u billi nimitaw l-​eżempji taʼ Ġesù u l-​aħwa.

c X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ġeħova bagħat anġlu biex jinkuraġġixxi lil Ġesù fil-ġnien tal-Ġetsemani.

d X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Matul il-pandemija tal-COVID-19, ħafna aħwa ħadmu iebes biex jippreparaw u jqassmu l-ikel.

e X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Omm tgħin lit-tifla tagħha biex tagħmel ittra ħalli tinkuraġġixxi lill-ħu fil-ħabs.