Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Erġaʼ Ibni l-Ħbiberija Tiegħek maʼ Ġeħova

Erġaʼ Ibni l-Ħbiberija Tiegħek maʼ Ġeħova

KULL sena, ħafna nagħaġ prezzjużi jerġgħu jiġu aċċettati lura fil-​kongregazzjoni Kristjana. Immaġina kemm ikun hemm “ferħ fis-​sema” meta dawn l-​uħud jerġgħu jiġu lura! (Lq. 15:7, 10) Jekk int ġejt aċċettat lura, tistaʼ tkun ċert li Ġesù, l-​anġli, u Ġeħova huma ferħanin ħafna li rġajt qed tagħmel parti mill-​kongregazzjoni. Imma, hekk kif tkun qed tibni l-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova, tistaʼ tiffaċċja xi sfidi. X’inhuma xi ftit minnhom, u x’jistaʼ jgħinek?

X’INHUMA L-​ISFIDI?

Ħafna aħwa, minkejja li ġew aċċettati lura fil-​kongregazzjoni, xorta jħossuhom skuraġġiti. X’aktarx jifhmu kif ħassu s-​Sultan David. Anke wara li Ġeħova kien ħafirlu, hu qal li l-​żbalji tiegħu ħakmuh. (Salm 40:12; 65:3) Meta xi ħadd jerġaʼ lura għand Ġeħova, hu jistaʼ jibqaʼ jħoss mistħija jew ħtija għal ħafna żmien. Isabelle, kienet ilha maqtugħa mis-​sħubija għal iktar minn 20 sena. a Hi tgħid: “Vera ħassejtha diffiċli biex nemmen li Ġeħova setaʼ jaħfirli.” Jekk tħossok skuraġġit, il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova tistaʼ terġaʼ tiddgħajjef. (Prov. 24:10) Oqgħod attent li ma jiġrilekx hekk.

Oħrajn jaħsbu li ma jkunux kapaċi jagħmlu dak li jkun hemm bżonn biex jerġgħu jibnu ħbiberija mill-​qrib maʼ Ġeħova. Wara li reġaʼ ġie aċċettat lura, Antoine jgħid: “Kont insejt ħafna affarijiet li tgħallimt u affarijiet li kont nagħmel bħala Xhud.” Minħabba li xi wħud iħossuhom b’dan il-​mod, iżommu lura milli jagħmlu dak kollu li jistgħu għal Ġeħova.

Ejja nġibu eżempju. Jekk dar issirilha ħafna ħsara minħabba xi diżastru, is-​sid jaf jaqtaʼ qalbu meta jaħseb dwar ix-​xogħol li jkollu jagħmel biex jirranġa d-​dar. Bl-​istess mod, jekk il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova saritilha l-​ħsara minħabba li għamilt dnub serju, int forsi tħoss li trid taħdem iebes biex tirranġa l-​ħbiberija tiegħek miegħu. Imma ftakar li mhux se tagħmel dan waħdek.

Ġeħova jgħidilna: “Ejjew, issa, ħa nirranġaw l-​affarijiet taʼ bejnietna.” (Is. 1:18) Inti diġà ħdimt iebes biex ‘tirranġa l-​affarijiet.’ Ġeħova jħobbok talli għamilt dan l-​isforz. Aħseb ftit: Minħabba li int erġajt lura għand Ġeħova, hu jistaʼ juża l-​eżempju tiegħek biex joħroġ lil Satana taʼ giddieb!—Prov. 27:11.

Minħabba li int erġajt lura għand Ġeħova, int diġà rsaqt qrib tiegħu u hu jwiegħdek li hu se jersaq qrib tiegħek. (Ġak. 4:8) Huwa tajjeb għall-​aħwa li jarawk lura fil-​kongregazzjoni, però, int trid tagħmel iktar minn hekk. Int għandek bżonn tkompli ssaħħaħ l-​imħabba tiegħek għall-​Ħabib tiegħek u Missierek, Ġeħova. Kif tistaʼ tagħmel dan?

AGĦMEL MIRI LI TISTAʼ TILĦAQHOM

Ipprova agħmel miri li tistaʼ tilħaqhom. X’aktarx li għadek tiftakar l-​affarijiet bażiċi li tgħallimt dwar Ġeħova u t-​tama taʼ futur mill-​isbaħ. Imma issa għandek bżonn jerġaʼ jkollok rutina tajba, bħal pereżempju, tipprietka b’mod regolari, tattendi l-​laqgħat, u tqattaʼ l-​ħin mal-​aħwa. Ikkunsidra l-​miri li ġejjin.

Tkellem maʼ Ġeħova spiss. Ġeħova jaf li jekk tibqaʼ tħossok ħati se ssibha diffiċli biex titolbu. (Rum. 8:26) Però, ibqaʼ itolbu. Għidlu kemm tixtieq li tkun ħabib tiegħu. (Rum. 12:12) Andrej jiftakar: “Kont nistħi u kont inħoss ħafna ħtija. Imma wara li kont ngħid talba lil Ġeħova, kont nistrieħ u nħossni aħjar.” Jekk ma tkunx taf x’se taqbad tgħid fit-​talb, aħseb dwar it-​talb li talab is-​Sultan David biex juri li vera ddispjaċieh għal dak li għamel, li nsibuh f’​Salm 51 u 65.

Studja l-​Bibbja b’mod regolari. Dan se jgħinek biex issaħħaħ il-​fidi u tkabbar l-​imħabba tiegħek għal Ġeħova. (Salm 19:7-​11) Felipe jgħid: “Minħabba li qabel ma kellix skeda biex nagħmel studju personali u naqra l-​Bibbja, il-​fidi tiegħi ddgħajfet u weġġajt lil Ġeħova. Jien ma ridtx nerġaʼ nweġġgħu, għalhekk għamiltha mira li nagħmel studju personali b’mod regolari.” Int tistaʼ tagħmel l-​istess. Jekk għandek bżonn l-​għajnuna biex tara dwar xiex tistaʼ tagħmel l-​istudju personali, tistaʼ titlob l-​għajnuna lil ħu jew oħt li għandha ħbiberija soda maʼ Ġeħova.

Erġaʼ ibni l-​ħbiberija tiegħek mal-​aħwa. Xi wħud li jerġgħu lura fil-​kongregazzjoni jinkwetaw li l-​aħwa se jkunu rrabjati għalihom. Larissa tammetti: “Kont inħossni skomda. Ħassejt li jien weġġajt u ddiżappuntajt lill-​aħwa u domt inħossni hekk għal ħafna żmien.” Kun ċert li l-​anzjani u l-​aħwa maturi jridu jgħinuk biex terġaʼ tibni l-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. (Ara l-​kaxxa “ L-​Anzjani X‘Jistgħu Jagħmlu?”) Huma vera kuntenti li int erġajt lura u huma jixtiequ li int tkun ferħan!—Prov. 17:17.

X’jistaʼ jgħinek tersaq qrib tal-​aħwa? Attendi l-​laqgħat kollha u oħroġ fuq il-​ministeru magħhom b’mod regolari. Dan kif se jgħinek? Felix jgħid: “L-​aħwa kienu qed jistennewni nerġaʼ lura. Vera ħassejt l-​imħabba tagħhom. Huma għenuni nerġaʼ nħossni parti mill-​kongregazzjoni, inħoss li Ġeħova ħafirli, u li nistaʼ nkompli naqdih.”—Ara l-​kaxxa “ Int X’Tistaʼ Tagħmel?

TAQTAX QALBEK!

Satana se jkompli jaqlagħlek il-​problemi biex jipprova jiskuraġġik waqt li int qed tibni l-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova. (Lq. 4:13) Kun lest billi ssaħħaħ il-​ħbiberija tiegħek maʼ Ġeħova minn issa.

Lin-​nagħaġ tiegħu Ġeħova jwegħedhom: “Lill-​mitlufa se nfittixha, u lill-​imferrxa nġibha lura, u lill-​miksura ninfaxxaha u lill-​muġugħa nsaħħaħha.” (Eżek. 34:16) Ġeħova għen lil ħafna wħud biex jerġgħu jibnu l-​ħbiberija tagħhom miegħu. Kun ċert li Ġeħova jrid jgħinek biex int ukoll tibni ħbiberija soda miegħu.

a L-​ismijiet f’dan l-​artiklu ġew mibdulin.