Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 47

Kemm Se Tkun b’Saħħitha l-Fidi Tiegħek?

Kemm Se Tkun b’Saħħitha l-Fidi Tiegħek?

“Tħallux lil qlubkom jitħawdu. Eżerċitaw il-​fidi.”—ĠW. 14:1.

GĦANJA 119 Irid ikollna l-​fidi

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. X’mistoqsija jistaʼ jkun li nistaqsu?

 ĠIELI tħossok inkwetat dwar dak li se jiġri dalwaqt, bħall-​qerda tar-​reliġjon falza, l-​attakk taʼ Gog taʼ Magog, u l-​gwerra taʼ Armageddon? Ġieli saqsejt lilek innifsek, ‘Jien se nibqaʼ leali meta jiġru dawn l-​affarijiet tal-​biżaʼ?’ Jekk ġieli ħsibt dwar dawn il-​mistoqsijiet, dak li qal Ġesù fl-​iskrittura prinċipali li għandna f’dan l-​artiklu jistaʼ jgħinek. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu: “Tħallux lil qlubkom jitħawdu. Eżerċitaw il-​fidi.” (Ġw. 14:1) Fidi b’saħħitha se tgħinna biex nibqgħu kuraġġużi jiġri x’jiġri fil-​futur.

2. Kif nistgħu nsaħħu l-​fidi tagħna, u x’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Mod wieħed kif nistgħu nsaħħu l-​fidi tagħna biex b’hekk nissaportu l-​provi fil-​futur hu billi naraw kif qed inkampaw mal-​provi li niffaċċjaw bħalissa. Meta naħsbu dwar dan, aħna se nsiru nafu fejn għandna bżonn insaħħu l-​fidi tagħna. Kull darba li nibqgħu nissaportu meta niffaċċjaw prova, il-​fidi tagħna se tissaħħaħ. Dan se jgħinna biex nissaportu dak li se niffaċċjaw fil-​futur. F’dan l-​artiklu se naraw erbaʼ sitwazzjonijiet fejn id-​dixxipli taʼ Ġesù kellhom bżonn iktar fidi. Imbagħad se naraw kif aħna nistgħu nissaportu sfidi simili llum u kif dan se jippreparana għal dak li se jiġri fil-​futur.

GĦANDNA BŻONN FIDI LI ALLA SE JIPPROVDILNA DAK LI GĦANDNA BŻONN BIEX NGĦIXU

Jistaʼ jkun li ma jkollniex flus biżżejjed biex nixtru l-affarijiet li jkollna bżonn għall-ħajja, imma l-fidi se tgħinna biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova (Ara paragrafi 3-6)

3. Il-​kliem taʼ Ġesù f’​Mattew 6:30, 33 x’jgħinna nifhmu?

3 Huwa normali li kap tal-​familja jkun irid jipprovdi l-​ikel, il-​ħwejjeġ, u post fejn jgħixu l-​mara u t-​tfal tiegħu. Imma f’dawn iż-​żminijiet li qed ngħixu, mhux dejjem ikun faċli. Xi wħud minn ħutna tilfu x-​xogħol tagħhom u minkejja li għamlu kulma setgħu biex isibu xogħol ieħor, ma rnexxilhomx. Aħwa oħrajn m’aċċettawx xogħol li mhux tajjeb għall-​Kristjani. Meta jiġrilna dan, irid ikollna fidi b’saħħitha li Ġeħova se jipprovdilna dak kollu li l-​familja tagħna jkollha bżonn. Ġesù spjega dan b’mod ċar fil-​Prietka taʼ Fuq il-​Muntanja. (Aqra Mattew 6:30, 33.) Meta nkunu konvinti li Ġeħova mhux se jabbandunana, mhux se nħallu l-​problemi tagħna jtellfuna milli nkomplu naqdu lil Ġeħova. U meta naraw kif Ġeħova qed jipprovdilna l-​affarijiet li għandna bżonn biex ngħixu, aħna se nersqu eqreb lejh u l-​fidi tagħna se tissaħħaħ.

4-5. Ġeħova kif għen lill-​familja Castro biex tkampa mal-​problemi li kellha?

4 Ara kif Ġeħova għen lil familja fil-​Venezwela meta kienu inkwetati dwar kif se jkollhom l-​affarijiet li kellhom bżonn biex jgħixu. Fil-​passat, il-​familja Castro kienu jaqilgħu l-​flus biex jgħixu mir-​razzett li kellhom. Imbagħad, xi rġiel li kienu armati tefgħuhom ’il barra u ħadulhom ir-​razzett. Il-​missier, Miguel, jgħid: “Issa għandna biċċa għalqa żgħira li sellifna xi ħadd, u qed naħdmu fiha. Kull filgħodu, jien nitlob lil Ġeħova biex jipprovdilna dak li jkollna bżonn għal matul il-​ġurnata.” Il-​ħajja mhux faċli għal din il-​familja. Imma minħabba li huma konvinti li Ġeħova se jieħu ħsieb il-​bżonnijiet taʼ kuljum tagħhom, il-​familja Castro baqgħu jattendu l-​laqgħat b’mod regulari u baqgħu jippritkaw. L-​affarijiet spiritwali kienu l-​iktar ħaġa importanti għalihom, u Ġeħova pprovdielhom dak kollu li kellhom bżonn.

5 Matul dan iż-​żmien diffiċli, Miguel u l-​mara tiegħu, Yurai, qagħdu jaħsbu kif Ġeħova ħa ħsiebhom. Xi kultant, Ġeħova uża lill-​aħwa biex jagħtuhom l-​affarijiet li kellhom bżonn jew biex jgħinu lil Miguel biex isib xogħol. U drabi oħrajn, Ġeħova uża lill-​uffiċċju tal-​fergħa biex jagħtihom l-​affarijiet li kellhom bżonn. Ġeħova dejjem ħa ħsiebhom. Grazzi għal dan, il-​fidi tagħhom bħala familja ssaħħet. Wara li semmiet eżempju taʼ kif Ġeħova kien għenhom, it-​tifla l-​kbira tagħhom, Yoselin, tgħid: “Meta naħseb dwar kif Ġeħova għenna, vera nħossni inkuraġġita. Hu l-​ħabib tiegħi, u jien ċerta li dejjem se jkun hemm biex jgħinni. Il-​problemi li għaddejna minnhom għenuna biex inkunu preparati għall-​provi iktar diffiċli li se niffaċċjaw fil-​futur.”

6. Kif tistaʼ ssaħħaħ il-​fidi tiegħek meta ssibha diffiċli biex tlaħħaq mal-​ħajja?

6 Qed issibha diffiċli ħafna biex tlaħħaq mal-​ħajja? Jekk iva, żgur li għaddej minn żmien diffiċli. Però int tistaʼ tuża dan iż-​żmien biex issaħħaħ il-​fidi tiegħek. Itlob lil Ġeħova u aqra l-​kliem taʼ Ġesù li nsibu f’​Mattew 6:25-​34 u mmedita fuqu. Aħseb dwar eżempji taʼ aħwa li baqgħu jagħmlu dak kollu li setgħu għal Ġeħova u kif hu pprovdielhom dak kollu li kellhom bżonn. (1 Kor. 15:58) Dan se jsaħħaħlek il-​fidi li bħalma Ġeħova għen lilhom, se jgħin lilek. Hu jaf x’għandek bżonn u jaf kif jipprovdihulek. Meta tesperjenza l-​għajnuna taʼ Ġeħova fil-​ħajja tiegħek, il-​fidi tiegħek se tissaħħaħ biex b’hekk tkun tistaʼ tissaporti provi iktar diffiċli fil-​futur.—Ħab. 3:17, 18.

GĦANDNA BŻONN IL-​FIDI BIEX NISSAPORTU PROBLEMI KBAR

Fidi b’saħħitha tistaʼ tgħinna nissaportu provi li jkunu bħal maltempata kbira (Ara paragrafi 7-11)

7. Skont Mattew 8:23-​26, il-​maltempata kif ittestjat il-​fidi tad-​dixxipli?

7 Meta Ġesù u d-​dixxipli tiegħu nqabdu f’maltempata, Ġesù ħa l-​opportunità biex jgħinhom jaraw fejn kellhom bżonn isaħħu l-​fidi. (Aqra Mattew 8:23-​26.) Il-​maltempata tant kienet kbira li d-​dgħajsa bdiet timtela bl-​ilma, imma Ġesù baqaʼ rieqed. Meta d-​dixxipli bil-​biżaʼ li kellhom marru jqajmuh u jgħidulu biex isalvahom, Ġesù bil-​ħlewwa staqsiehom: “Għalfejn qed tibżgħu, intom taʼ fidi żgħira?” Id-​dixxipli ma kellhomx għalfejn jibżgħu għax suppost kienu jafu li Ġeħova setaʼ jsalva lil Ġesù u lilhom. X’nistgħu nitgħallmu minn dan? Fidi b’saħħitha tistaʼ tgħinna nissaportu problemi kbar li jkunu qishom maltempata kbira.

8-9. Il-​fidi taʼ Anel kif ġiet ittestjata, u x’għenha?

8 Ara kif issaħħet il-​fidi taʼ oħt single jisimha Anel, minn Puerto Rico, minħabba li ssaportiet problema kbira. Il-​problema li ffaċċjat kienet maltempata taʼ vera. Kollox beda meta fl-​2017, l-​Uragan Maria qered id-​dar taʼ Anel. Minħabba din il-​maltempata, hi tilfet ix-​xogħol ukoll. Anel tgħid: “Matul dak iż-​żmien diffiċli, vera kont qed inħossni inkwetata. Imma jien tgħallimt li kelli nistrieħ fuq Ġeħova permezz tat-​talb u ma nħallix l-​inkwiet iwaqqafni minn dak li kelli nagħmel.”

9 Anel semmiet ukoll li anki l-​ubbidjenza għenitha biex tissaporti l-​problemi tagħha. Hi tgħid: “Għax obdejt id-​direzzjoni tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova, jiena bqajt kalma. Ġeħova għenni billi uża lill-​aħwa. Huma inkuraġġewni u tawni l-​affarijiet li kelli bżonn.” Hi tkompli tgħid: “Ġeħova tani ħafna iktar minn dak li tlabtu, u l-​fidi tiegħi vera ssaħħet.”

10. X’tistaʼ tagħmel jekk qed tiffaċċja problema kbira?

10 Qed tesperjenza xi problema kbira fil-​ħajja tiegħek, forsi minħabba xi diżastru naturali? Jew għandek xi marda serja u tħossok skuraġġit ħafna u ma tafx x’se taqbad tagħmel? Xi kultant forsi tħossok inkwetat ħafna, imma tħallix dan l-​inkwiet iwaqqfek milli tafda f’Ġeħova. Iftaħ qalbek miegħu permezz tat-​talb biex tersaq eqreb lejh. Saħħaħ il-​fidi tiegħek billi timmedita dwar kif Ġeħova għenek fil-​passat. (Salm 77:11, 12) Tistaʼ tkun ċert li hu qatt mhu se jitilqek, la issa u lanqas fil-​futur.

11. Għala għandna nkunu determinati li nobdu lil dawk li għandhom ir-​responsabbiltà li jmexxu?

11 X’jistaʼ jgħinna wkoll nissaportu l-​problemi? Bħalma qalet Anel, l-​ubbidjenza. Tgħallem afda f’dawk li Ġeħova u Ġesù jafdaw. Xi kultant, dawk li għandhom ir-​responsabbiltà li jmexxu, jieħdu deċiżjonijiet li għalina ma jagħmlux sens. Però, Ġeħova jbierek lil dawk li jkunu ubbidjenti. Mill-​Kelma tiegħu u mill-​esperjenzi taʼ qaddejja leali aħna nafu li l-​ubbidjenza ssalva l-​ħajjiet. (Eżo. 14:1-​4; 2 Kron. 20:17) Immedita fuq eżempji bħal dawn. Dan se jgħinek issaħħaħ ix-​xewqa tiegħek biex issegwi d-​direzzjoni tal-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova issa u fil-​futur. (Ebr. 13:17) Imbagħad, int mhux se jkollok għalfejn tibżaʼ meta tiġi t-​tribulazzjoni l-​kbira li dalwaqt tasal.—Prov. 3:25.

GĦANDNA BŻONN IL-​FIDI BIEX NISSAPORTU L-​INĠUSTIZZJA

Jekk nibqgħu nitolbu lil Ġeħova, il-fidi tagħna se tissaħħaħ (Ara paragrafu 12)

12. Skont Luqa 18:1-​8, jekk ikollna l-​fidi kif nistgħu nissaportu l-​inġustizzja?

12 Ġesù kien jaf li l-​inġustizzja kienet se tittestja l-​fidi tad-​dixxipli tiegħu. Biex jgħinhom jissaportuha, hu ġab tixbiha li nsibuha fil-​ktieb taʼ Luqa. Ġesù qal li mara armla baqgħet titlob lil imħallef, li kien raġel ħażin, biex issirilha ġustizzja. Hi kienet ċerta li hu kien se jgħinha jekk tibqaʼ titolbu għall-​għajnuna. Fil-​fatt, l-​imħallef imbagħad ddeċieda li jgħinha. Dan x’jgħallimna? Li Ġeħova mhux inġust. Għalhekk, Ġesù qal: “Sejjer Alla ma jġegħelx li ssirilhom ġustizzja lill-​magħżulin tiegħu li jgħajtulu lejl u nhar?” (Aqra Luqa 18:1-​8.) Imbagħad Ġesù kompla jgħid: “Meta jasal Bin il-​bniedem, veru [se] jsib il-​fidi fuq l-​art bħal dik li wriet l-​armla? Meta nbatu l-​inġustizzja rridu nuru li għandna fidi soda billi nkunu paċenzjużi u nibqgħu nitolbu, bħalma għamlet l-​armla. Jekk ikollna din it-​tip taʼ fidi, se nkunu ċerti li f’ħin jew ieħor Ġeħova se jgħinna. Irridu nemmnu wkoll li t-​talb għandu qawwa kbira. Jistaʼ jkun li kultant Ġeħova jwieġeb it-​talb tagħna b’modi li ma nkunux qed nistennew.

13. It-​talb kif għen lil familja li kienu qed jesperjenzaw l-​inġustizzja?

13 Ikkunsidra l-​esperjenza taʼ oħt jisimha Vero, li tgħix fir-​Repubblika Demokratika tal-​Kongo. Hi, ir-​raġel tagħha li mhux Xhud taʼ Ġeħova, u t-​tifla taʼ 15-​il sena kellhom jaħarbu mir-​raħal tagħhom għax kien qed jiġi attakkat minn grupp taʼ suldati. Waqt li kienu qegħdin jaħarbu, fit-​triq waqqfuhom is-​suldati u heddewhom li se joqtluhom. Meta Vero bdiet tibki, it-​tifla tagħha pprovat tikkalmaha billi bdiet titlob b’leħen għoli u fit-​talba tagħha bdiet issemmi l-​isem Ġeħova. Meta waqfet titlob, il-​kap tas-​suldati staqsieha, “Min għallmek titlob?” Hi qaltlu, “Ommi. Hi għallmitni nitlob kif qalilna Ġesù f’​Mattew 6:9-​13.” Hu qalilha, “Mur fil-​paċi mal-​ġenituri tiegħek, u jalla Ġeħova Alla tagħkom jipproteġikom!”

14. X’jistaʼ jittestja l-​fidi tagħna, u x’se jgħinna nibqgħu nissaportu?

14 Esperjenzi bħal dawn jgħallmuna li qatt m’għandna ninsew x’qawwa għandu t-​talb. Imma xi ngħidu jekk Ġeħova ma jwiġibx it-​talb tiegħek mill-​ewwel jew ma jwiġbux b’mod ovvju għalik? Bħall-​armla fit-​tixbiha taʼ Ġesù, ibqaʼ itlob. Kun ċert li Ġeħova mhux se jabbandunak, u li b’xi mod hu se jwieġeb it-​talb tiegħek fil-​waqt. Ibqaʼ itlob lil Ġeħova biex jagħtik l-​ispirtu qaddis. (Flp. 4:13) Ftakar li Ġeħova dalwaqt jippremjak bil-​kbir tant li t-​tbatija li qed tgħaddi minnha mhux se tiftakarha iżjed. Meta tissaporti l-​provi bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, int se ssir iktar b’saħħtek u se tkun tistaʼ tissaporti l-​provi li se tiffaċċja fil-​futur.—1 Pt. 1:6, 7.

GĦANDNA BŻONN IL-​FIDI BIEX MA NAQTGĦUX QALBNA MINKEJJA D-​DIFFIKULTAJIET

15. Skont Mattew 17:19, 20, id-​dixxipli taʼ Ġesù x’diffikultà ffaċċjaw?

15 Ġesù għallem lid-​dixxipli tiegħu li l-​fidi tistaʼ tgħinhom biex ma jaqtgħux qalbhom meta jiffaċċjaw id-​diffikultajiet. (Aqra Mattew 17:19, 20.) Darba waħda, huma ma setgħux ikeċċu demonju minn ġo persuna minkejja li diġà kienu għamlu dan qabel. X’kienet il-​problema? Ġesù qalilhom li kellhom bżonn iktar fidi. Qalilhom ukoll li kieku kellhom biżżejjed fidi, huma ma kinux se jaqtgħu qalbhom minkejja d-​diffikultajiet, anki jekk ikunu serji u kbar qishom muntanja! Illum, aħna wkoll nistgħu niffaċċjaw sfidi kbar li jkunu jidhru impossibbli għalina.

Jistaʼ jkun li jkollna dwejjaq kbar, imma l-fidi se tgħinna biex nibqgħu nagħmlu l-aħjar tagħna għal Ġeħova (Ara paragrafu 16)

16. Il-​fidi kif għenet lil Geydi tkampa wara li qatlulha lir-​raġel?

16 Aħseb dwar l-​eżempju taʼ oħt jisimha Geydi mill-​Gwatemala. Ir-​raġel tagħha, Edi, ġie maqtul waqt li kienu sejrin lura d-​dar mil-​laqgħa. Il-​fidi taʼ Geydi kif għenitha biex tissaporti minkejja l-​uġigħ kbir li kellha? Hi tgħid: “It-​talb għenni biex nerħi kollox f’idejn Ġeħova, u b’hekk stajt inħossni kalma. Jien nara l-​għajnuna taʼ Ġeħova permezz tal-​familja tiegħi u tal-​aħwa fil-​kongregazzjoni. L-​affarijiet spiritwali għenuni biex naljena ruħi u biex ngħix ħajti ġurnata b’ġurnata. Minn din l-​esperjenza tgħallimt li jkunu xi jkunu l-​problemi li niffaċċja fil-​futur, jien se jirnexxili nissaporti bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, Ġesù, u l-​organizzazzjoni.”

17. X’nistgħu nagħmlu meta niffaċċjaw problema li tkun tidher qisha muntanja għalina?

17 Tlift lil xi ħadd li tħobb fil-​mewt? Saħħaħ il-​fidi tiegħek fit-​tama tal-​irxoxt billi taqra r-​rakkonti li hemm fil-​Bibbja taʼ dawk li ġew imqajmin mill-​mewt. Tħossok imdejjaq ħafna minħabba li xi ħadd minn tal-​familja ġie maqtugħ mis-​sħubija? Studja ħalli tkun ċert li d-​dixxiplina li jagħtina Alla hi dejjem għall-​ġid tagħna. Tkun xi tkun il-​problema li għandek, uża din l-​opportunità biex issaħħaħ il-​fidi tiegħek. Għid lil Ġeħova eżatt kif tħossok. Tinqatax għalik waħdek, minflok ibqaʼ qrib tal-​aħwa. (Prov. 18:1) Agħmel affarijiet li jgħinuk tissaporti, anki jekk tibki meta tiftakar dwar dak li ġralek. (Salm 126:5, 6) Ibqaʼ mur il-​laqgħat, ipprietka, u aqra l-​Bibbja. U tinsiex l-​affarijiet sbieħ li Ġeħova wiegħed li se jagħtik fil-​futur. Meta tara kif Ġeħova jgħinek, il-​fidi tiegħek fih se ssir iktar b’saħħitha.

“AGĦTINA IKTAR FIDI”

18. X’tistaʼ tagħmel jekk tinduna li l-​fidi tiegħek mhix b’saħħitha biżżejjed?

18 Jekk il-​provi li esperjenzajt jew li qed tesperjenza wrew li l-​fidi tiegħek mhix b’saħħitha biżżejjed, tħossokx skuraġġit. Ħudha bħala opportunità biex issaħħaħ il-​fidi tiegħek. Imita l-​eżempju tal-​appostli, li qalu: “Agħtina iktar fidi.” (Lq. 17:5) Barra minn hekk, aħseb dwar l-​eżempji li rajna f’dan l-​artiklu. Bħal Miguel u Yurai, ftakar kemm-​il darba Ġeħova pprovdielek l-​għajnuna. Bħal Anel u t-​tifla taʼ Vero, itlob mill-​qalb lil Ġeħova, speċjalment meta tkun qed tiffaċċja problema kbira. U bħal Geydi, ftakar li Ġeħova jipprovdilek l-​għajnuna li jkollok bżonn permezz tal-​familja jew l-​aħwa. Meta tħalli lil Ġeħova jgħinek biex tiffaċċja l-​provi li għandek bħalissa, se ssir iktar konvint li hu se jgħinek tissaporti l-​provi li tistaʼ tiffaċċja fil-​futur.

19. Ġesù minn xiex kien ċert, u aħna minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

19 Ġesù għen lid-​dixxipli tiegħu jaraw fejn kellhom bżonn isaħħu l-​fidi tagħhom. Imma hu kien ċert li bl-​għajnuna taʼ Ġeħova, huma kienu se jibqgħu leali meta jiffaċċjaw il-​provi fil-​futur. (Ġw. 14:1; 16:33) Hu kien konvint li se jkun hemm folla kbira taʼ nies li se jibqgħu ħajjin wara t-​tribulazzjoni l-​kbira minħabba l-​fidi b’saħħitha tagħhom. (Riv. 7:9, 14) Se tkun hemm? Bl-​għajnuna taʼ Ġeħova se jirnexxilek jekk minn issa tagħmel dak kollu li tistaʼ biex issaħħaħ il-​fidi tiegħek!—Ebr. 10:39.

GĦANJA 118 “Agħtina iktar fidi”

^ par. 5 Ilkoll kemm aħna nixtiequ li din is-​sistema mill-​agħar tispiċċa. Imma xi kultant forsi naħsbu jekk il-​fidi tagħna hux se tkun b’saħħitha biżżejjed biex nissaportu sal-​aħħar. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw eżempji u lezzjonijiet li se jgħinuna nsaħħu l-​fidi tagħna.