Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 49

Il-Ktieb tal-Levitiku Jgħallimna Kif Għandna Nittrattaw lil Oħrajn

Il-Ktieb tal-Levitiku Jgħallimna Kif Għandna Nittrattaw lil Oħrajn

“Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.”—LEV. 19:18.

GĦANJA 109 Ħobb mill-​qalb bil-​ħeġġa kollha

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. Xi ddiskutejna fl-​artiklu taʼ qabel dan, u x’se niddiskutu f’dan l-​artiklu?

 FL-​ARTIKLU taʼ qabel dan iddiskutejna xi pariri utli li nsibu f’​Levitiku kapitlu 19. Pereżempju, fil-​vers 3 rajna li Ġeħova qal lill-​Iżraelin biex jirrispettaw lill-​ġenituri tagħhom. Aħna rajna kif illum nistgħu napplikaw dan il-​parir billi ngħinu lill-​ġenituri tagħna biex ikollhom dak li għandhom bżonn, ninkuraġġuhom, u ngħinuhom biex jibqgħu qrib taʼ Ġeħova. Fl-​istess vers, Alla qal lin-​nies tiegħu biex josservaw is-​Sabat. Għalkemm tgħallimna li llum aħna m’għandniex għalfejn nobdu s-​Sabat, aħna nistgħu napplikaw il-​prinċipju billi nwarrbu l-​ħin kuljum biex nagħmlu xi ħaġa għal Ġeħova. Billi nagħmlu dawn l-​affarijiet, aħna nkunu qed nuru li qegħdin nipprovaw inkunu qaddisin, bħalma jgħidulna li għandna nagħmlu Levitiku 19:2 u l-​1 Pietru 1:15.

2 F’dan l-​artiklu se nkomplu niddiskutu xi versi minn Levitiku kapitlu 19. Dan il-​kapitlu x’jistaʼ jgħallimna dwar kif nuru li jimpurtana minn uħud b’diżabbiltà? Kif inkunu onesti fin-​negozju? U kif nuru l-​imħabba m’oħrajn? Bħal Ġeħova aħna rridu nkunu qaddisin. Mela ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu.

URI QALB TAJBA MAʼ WĦUD B’DIŻABBILTÀ

Skont Levitiku 19:14, kif għandna nittrattaw lil persuna nieqsa mid-dawl jew nieqsa mis-smigħ? (Ara paragrafi 3-5) *

3-4. Skont Levitiku 19:14, l-​Iżraelin kif kellhom jittrattaw lin-​nies li kienu neqsin mis-​smigħ jew neqsin mid-​dawl?

3 Aqra Levitiku 19:14. Ġeħova ried lill-​poplu tiegħu jkunu qalbhom tajba maʼ wħud b’diżabbiltà. Pereżempju, hu qal lill-​Iżraelin biex ma jisħtux lil raġel nieqes mis-​smigħ. Li wieħed jisħet setaʼ jfisser li jhedded jew jgħid xi ħaġa ħażina kontra l-​persuna. Kemm tkun xi ħaġa mill-​agħar li tagħmel hekk lil xi ħadd nieqes mis-​smigħ! Hu ma jkunx jistaʼ jismaʼ dak li qed jgħidu fuqu jew jiddefendi lilu nnifsu.

4 Fil-​vers 14, Alla qal ukoll lill-​qaddejja tiegħu biex ma ‘jqegħdux tfixkil quddiem nies li huma neqsin mid-​dawl.’ Ktieb jgħid hekk dwar nies li għandhom xi diżabbiltà: “Fil-​passat, f’Iżrael, dawn in-​nies spiss kienu jiġu trattati b’mod inġust u kattiv.” Pereżempju, xi ħadd kattiv kien jagħmel xi ħaġa apposta quddiem xi ħadd nieqes mid-​dawl biex iweġġgħu jew inkella joqgħod jgħaddih biż-​żmien. Persuna li kienet tagħmel hekk kienet vera kattiva. Il-​liġi fil-​vers 14 kienet tgħin lill-​poplu taʼ Ġeħova biex ikunu konxji li huma għandhom juru qalb tajba u jgħinu lil uħud li jkollhom xi diżabbiltà.

5. Kif nistgħu nuru qalb tajba u ngħinu lin-​nies li għandhom xi diżabbiltà?

5 Ġesù kien iħoss ħafna għal dawk li kellhom xi diżabbiltà u kien jgħinhom. Ftakar fil-​messaġġ li qal lil Ġwanni l-​Battista: “L-​għomja qed jingħataw id-​dawl, iz-​zopop qed jimxu, l-​imġiddmin qed jiġu mnaddfin u t-​torox qed jisimgħu, il-​mejtin qed jitqajmu.” Wara li raw il-​mirakli taʼ Ġesù, “in-​nies kollha faħħru lil Alla.” (Lq. 7:20-​22; 18:43) Il-​Kristjani jridu jimitaw lil Ġesù u juru qalb tajba u jgħinu lil dawk li għandhom xi diżabbiltà. Għalhekk, aħna nuru qalb tajba u nkunu paċenzjużi magħhom. Ġeħova lilna ma taniex il-​qawwa biex nagħmlu l-​mirakli bħalma għamel Ġesù. Imma aħna għandna l-​privileġġ li ngħidu lil oħrajn bl-​aħbar tajba dwar il-​ġenna tal-​art, inkluż in-​nies li huma neqsin mid-​dawl u n-​nies għomja spiritwalment. Fil-​ġenna tal-​art kulħadd se jkollu saħħa perfetta u jgawdi ħbiberija maʼ Ġeħova. (Lq. 4:18) Din l-​aħbar tajba diġà qed tgħin lil ħafna nies biex ifaħħru lil Alla.

KUN ONEST FIN-​NEGOZJU TIEGĦEK

6. Levitiku kapitlu 19 kif jgħinna nifhmu l-​Għaxar Kmandamenti aħjar?

6 Levitiku kapitlu 19 jgħinna nifhmu aħjar l-​Għaxar Kmandamenti. Pereżempju, it-​tmien wieħed jgħid: “Tisraqx.” (Eżo. 20:15) Xi ħadd jistaʼ jaħseb li jekk hu qatt ma jkun ħa xi ħaġa taʼ xi ħadd ieħor, ikun qed jobdi dan il-​kmandament. Però, jistaʼ jkun qed jisraq b’modi oħrajn.

7. Negozjant kif jistaʼ jkun qed jikser it-​tmien kmandament dwar is-​serq?

7 Negozjant jistaʼ jaħseb li hu qatt ma seraq minħabba li qatt ma jkun ħa xi ħaġa taʼ ħaddieħor. Imma dejjem kien onest meta għamel negozju maʼ oħrajn? F’​Levitiku kapitlu 19:35, 36, Ġeħova jgħid: “Tagħmlux inġustizzja fil-​ġudizzju, fil-​qjies, fl-​użin, jew fil-​kejl tal-​likwidi. Għandu jkollkom miżien eżatt, użin eżatt, efa eżatta u ħinn eżatt.” Meta negozjant ma jkunx qed juża l-​miżien jew il-​kejl b’mod tajjeb, ikun qed jisraq. Hemm versi oħrajn f’​Levitiku kapitlu 19 li juruna dan b’mod ċar.

Skont Levitiku 19:11-13, Kristjan li jħaddem in-nies miegħu liema mistoqsijiet għandu jsaqsi? (Ara paragrafi 8-10) *

8. Levitiku 19:11-​13 kif għen lil-​Lhud japplikaw il-​prinċipju tat-​tmien kmandament, u dan kif jgħin lilna llum?

8 Aqra Levitiku 19:11-​13. Levitiku 19:11 jibda bil-​kliem: “Tisirqux.” Vers 13 iqabbel is-​serq mal-​frodi fin-​negozju. Il-​vers jgħid: “Timbroljax lil għajrek.” Għalhekk, meta xi ħadd ma jkunx onest fin-​negozju tiegħu jkun qed jisraq. It-​tmien kmandament jgħid li s-​serq hu ħażin. Imma d-​dettalji fil-​ktieb tal-​Levitiku għenu lil-​Lhud jifhmu kif huma setgħu japplikaw il-​prinċipju taʼ din il-​liġi u jkunu onesti f’dak kollu li jagħmlu. Aħna nistgħu nibbenefikaw meta naħsbu dwar kif Ġeħova jqis id-​diżonestà u s-​serq. Nistgħu nsaqsu lilna nfusna: ‘Meta naħseb dwar Levitiku 19:11-​13, nirrealizza li għandi bżonn nagħmel xi bidliet fil-​ħajja tiegħi, speċjalment fejn jidħol in-​negozju?’

9. Il-​liġi f’​Levitiku 19:13 kif ipproteġiet il-​ħaddiem?

9 Hemm xi ħaġ’oħra li negozjant Kristjan, li jkun iħaddem lin-​nies miegħu, għandu jikkunsidra. Levitiku 19:13 jgħid ukoll: “Il-​ħlas taʼ ħaddiem mikri m’għandux jibqaʼ għandek il-​lejl kollu sa fil-​għodu.” F’Iżrael, il-​maġġoranza tan-​nies kienu jaħdmu fl-​irziezet, u l-​ħaddiema mikrijin kienu jitħallsu fl-​aħħar tal-​ġurnata. Jekk il-​ħaddiem ma kienx jingħata l-​paga, jaf lanqas kien ikollu biex jitmaʼ lill-​familja tiegħu. Ġeħova spjega li hu “qiegħed f’sitwazzjoni mwiegħra [jew, diffiċli] u jixxennaq għal ħlasu għax għandu bżonnu.”—Dt. 24:14, 15; Mt. 20:8.

10. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Levitiku 19:13?

10 Illum, ħafna ħaddiema jitħallsu darba jew darbtejn fix-​xahar, mhux kuljum. Imma, il-​prinċipju li nsibu f’​Levitiku 19:13 japplika għal-​lum ukoll. Xi negozjanti ma jkunux ġusti mal-​ħaddiema tagħhom, għax ma jħallsuhomx kemm ħaqqhom. Huma jafu li dawn il-​ħaddiema jaf m’għandhomx għażla oħra, u se jibqgħu jaħdmu għalihom minkejja li mhux qed jitħallsu kemm suppost. Nistgħu ngħidu li dawn in-​negozjanti qed ‘iżommu l-​ħlas tal-​ħaddiem mikri għandhom.’ Kristjan li jħaddem in-​nies miegħu għandu jkun ċert li qed ikun ġust magħhom. Issa ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu iktar minn Levitiku kapitlu 19.

ĦOBB LIL GĦAJREK BĦALEK INNIFSEK

11-12. Meta Ġesù kkwota minn Levitiku 19:17, 18, lejn xiex ġibed l-​attenzjoni?

11 Alla ma jridx biss li aħna ma nagħmlux ħsara lill-​oħrajn. Nistgħu naraw dan f’​Levitiku 19:17, 18. (Aqra.) Innota kemm hu ċar dan il-​kmand: “Ħobb lil għajrek bħalek innifsek.” Kristjan għandu jagħmel hekk jekk irid jogħġob lil Alla.

12 Ġesù wera li l-​kmand li nsibu f’​Levitiku 19:18 huwa importanti ħafna. Darba waħda, wieħed mill-​Fariżej staqsa lil Ġesù: “Liema hu l-​akbar kmandament fil-​Liġi?” Ġesù wieġbu li “l-​akbar u l-​ewwel kmandament” hu li tħobb lil Ġeħova Alla tiegħek b’qalbek kollha u b’ruħek kollha u b’moħħok kollu. Imbagħad Ġesù kkwota Levitiku 19:18, u qallu: “It-​tieni jixbhu u hu dan, ‘Ħobb lill-​proxxmu tiegħek bħalek innifsek.’” (Mt. 22:35-​40) Hemm ħafna modi kif nuru li nħobbu lill-​oħrajn. Ejja nitgħallmu xi ftit minnhom minn Levitiku kapitlu 19.

13. Ir-​rakkont taʼ Ġużeppi kif jgħinna nifhmu aħjar Levitiku 19:18?

13 Mod wieħed kif nuru li nħobbu lill-​oħrajn hu billi napplikaw il-​parir li nsibu f’​Levitiku 19:18. Il-​vers jgħid: “Tivvendikax ruħek u lanqas iżżomm f’qalbek.” Ħafna minna nafu nies li baqgħu rrabjati għal xi ħadd fuq il-​post tax-​xogħol, l-​iskola, jew xi membru tal-​familja—ġieli anki għal ħafna snin! Ftakar li ħut Ġużeppi mill-​missier tant kienu rrabjati għalih li bdew jobogħduh u bigħuh bħala lsir. (Ġen. 37:2-​8, 25-​28) Imma Ġużeppi ma ttrattahomx ħażin. Meta setaʼ jpattihielhom, hu wera ħniena magħhom. Ġużeppi ma baqax iżomm f’qalbu. Minflok, hu għamel dak li jgħidilna biex nagħmlu Levitiku 19:18.—Ġen. 50:19-​21.

14. X’jurina li llum ukoll irridu nobdu l-​prinċipji li nsibu f’​Levitiku 19:18?

14 Kristjani li jridu jogħġbu lil Alla jridu jimitaw lil Ġużeppi billi jaħfru lil ħuthom u mhux ipattu lura. Dan hu eżatt dak li qalilna biex nagħmlu Ġesù fit-​talba tal-​Missierna, meta qal biex naħfru lil dawk li jonqsuna. (Mt. 6:9, 12) Anki l-​appostlu Pawlu qal lill-​Kristjani sħabu: “Maħbubin, tivvendikawx ruħkom.” (Rum. 12:19) Hu inkuraġġiehom ukoll billi qal: “Komplu ssaportu lil xulxin u aħfru lil xulxin mill-​qalb jekk xi ħadd għandu għalxiex jilmenta kontra ħaddieħor.” (Kol. 3:13) Il-​prinċipji taʼ Ġeħova ma jinbidlux. Anki llum il-​ġurnata, aħna rridu nobdu l-​prinċipji wara l-​liġi li nsibu f’​Levitiku 19:18.

Bħalma hu ħażin li toqgħod tmiss il-ferita li jkollok, ikun ħażin ukoll jekk toqgħod taħseb fuq dak li ġara meta xi ħadd jonqsok. Irridu nipprovaw ninsew dak li għamlulna (Ara paragrafu 15) *

15. Liema eżempju jistaʼ jgħinna nifhmu kemm hu importanti li naħfru u ma nżommux f’qalbna?

15 Aħseb ftit dwar dan l-​eżempju. L-​uġigħ taʼ meta jweġġagħna xi ħadd nistgħu nqabbluh maʼ ferita. Xi feriti jkunu żgħar, imma oħrajn ikunu kbar. Pereżempju, tistaʼ taqtaʼ subgħajk b’xi karta. Dak il-​ħin taħarqek ħafna, imma mbagħad malajr tgħaddilek. Wara jumejn x’aktarx li tinsa fejn tkun qtajt. B’mod simili, xi ħadd jistaʼ jgħidilna jew jagħmlilna xi ħaġa li tweġġagħna mingħajr ma jaħsibha, imma aħna nkunu nistgħu naħfrulu malajr. Imma jekk ikollna ferita kbira jkollna mmorru għand it-​tabib biex jinfaxxahielna. Jekk noqogħdu mmissu l-​ferita, x’aktarx li tiffjammalna u ma tgħaddilniex malajr. B’dispjaċir, meta persuna tieħu għaliha u tibqaʼ żżomm f’qalbha tkun qisha qed tagħmel hekk. Hi jaf toqgħod taħseb dwar il-​mod kif ġiet trattata. Imma dawk li jżommu f’qalbhom ikunu qed jagħmlu l-​ħsara lilhom infushom. Mela kemm ikun aħjar li napplikaw il-​parir li nsibu f’​Levitiku 19:18!

16. Skont Levitiku 19:33, 34, Ġeħova kif ried li l-​Iżraelin jittrattaw lill-​barranin, u aħna x’nistgħu nitgħallmu minn dan?

16 Meta Ġeħova kkmanda lill-​Iżraelin biex iħobbu lill-​oħrajn, hu ma kienx qed jirreferi għalihom biss. Hu qalilhom ukoll biex iħobbu lill-​barranin li kienu jgħixu fil-​pajjiż tagħhom. Dan il-​messaġġ qiegħed ċar f’​Levitiku 19:33, 34. (Aqra.) Il-​barrani kellu jiġi ttrattat “bħal wieħed imwieled fil-​pajjiż tagħhom,” u l-​Iżraelin kellhom ‘iħobbuh bħalhom infushom.’ Pereżempju, il-​Liġi Mosajka kienet tgħid li l-​Iżraelin kellhom iħallu l-​barranin u l-​foqra jiġbru l-​fdalijiet mill-​għelieqi. (Lev. 19:9, 10) Il-​prinċipju biex inħobbu lill-​barranin japplika għalina llum. (Lq. 10:30-​37) Kif nistgħu nagħmlu dan? Hemm miljuni taʼ immigranti madwar id-​dinja, u x’aktarx hemm uħud li jgħixu qrib tiegħek. Huwa importanti li nittrattaw lil dawn l-​irġiel, nisa, u tfal b’rispett.

XOGĦOL IMPORTANTI LI MA JISSEMMIEX F’​LEVITIKU 19

17-18. (a) Levitiku 19:2 u l-​1 Pietru 1:15 x’jgħallmuna? (b) L-​appostlu Pietru liema xogħol importanti inkuraġġiena nagħmlu?

17 Kemm Levitiku 19:2, kif ukoll l-​1 Pietru 1:15 jinkuraġġixxu lin-​nies t’Alla biex ikunu qaddisin. Ħafna versi oħrajn minn Levitiku kapitlu 19 jistgħu jgħinuna naraw x’għandna nagħmlu biex nogħġbu lil Ġeħova. Aħna ddiskutejna versi li juruna xi affarijiet li għandna nagħmlu u xi affarijiet li għandna nevitaw. * L-​Iskrittura Griega Kristjana turina li Ġeħova jridna napplikaw dawn il-​prinċipji fil-​ħajja tagħna. Imma l-​appostlu Pietru żied xi ħaġa oħra.

18 X’aktarx li għandna rutina spiritwali u nagħmlu ħafna affarijiet tajbin għal oħrajn. Però Pietru inkuraġġixxa lill-​Kristjani biex jagħmlu xi ħaġa oħra li hi importanti ħafna. Qabel ma Pietru qalilna biex inkunu qaddisin fil-​kondotta kollha tagħna, hu qal: “Ħejju lil moħħkom għal attività intensiva.” (1 Pt. 1:13, 15) X’inhi din l-​attività? Pietru qal li l-​midlukin kellhom ‘ixandru maʼ kullimkien il-​kwalitajiet eċċellenti’ taʼ dak li sejħilhom.’ (1 Pt. 2:9) Fil-​fatt, il-​Kristjani kollha llum għandhom il-​privileġġ li jagħmlu dan ix-​xogħol importanti, li jistaʼ jgħin lin-​nies iktar minn kull ħaġ’oħra li nagħmlu. Kemm hu privileġġ speċjali bħala n-​nies qaddisin t’Alla li b’mod regulari nistgħu nippritkaw u ngħallmu b’żelu! (Mk. 13:10) Meta nagħmlu dak kollu li nistgħu biex napplikaw il-​prinċipji li nsibu f’​Levitiku 19, inkunu qed nuru li aħna nħobbu lil Alla u lin-​nies. U nkunu qed nuru wkoll li aħna rridu ‘nkunu qaddisin’ f’dak kollu li nagħmlu.

GĦANJA 111 Ir-​raġunijiet tagħna għall-​ferħ

^ Il-​Kristjani m’għadhomx taħt il-​Liġi Mosajka, imma dik il-​Liġi ssemmi ħafna affarijiet li l-​Kristjani għandhom jew m’għandhomx jagħmlu. Li nitgħallmu dwar dawn l-​affarijiet se jgħinna biex nuru mħabba lejn oħrajn u nogħġbu lil Alla. Dan l-​artiklu se jgħinna naraw kif nistgħu napplikaw il-​lezzjonijiet li nsibu f’​Levitiku kapitlu 19 fil-​ħajja tagħna.

^ F’dan l-​artiklu u taʼ qablu ma ddiskutejniex versi li jitkellmu dwar il-​preferenzi, il-​malafama, id-​demm, l-​ispiritiżmu, it-​teħbir, u l-​immoralità sesswali.—Lev. 19:15, 16, 26-​29, 31.—Ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” f’din il-​ħarġa.

^ X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Ħu qed jgħin lil ħu li hu deaf biex jikkomunika mat-tabib.

^ X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Ħu li jħaddem in-nies miegħu qed iħallas lil wieħed mil-lavranti.

^ X’JGĦIDULNA L-ISTAMPI: Oħt tistaʼ tinsa malajr xi qatgħa żgħira li tkun għamlet. Se tagħmel l-istess jekk ikollha ferita akbar?