Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Mistoqsijiet mill-Qarrejja

Levitiku 19:16 fih il-​kmand,“tqumx kontra għajrek u titlob demmu.” Dan il-​kmand xi jfisser u x’nistgħu nitgħallmu minnu?

Ġeħova qal lill-​Iżraelin biex ikunu qaddisin. Biex jgħinhom hu qalilhom: “Tmurx ’l hawn u ’l hinn qalb il-​poplu tiegħek sabiex ixxerred il-​malafama. Tqumx kontra għajrek u titlob demmu. Jien Ġeħova.”—Lev. 19:2, 16.

Il-​kliem “tqumx kontra” huwa traduzzjoni tajba tal-​espressjoni bl-​Ebrajk. Imma dan il-​kliem xi jfisser? Ktieb Ebrajk jgħid hekk dwar il-​ktieb tal-​Levitiku: “Din il-​parti tal-​vers hija . . . diffiċli biex tifhimha minħabba li ma nafux eżatt xi tfisser l-​espressjoni bl-​Ebrajk li letteralment tfisser ‘toqgħodx bilwieqfa qrib xi ħadd.’”

Xi esperti jaħsbu li dan il-​kliem għandu konnessjoni maʼ vers 15, li jgħid: “Timxux bl-​inġustizzja fil-​ġudizzju. Tittrattax lill-​batut bil-​parzjalità, u tippreferix lil xi ħadd għax hu kbir. Għandek tiġġudika lil sieħbek bil-​ġustizzja.” (Lev. 19:15) F’dan il-​każ, il-​kmand li nsibu fil-​vers 16, “tqumx kontra għajrek,” jistaʼ jfisser li l-​Iżraelin kellhom ikunu ġusti fil-​każijiet li kellhom fil-​qorti, fin-​negozju, u fil-​familja. U ma kellhomx iqarrqu biex jiggwadanjaw huma. Huwa veru li m’għandniex nagħmlu dawn l-​affarijiet, imma hemm ħsieb ieħor li jagħmel iktar sens f’din il-​frażi li nsibu f’vers 16.

Aħseb kif jibda l-​vers 16. Alla kmanda lill-​poplu tiegħu biex ma joqogħdux ixerrdu l-​malafama. Huwa veru li meta n-​nies jgħidu fuq oħrajn jistgħu jaqilgħu l-​problemi, imma l-​malafama hija agħar minn hekk. (Prov. 10:19; Ekk. 10:12-​14; 1 Tim. 5:11-​15; Ġak. 3:6) Xi ħadd li jimmalafama spiss jigdeb apposta biex iħammeġ ir-​reputazzjoni taʼ dak li jkun. Min jimmalafama jistaʼ jasal anki biex jixhed falz kontra persuna, anki jekk dan iwassal biex il-​persuna tinqatel. Ftakar li dawk li mmalafamaw lil Nabot qalu l-​gideb kontrih u dan wassal biex Nabot jiġi mħaġġar sal-​mewt. (1 Slat. 21:8-​13) Allura, kif naraw fit-​tieni parti taʼ Levitiku 19:16, xi ħadd li jimmalafama setaʼ jqum kontra għajru billi jikkaġunalu l-​mewt.

Barra minn hekk, xi ħadd jistaʼ jimmalafama lil xi ħadd ieħor għax ikun jobogħdu. L-​1 Ġwanni 3:15 jgħid: “Kulmin jobgħod lil ħuh hu qattiel, u tafu li f’ebda qattiel ma tibqaʼ l-​ħajja taʼ dejjem.” U wara li fil-​vers 16 Alla qal: “Tqumx kontra għajrek u titlob demmu,” hu kompla jgħid: “Tobgħodx lil ħuk f’qalbek.”—Lev. 19:17.

Għalhekk, dan il-​kmand partikolari li nsibu f’​Levitiku 19:16 jagħti parir sod lill-​Kristjani. Aħna rridu nkeċċu kull ħsieb ħażin li jiġina f’moħħna u qatt ma għandna nimmalafamaw lil xi ħadd. Jekk aħna ‘nqumu kontra għajrna,’ jiġifieri, nimmalafamaw lil xi ħadd għax ma jkollniex grazzja miegħu jew għax ngħiru għalih, jistaʼ jkun li nkunu qed nobogħduh? Il-​Kristjani għall-​ebda raġuni m’għandhom jobogħdu lil xi ħadd.—Mt. 12:36, 37.