Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 50

Ismaʼ minn Dak li Jgħallimna Ġesù

Ismaʼ minn Dak li Jgħallimna Ġesù

“[Huma] jisimgħu leħni.”—ĠW 10:16.

GĦANJA 3 Ġeħova jqawwina, ifarraġna, u jtina tama

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġesù għala jistaʼ jkun li qabbel lid-​dixxipli tiegħu man-​nagħaġ?

 ĠESÙ qabbel ir-​relazzjoni li għandu mad-​dixxipli tiegħu mar-​relazzjoni li jkollu ragħaj man-​nagħaġ tiegħu. (Ġw. 10:14) Dan hu vera eżempju tajjeb. In-​nagħaġ jafu lir-​ragħaj tagħhom, jagħrfu leħnu, u jobduh. Turist ra dan b’għajnejh stess. Hu qal: “Aħna ridna nieħdu ritratt lin-​nagħaġ u bdejna ngħajtulhom biex jiġu ħdejna. Imma huma ma resqux lejna għax ma kinux jafu leħinna. Imbagħad ġie tifel żgħir, ir-​ragħaj tagħhom, u malli għajtilhom mill-​ewwel telqu għal warajh.”

2-3. (a) Id-​dixxipli taʼ Ġesù kif juru li qed jisimgħu minn leħnu? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu u taʼ warajh?

2 L-​esperjenza taʼ dan it-​turist tfakkarna fil-​kliem li qal Ġesù dwar in-​nagħaġ tiegħu, jiġifieri, id-​dixxipli. Hu qal: “[Huma] jisimgħu leħni.” (Ġw. 10:16) Imma Ġesù qiegħed fis-​sema, allura kif nistgħu nisimgħu minnu? Aħna nisimgħu minnu billi nagħmlu l-​affarijiet li għallimna hu.—Mt. 7:24, 25.

3 F’dan l-​artiklu u taʼ warajh se nikkunsidraw xi lezzjonijiet li għallimna Ġesù. Ġesù għallimna li hemm affarijiet li għandna nagħmlu u oħrajn li m’għandniex nagħmluhom. L-​ewwel se nikkunsidraw żewġ affarijiet li l-​aqwa ragħaj qalilna biex ma nibqgħux nagħmlu.

“TIBQGĦUX TKUNU ANSJUŻI U DUBJUŻI”

4. Skont Luqa 12:29, x’jistaʼ jġegħelna ‘nkunu ansjużi u dubjużi’?

4 Aqra Luqa 12:29. Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex ma ‘jibqgħux ikunu ansjużi u dubjużi’ dwar l-​affarijiet materjali li jkollhom bżonn biex jgħixu. Aħna nafu li l-​pariri li jagħtina Ġesù huma dejjem tajbin u għall-​ġid tagħna. Aħna nkunu nixtiequ napplikawhom, imma xi kultant jistaʼ jkun li nsibuha diffiċli. Għala?

5. Xi wħud għala jistgħu jkunu ansjużi dwar l-​affarijiet li jkollhom bżonn?

 5 Xi wħud jistgħu jkunu ansjużi dwar l-​affarijiet li jkollhom bżonn biex jgħixu, bħall-​ikel, il-​ħwejjeġ, u post fejn jgħixu. Forsi jkunu jgħixu f’pajjiż fejn in-​nies ikunu foqra u jkun diffiċli biex isibu xogħol. Għalhekk, jistaʼ jkun diffiċli biex jaqilgħu biżżejjed flus għall-​familja. Jew forsi l-​persuna li kienet taqlaʼ l-​flus għall-​familja mietet, u għalhekk il-​familja ma jkollhiex biex tixtri l-​affarijiet li jkollha bżonn. Barra minn hekk, ħafna nies tilfu x-​xogħol tagħhom minħabba l-​pandemija tal-​COVID-​19. (Ekk. 9:11) Jekk esperjenzajna xi problema minn dawn li semmejna jew affarijiet oħrajn, kif nistgħu napplikaw il-​parir li tana Ġesù biex ma nibqgħux inkunu ansjużi?

Minflok ma ninkwetaw iżżejjed dwar l-affarijiet li jkollna bżonn, irridu nkomplu nsaħħu l-fidi tagħna f’Ġeħova (Ara paragrafi 6-8) *

6. Iddeskrivi xi ġralu l-​appostlu Pietru.

6 Darba waħda, l-​appostlu Pietru u l-​appostli l-​oħrajn inqabdu f’maltempata waqt li kienu fuq dgħajsa fil-​Baħar tal-​Galilija. Wara ftit, raw lil Ġesù riesaq lejhom miexi fuq il-​baħar. Pietru qal: “Mulej, jekk inhu int, ordnali niġi ħdejk fuq l-​ilma.” Wara li Ġesù qallu “ejja” Pietru “niżel mid-​dgħajsa, mexa fuq l-​ilma, u mar lejn Ġesù.” Innota x’ġara wara. “X’ħin ra r-​riefnu beda jibżaʼ u, kif beda jegħreq, għajjat: ‘Mulej, salvani!’” Ġesù ħareġ idu biex iżommu u salvah. Huwa importanti li niftakru li Pietru rnexxielu jimxi fuq il-​baħar sakemm baqaʼ jħares lejn Ġesù. Imma meta Pietru qabad jiffoka fuq il-​maltempata, beda jibżaʼ u beda jegħreq.—Mt. 14:24-​31.

7. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pietru?

7 Ejja naraw x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Pietru. Meta Pietru niżel mid-​dgħajsa u beda jimxi fuq il-​baħar, hu ma ħasibx li kien se jinkwieta dwar il-​maltempata u mbagħad jibda jegħreq. Hu ried jibqaʼ miexi fuq il-​baħar biex jasal ħdejn Ġesù. Imma minflok baqaʼ jħares lejn Ġesù, hu qabad jinkwieta minħabba l-​maltempata. Bħalma Pietru kellu bżonn il-​fidi biex jimxi fuq il-​baħar, illum aħna jrid ikollna l-​fidi biex nissaportu l-​problemi. Jekk ma nibqgħux nafdaw f’Ġeħova u l-​wegħdi tiegħu, il-​fidi tagħna tistaʼ tiddgħajjef u jkun bħallikieku qed inħallu l-​problemi tagħna jgħarrquna. Mela anke jekk għandna problemi kbar, irridu nżommu f’moħħna lil Ġeħova u niftakru li hu kapaċi jgħinna. Kif nistgħu nagħmlu dan?

8. X’jistaʼ jgħinna ma nkunux ansjużi dwar l-​affarijiet li jkollna bżonn?

8 Minflok ma nkunu ansjużi dwar il-​problemi tagħna, aħna rridu nafdaw f’Ġeħova. Ftakar li Missierna kollu mħabba jwegħedna li hu se jipprovdilna dak kollu li jkollna bżonn jekk aħna npoġġu lilu l-​ewwel f’ħajjitna. (Mt. 6:32, 33) Il-​Bibbja turi li hu dejjem żamm din il-​wegħda. (Dt. 8:4, 15, 16; Salm 37:25) La Ġeħova jipprovdi lill-​għasafar u l-​fjuri, mela aħna m’għandniex għalfejn ninkwetaw iżżejjed dwar x’se nieklu jew x’se nilbsu! (Mt. 6:26-​30; Flp. 4:6, 7) Bħalma l-​imħabba ġġiegħel lill-​ġenituri jipprovdu dak li jkollhom bżonn it-​tfal tagħhom, l-​imħabba ġġiegħel lil Missierna tas-​sema biex bħala wliedu jipprovdilna dak li jkollna bżonn. Iva, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jieħu ħsiebna!

9. X’tistaʼ titgħallem mill-​esperjenza taʼ din il-​koppja?

9 Ikkunsidra din l-​esperjenza li turi kif Ġeħova jistaʼ jipprovdilna l-​affarijiet li jkollna bżonn. Koppja li jaqdu fis-​servizz full-​time saqu bil-​karozza antika tagħhom għal iktar minn siegħa biex jiġbru xi aħwa nisa mill-​kamp tar-​refuġjati u jiħduhom għal-​laqgħa. Il-​ħu jgħid: “Wara l-​laqgħa, stidinniehom biex jiġu jieklu xi ħaġa għandna, imma mbagħad ftakarna li ma kellna xejn ikel.” Imbagħad x’ġara? Il-​ħu jkompli jgħid: “X’ħin wasalna d-​dar sibna żewġ basktijiet kbar mimlijin bl-​ikel quddiem il-​bieb. Ma konniex nafu min ħalliehom. Ġeħova ħa ħsiebna.” Wara xi żmien, il-​karozza tagħhom inqalgħetilha l-​ħsara. Huma kellhom bżonnha biex imorru jippritkaw imma ma kellhomx flus biex jirranġawha. Huma ħadu l-​karozza għand il-​mekkanik biex jaraw kemm se tiġihom l-​ispiża. Imbagħad, kien għaddej raġel u lill-​mekkanik qallu: “Taʼ min hi din il-​karozza?” Il-​ħu qallu li kienet tiegħu u li kienet bil-​ħsara. Ir-​raġel wieġbu: “Ma jimpurtax. Il-​mara tiegħi trid waħda bħalha u eżatt dan il-​kulur. Kemm trid tagħha?” Il-​ħu begħhielu u mbagħad kellu biżżejjed flus biex jixtri karozza oħra. Hu qal: “Aħna konna ferħanin ħafna fl-​aħħar tal-​ġurnata. Konna nafu li din ma kinitx kumbinazzjoni, imma kien Ġeħova li għenna.”

10. Salm 37:5 kif jinkuraġġina biex ma nkunux inkwetati dwar l-​affarijiet li jkollna bżonn?

10 Meta nisimgħu mir-​ragħaj tagħna u ma nibqgħux ninkwetaw iżżejjed dwar l-​affarijiet li jkollna bżonn, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jieħu ħsiebna. (Aqra Salm 37:5; 1 Pt. 5:7) Aħseb dwar il-​problemi li semmejna f’ paragrafu 5. Sal-​lum, Ġeħova jaf qed juża lill-​kap tal-​familja jew lil min iħaddmek biex jipprovdilek dak li għandek bżonn. Imma jekk il-​kap tal-​familja ma jkunx jistaʼ jipprovdi għall-​familja jew inkella nitilfu x-​xogħol tagħna, Ġeħova se jipprovdilna b’modi oħrajn. Aħna nistgħu nkunu ċerti minn dan! Issa ejja nikkunsidraw xi ħaġa oħra li l-​aqwa ragħaj qalilna biex ma nibqgħux nagħmlu.

“TIBQGĦUX TIĠĠUDIKAW”

Nistgħu nieqfu niġġudikaw lil oħrajn jekk aħna niffokaw fuq it-tajjeb tagħhom (Ara paragrafi 11, 14-16) *

11. Skont Mattew 7:1, 2, Ġesù x’qalilna biex ma nagħmlux u għala kultant jistaʼ jkun diffiċli?

11 Aqra Mattew 7:1, 2. Ġesù kien jaf li n-​nies huma imperfetti u li spiss jiffokaw fuq in-​nuqqasijiet t’oħrajn. Hu għalhekk qal: “Tibqgħux tiġġudikaw.” Għalkemm aħna nipprovaw nagħmlu dan maʼ ħutna, mhux dejjem jirnexxilna. Jekk nindunaw li xi kultant qed niffokaw fuq in-​nuqqasijiet t’oħrajn, x’għandna nagħmlu? Irridu nisimgħu minn Ġesù u naħdmu iebes biex ma nibqgħux niġġudikaw.

12-13. L-​eżempju taʼ Ġeħova kif jgħinna biex ma nibqgħux niġġudikaw lil oħrajn?

12 Aħna nistgħu nibbenefikaw billi nimmeditaw fuq l-​eżempju taʼ Ġeħova. Hu jiffoka fuq it-​tajjeb tan-​nies. Aħseb dwar dak li għamel Ġeħova meta s-​Sultan David għamel żbalji kbar. Pereżempju, hu għamel adulterju maʼ Bat-​seba u organizza biex ir-​raġel tagħha jinqatel. (2 Sam. 11:2-​4, 14, 15, 24) Minħabba dak li għamel, David u l-​familja tiegħu, inkluż in-​nisa l-​oħrajn, batew ħafna. (2 Sam. 12:10, 11) Darb’oħra, David ma straħx kompletament fuq Ġeħova. Hu għadd l-​irġiel tal-​armata t’Iżrael, xi ħaġa li Ġeħova ma qallux biex jagħmel. David jistaʼ jkun li għamel dan għax kien kburi li kellu armata kbira u hu straħ fuqha għall-​protezzjoni. X’kien ir-​riżultat? Madwar 70,000 Iżraeli mietu b’marda li tittieħed.—2 Sam. 24:1-​4, 10-​15.

13 Kieku kont tgħix f’Iżrael dak iż-​żmien kif kont tħares lejn David? Kont taħseb li Ġeħova m’għandux jaħfirlu? Imma Ġeħova ma ħasibhiex hekk. Hu ffoka fuq il-​lealtà li David wera matul ħajtu u l-​fatt li kien iddispjaċieh vera. Għalhekk Ġeħova ħafer lil David dawn id-​dnubiet serji li għamel. Ġeħova kien jaf li David iħobbu ħafna u xtaq jagħmel dak li hu sewwa. Kemm għandna napprezzaw li Ġeħova jiffoka fuq il-​kwalitajiet tajbin li għandna!—1 Slat. 9:4; 1 Kron. 29:10, 17.

14. X’jistaʼ jgħinna biex ma nibqgħux niġġudikaw lil oħrajn?

14 Peress li Ġeħova ma jistenniex li nkunu perfetti, aħna m’għandniex nistennew li oħrajn ikunu perfetti. Irridu nfittxu t-​tajjeb fihom. Spiss ikun faċli biex tara l-​imperfezzjonijiet t’oħrajn u tikkritikahom. Imma xi ħadd li jimita lil Ġeħova jmur tajjeb m’oħrajn anke jekk ikun jaf bl-​imperfezzjonijiet tagħhom. Qabel ma jiġi maqtugħ, djamant ma jkunx sabiħ, imma persuna li tifhem taf li wara li jiġi maqtugħ u ppolixxjat jiġi sabiħ u prezzjuż ħafna. Bħal Ġeħova u Ġesù, aħna ma rridux niffokaw fuq in-​nuqqasijiet tan-​nies, imma rridu naraw il-​kwalitajiet tajbin li għandhom.

15. X’se jgħinna wkoll biex ma niġġudikawx lil oħrajn?

15 Minbarra li niffokaw fuq il-​kwalitajiet tajbin t’oħrajn, x’jistaʼ jgħinna biex ma niġġudikawhomx? Ipprova aħseb minn xiex jistgħu jkunu għaddejjin fil-​ħajja tagħhom. Ikkunsidra dan l-​eżempju. Darba waħda, Ġesù ra armla fqira titfaʼ żewġ muniti taʼ valur żgħir fil-​kaxxa fejn kienu jitfgħu d-​donazzjonijiet. Hu ma qalx: “Għaliex ma tefgħetx iżjed?” Minflok ma ffoka fuq il-​valur tal-​muniti, Ġesù ħaseb għala tefgħet il-​flus u dwar dak li kienet għaddejja minnu din l-​armla. Ġesù faħħarha għax hi tat dak kollu li setgħet.—Lq. 21:1-​4.

16. X’tistaʼ titgħallem mill-​esperjenza taʼ Veronica?

16 L-​esperjenza taʼ oħt jisimha Veronica turina kemm hu importanti li naħsbu dwar dak li jistgħu jkunu għaddejjin minnu oħrajn. Fil-​kongregazzjoni tagħha kien hemm omm single u t-​tifel tagħha. Veronica tgħid: “Għalija ma kinux jattendu l-​laqgħat u joħorġu fuq il-​ministeru b’mod regolari. Allura kelli ħarsa negattiva lejhom. Imma darba waħda ħriġt fuq il-​ministeru mal-​omm. Hi qaltli li t-​tifel tagħha jbati bil-​kundizzjoni tal-​awtiżmu. Hi kienet qed tagħmel l-​almu tagħha biex tlaħħaq mal-​ħajja u biex iżżomm il-​ħbiberija tagħhom maʼ Ġeħova b’saħħitha. Xi kultant, minħabba l-​kundizzjoni tat-​tifel hi kienet tattendi l-​laqgħat maʼ kongregazzjoni oħra.” Veronica tgħid: “Ma kontx naf li kellha ħajja daqshekk diffiċli. Issa vera nħobbha u nirrispettaha għax hi qed tagħmel dak kollu li tistaʼ biex taqdi lil Ġeħova.”

17. Ġakbu 2:8 x’jurina li għandna nagħmlu, u kif nistgħu nagħmluh?

17 X’għandna nagħmlu jekk nindunaw li ġġudikajna lil ħu jew oħt? Irridu niftakru li aħna għandna nħobbu lil ħutna. (Aqra Ġakbu 2:8.) Ukoll, irridu nitolbu lil Ġeħova mill-​qalb biex jgħinna ħalli ma nibqgħux niġġudikaw lil oħrajn. Nistgħu naħdmu fi qbil mat-​talb tagħna billi nqattgħu l-​ħin mal-​persuna li kellna opinjoni ħażina dwarha. Dan se jgħinna biex insiru nafuha aħjar. Nistgħu naħdmu magħha fuq il-​ministeru jew nistidnuha biex tiekol xi ħaġa magħna. Hekk kif nibdew insiru nafu lill-​ħu jew l-​oħt, nistgħu nipprovaw nimitaw l-​eżempju taʼ Ġeħova u Ġesù billi nfittxu t-​tajjeb tagħhom. B’hekk, inkunu qed nuru li aħna qed nisimgħu mill-​kmand li tana l-​aqwa ragħaj biex ma nibqgħux niġġudikaw.

18. Kif nistgħu nuru li qegħdin nisimgħu mil-​leħen tal-​aqwa ragħaj?

18 Bħalma n-​nagħaġ jisimgħu l-​leħen tar-​ragħaj tagħhom, id-​dixxipli taʼ Ġesù jisimgħu leħnu. Jekk naħdmu iebes biex ma nkunux ansjużi dwar l-​affarijiet li jkollna bżonn u biex ma niġġudikawx lil oħrajn, Ġeħova u Ġesù se jbierku l-​isforzi tagħna. Sew jekk nagħmlu parti mill-​“merħla żgħira” u sew jekk aħna min-​“nagħaġ oħrajn,” ejja nkomplu nisimgħu u nobdu mil-​leħen tal-​aqwa ragħaj. (Lq. 12:32; Ġw. 10:11, 14, 16) Fl-​artiklu li jmiss se nikkunsidraw żewġ affarijiet li Ġesù qal lid-​dixxipli tiegħu biex jagħmlu.

GĦANJA 101 Naħdmu flimkien f’unità

^ Meta Ġesù qal li n-​nagħaġ tiegħu kienu se jisimgħu leħnu, hu kien qed ifisser li d-​dixxipli tiegħu kienu se jisimgħu mit-​tagħlim tiegħu u japplikawh fil-​ħajja tagħhom. F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw żewġ lezzjonijiet li għallimna Ġesù. L-​ewwel biex ma nibqgħux inkunu anzjużi dwar l-​affarijiet materjali u t-​tieni biex ma nibqgħux niġġudikaw lil oħrajn. Illum se naraw kif nistgħu napplikaw il-​parir tiegħu.

^ X’JGĦIDULNA L-ISTAMPA: Ħu tilef ix-xogħol tiegħu, m’għandux biżżejjed flus biex jixtri l-bżonnijiet għall-familja, u jrid isib post ieħor fejn jgħixu. Jekk ma joqgħodx attent, tant jistaʼ jiġi aljenat bil-problemi tiegħu li ma jpoġġix lil Ġeħova l-ewwel f’ħajtu.

^ X’JGĦIDULNA L-ISTAMPA: Ħu jasal tard għal-laqgħa, imma juri kwalitajiet tajbin billi jagħti xhieda b’mod informali, jgħin lil mara li għandha bżonn l-għajnuna, u jagħmel xi xogħol biex is-Sala tas-Saltna tidher sabiħa.