Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 51

Komplu “Isimgħu Minnu”

Komplu “Isimgħu Minnu”

“Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt; isimgħu minnu.”—MT. 17:5.

GĦANJA 54 “Din hi t-​triq”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1-2. (a) Alla xi kkmandahom jagħmlu lit-​tliet appostli, u huma kif aġixxew? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

 WARA l-​Qbiż tas-​sena 32, l-​appostli Pietru, Ġakbu, u Ġwanni raw viżjoni tal-​għaġeb. Fuq muntanja għolja, li jaf kienet parti mill-​Muntanja Ħermon, Ġesù nbidel quddiemhom. “Wiċċu idda bħax-​xemx, u ħwejġu bdew jixegħlu bħad-​dawl.” (Mt. 17:1-​4) Lejn l-​aħħar ta’ din il-​viżjoni, l-​appostli semgħu lil Alla jgħid: “Dan hu Ibni, il-​maħbub, li lilu jien approvajt; isimgħu minnu.” (Mt. 17:5) Bil-​mod kif dawn it-​tliet appostli għexu ħajjithom urew li huma semgħu minn Ġesù. U aħna rridu nimitaw l-​eżempju tagħhom.

2 Fl-​artiklu ta’ qabel dan, tgħallimna li biex nisimgħu minn Ġesù rridu nieqfu nagħmlu xi affarijiet. F’dan l-​artiklu, se nikkunsidraw żewġ affarijiet li Ġesù qal li għandna nagħmlu.

“IDĦLU MILL-​BIEB ID-​DEJJAQ”

3. Skont Mattew 7:13, 14, x’għandna nagħmlu?

3 Aqra Mattew 7:13, 14. Innota li Ġesù semma żewġ bibien li jwasslu għal żewġ toroq differenti, waħda “spazjuża” u waħda “mħarbta.” Dan jurina li hemm biss żewġ toroq u aħna rridu nagħżlu f’liema waħda se nimxu. Din hija l-​iktar deċiżjoni importanti li rridu nieħdu għaliex triq waħda twassal għall-​ħajja taʼ dejjem.

4. Kieku int kif tiddeskrivi t-​triq l-​“ispazjuża”?

4 Irridu nżommu f’moħħna d-​differenza bejn iż-​żewġ toroq. Ħafna nies qegħdin fit-​triq l-​“ispazjuża” għax huwa faċli biex jimxu fiha. B’dispjaċir, ħafna jiddeċiedu li jibqgħu mexjin f’din it-​triq u jagħmlu l-​istess affarijiet li qegħdin jagħmlu n-​nies li mexjin fiha. Huma ma jifhmux li Satana qed jipprova jġiegħel lin-​nies imorru f’din it-​triq, u li t-​triq tiegħu twassal għall-​qerda.—1 Kor. 6:9, 10; 1 Ġw. 5:19.

5. Xi wħud liema sforz għamlu biex isibu t-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem u jibdew jimxu fiha?

5 Mill-​banda l-​oħra, it-​triq l-​oħra hi “mħarbta” u Ġesù qal li ftit se jsibuha. Għala? Interessanti li fil-​vers ta’ wara, Ġesù jwissi lis-​segwaċi tiegħu dwar profeti foloz. (Mt. 7:15) Xi nies jgħidu li hemm eluf ta’ reliġjonijiet u ħafna minnhom jgħidu li jgħallmu l-​verità. Minħabba li hemm ħafna reliġjonijiet, ħafna nies iħossuhom skuraġġiti u mħawdin u għalhekk lanqas biss jipprovaw ifittxu t-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem. Imma din it-​triq jistgħu jsibuha. Ġesù qal: “Jekk tibqgħu fil-​kelma tiegħi, tkunu tassew dixxipli tiegħi, u tkunu tafu l-​verità, u l-​verità teħliskom.” (Ġw. 8:31, 32) Kemm hi ħaġa tajba li inti m’għamiltx bħall-​biċċa l-​kbira tan-​nies, minflok fittixt il-​verità. Int bdejt tistudja sew il-​Kelma t’Alla u tgħallimt dak li hu jridna nagħmlu, u smajt mit-​tagħlim ta’ Ġesù. Fost l-​affarijiet li tgħallimt, int sirt taf li Ġeħova ma jridniex naċċettaw it-​tagħlim tar-​reliġjon falza u biex ma niċċelebrawx iżjed festi pagani. Tgħallimt ukoll li biex tagħmel il-​bidliet fil-​ħajja tiegħek biex togħġob lil Ġeħova mhux dejjem se jkun faċli. (Mt. 10:34-​36) X’aktarx kien diffiċli għalik biex tagħmel il-​bidliet li kien hemm bżonn. Imma int bqajt tipprova għax tħobb lil Missierek tas-​sema Ġeħova u tixtieq tagħmlu ferħan. Min jaf kemm iħossu kburi bik!—Prov. 27:11.

KIF TIBQAʼ MIEXI FIT-​TRIQ LI TWASSAL GĦALL-​ĦAJJA TA’ DEJJEM

Il-pariri u l-livelli ta’ Ġeħova jgħinuna biex nibqgħu mexjin fit-triq li twassal għall-ħajja ta’ dejjem (Ara paragrafi 6-8) *

6. Skont Salm 119:9, 10, 45, 133, x’jista’ jgħinna biex nibqgħu mexjin fit-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem?

6 Meta nibdew nimxu fit-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem, x’nistgħu nagħmlu biex nibqgħu mexjin fiha? Ejja nġibu eżempju. F’ċertu pajjiżi, it-​toroq dojoq li jkunu mal-​muntanji jagħmlulhom railing tal-​ħadid biex ikun ta’ protezzjoni għax-​xufiera li jgħaddu minn hemm. Dan ir-​railing jipproteġi lis-​sewwieqa biex ma jersqux fit-​tarf jew jaqgħu għal isfel. Żgur li ebda xufier mhu se jgerger għax għamluh! Il-​livelli li nsibu fil-​Bibbja huma bħal dak ir-​railing. Dawn jgħinuna biex nibqgħu mexjin fit-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem.—Aqra Salm 119:9, 10, 45, 133.

7. Żgħażagħ, kif għandkom tħarsu lejn it-​triq l-​imħarbta?

7 Żgħażagħ, ġieli tħossu li l-​livelli ta’ Ġeħova huma diffiċli wisq biex tobduhom? Satana hekk iridek taħseb. Hu jridek toqgħod taħseb fuq dak li qed jagħmlu n-​nies li mexjin fit-​triq tiegħu minħabba li huma jidhru li qed igawdu l-​ħajja. Hu jridek taħseb li int m’intix qed tgawdi l-​affarijiet li qed igawdu sħabek tal-​iskola jew in-​nies li tara fuq l-​Internet. Satana jridna naħsbu li aħna nistgħu ngawdu iżjed affarijiet jekk ma nobdux il-​livelli ta’ Ġeħova. * Imma ftakar: Satana ma jridx li dawk in-​nies li jkunu mexjin fit-​triq il-​wiesgħa jkunu jafu fejn se twassalhom. Mill-​banda l-​oħra, Ġeħova jridek tkun taf x’ħajja sabiħa tistaʼ tgawdi jekk tibqa’ miexi fit-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem.—Salm 37:29; Is. 35:5, 6; 65:21-​23.

8. Iż-​żgħażagħ x’jistgħu jitgħallmu mill-​eżempju ta’ Olaf?

8 Ara x’tista’ titgħallem mill-​esperjenza ta’ ħu żagħżugħ jismu Olaf. * It-​tfal tal-​klassi kienu jgħidulu biex jagħmel is-​sess. Meta hu qalilhom li x-​Xhieda ta’ Ġeħova jgħixu fi qbil mal-​livelli għoljin tal-​Bibbja, xi tfajliet tal-​klassi tiegħu bdew jagħmlu minn kollox biex hu jagħmel is-​sess magħhom. Imma Olaf ma ċediex għal dak li bdew jgħidulu. U din ma kinitx l-​unika pressjoni li ffaċċja. Olaf jgħid: “It-​teachers provaw jikkonvinċuni mmur l-​università għax b’hekk in-​nies jirrispettawni. Huma qaluli li jekk mhux se mmur l-​università mhux se nsib xogħol tajjeb jew inkun ferħan.” X’għen lil Olaf biex jirreżisti din il-​pressjoni? Hu jkompli jgħid: “Jien għamilt l-​almu tiegħi biex insir naf sew l-​aħwa fil-​kongregazzjoni. Huma saru qishom il-​familja tiegħi. Barra minn hekk, bdejt nistudja iktar il-​Bibbja. U iktar ma kont nistudja, iktar sirt konvint li għandi l-​verità. B’hekk, jien kont determinat li nibqaʼ naqdi lil Ġeħova.”

9. Dawk li jridu jibqgħu mexjin fit-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem x’għandhom jagħmlu?

9 Satana jixtieq li inti ma tibqax timxi fit-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem. Hu jridek tagħmel bħall-​maġġorparti tan-​nies u timxi fit-​triq l-​ispazjuża li ‘twassal għall-​qerda.’ (Mt. 7:13) Imma jekk aħna nibqgħu nisimgħu minn Ġesù u nħarsu lejn it-​triq l-​imħarbta bħala protezzjoni għalina se nibqgħu mexjin fiha. Issa ejja nikkunsidraw xi ħaġa oħra li Ġesù qalilna biex nagħmlu.

AGĦMEL PAĊI MAL-​AĦWA

10. Skont Mattew 5:23, 24, Ġesù x’qalilna li għandna nagħmlu?

10 Aqra Mattew 5:23, 24. Hawnhekk Ġesù tkellem dwar xi ħaġa li kienet importanti ħafna għal-​Lhud li kienu qed jisimgħu minnu. Immaġina lil xi ħadd li qiegħed fit-​tempju se jagħti l-​annimal lill-​qassis biex joffrih bħala sagrifiċċju. Jekk dak il-​ħin il-​persuna tiftakar li xi ħadd għandu xi ħaġa kontriha, hi kellha tħalli s-​sagrifiċċju hemmhekk u titlaq. Għala? Għax kien hemm xi ħaġa iktar importanti li l-​persuna kellha tagħmel qabel toffri s-​sagrifiċċju lil Ġeħova. Ġesù qal b’mod ċar x’kellha tagħmel: “Mur l-​ewwel agħmel paċi maʼ ħuk.”

Se timita l-eżempju ta’ Ġakobb li b’umiltà għamel paċi ma’ ħuh? (Ara paragrafi 11-12) *

11. Spjega l-​isforz li għamel Ġakobb biex jagħmel paċi ma’ ħuh.

11 Aħna nistgħu nitgħallmu lezzjonijiet importanti dwar il-​paċi mill-​eżempju ta’ Ġakobb. Wara li Ġakobb kien ilu madwar 20 sena li telaq mill-​pajjiż fejn twieled, permezz t’anġlu Alla kkmandah biex imur lura. (Ġen. 31:11, 13, 38) Imma kien hemm problema serja. Ħuh il-​kbir, Għesaw, kien determinat li joqtlu. (Ġen. 27:41) Ġakobb “beda jibżaʼ ħafna” u kien inkwetat li ħuh kien għadu rrabjat għalih. (Ġen. 32:7) Ġakobb x’għamel biex jagħmel paċi ma’ ħuh? L-​ewwel, hu talab lil Ġeħova dwar il-​problema li kellu. Imbagħad, hu bagħat ħafna rigali lil Għesaw. (Ġen. 32:9-​15) U meta Ġakobb ra lil Għesaw, hu wrieh rispett. Ġakobb miel quddiemu, mhux darba jew tnejn imma sebaʼ darbiet! Ġakobb kien umli u wera rispett lejn Għesaw, u b’hekk irnexxielu jagħmel paċi ma’ ħuh.—Ġen. 33:3, 4.

12. X’nitgħallmu mill-​eżempju ta’ Ġakobb?

12 Aħna nitgħallmu lezzjoni mill-​mod kif Ġakobb ipprepara minn qabel u dak li għamel meta ltaqaʼ ma’ Għesaw. Ġakobb b’umiltà talab lil Ġeħova biex jgħinu. Imbagħad aġixxa fi qbil mat-​talb tiegħu billi għamel dak kollu li setaʼ biex jagħmel paċi ma’ ħuh. Meta hu ltaqa’ ma’ Għesaw ma qagħadx jara min kellu raġun. Il-​mira ta’ Ġakobb kienet li jagħmel paċi ma’ ħuh. Aħna kif nistgħu nimitaw l-​eżempju ta’ Ġakobb?

KIF TAGĦMEL PAĊI M’OĦRAJN

13-14. Jekk inweġġgħu lil ħu jew oħt, x’għandna nagħmlu?

13 Jekk irridu nimxu fit-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem, aħna rridu nżommu l-​paċi mal-​aħwa fil-​kongregazzjoni. (Rum. 12:18) Xi rridu nagħmlu jekk nindunaw li weġġajna lil ħu jew oħt? Bħal Ġakobb, aħna rridu nitolbu lil Ġeħova. Nistgħu nitolbuh ibierek l-​isforzi li nkunu qegħdin nagħmlu biex nagħmlu paċi ma’ ħutna.

14 Irridu wkoll neżaminaw lilna nfusna. Nistgħu nsaqsu mistoqsijiet bħal: ‘Jien se nammetti li żbaljajt, se nitlob maħfra u nagħmel paċi? Ġeħova u Ġesù kif iħossuhom jekk nieħu l-​inizjattiva biex nirranġa n-​nuqqasijiet li jkolli ma’ ħu jew oħt?’ It-​tweġiba tagħna tistaʼ ġġegħelna nisimgħu minn Ġesù u b’umiltà mmorru nitkellmu mal-​ħu jew l-​oħt biex nagħmlu paċi. Biex nagħmlu dan, nistgħu nsegwu l-​eżempju ta’ Ġakobb.

15. Meta napplikaw il-​prinċipju li nsibu f’​Efesin 4:2, 3, kif jistaʼ jgħinna biex nagħmlu l-​paċi ma’ ħutna?

15 Immaġina x’seta’ ġara kieku Ġakobb qagħad jipprova jieħu r-​raġun meta tkellem ma’ Għesaw! X’aktarx li l-​problema kienet se tkompli tikber. Meta mmorru nitkellmu mal-​ħu jew l-​oħt biex nagħmlu paċi, irridu nkunu umli. (Aqra Efesin 4:2, 3.) Proverbji 18:19 jgħid: “Il-​ħu li jkun ġie offiż huwa iżjed iebes minn belt b’saħħitha; u hemm ġlied li hu bħall-​istaneg tal-​bibien taʼ fortizza.” Meta aħna nitolbu maħfra, se tgħin lill-​ħu jew l-​oħt ikunu jridu jagħmlu paċi magħna.

16. Dwar xiex għandna naħsbu wkoll, u għala?

16 Aħna rridu noqogħdu attenti wkoll għal dak li nkunu se ngħidu u kif se ngħiduh. Meta nħossuna ppreparati, aħna għandna nkellmu lill-​persuna li tħossha mweġġgħa u ngħinuha biex jerġaʼ jkollha ħbiberija tajba magħna. Forsi għall-​ewwel tgħidilna affarijiet li ma niħdux pjaċir bihom. Jista’ jkun faċli biex nirrabjaw jew nipprovaw nuru li m’għandniex tort, imma dan se jwassal għal paċi? Bla dubju le. Ftakar li tagħmel paċi ma’ ħutek huwa iktar importanti milli tieħu r-​raġun.—1 Kor. 6:7.

17. X’tista’ titgħallem mill-​eżempju ta’ Gilbert?

17 Ħu jismu Gilbert ħadem iebes biex jagħmel paċi. Hu jgħid: “Kelli ħafna problemi mat-​tifla tiegħi. Għal iktar minn sentejn, jien għamilt sforz biex nitkellem magħha bil-​ħlewwa ħalli jerġa’ jkollna relazzjoni tajba.” Gilbert x’għamel iktar? “Qabel kont immur inkellimha, kont nitlob lil Ġeħova u nfakkar lili nnifsi li jekk tgħid xi ħaġa li tweġġagħni ma niħux għalija. Ridt inkun lest li naħfer. Tgħallimt li m’għandix noqgħod infittex biex nieħu r-​raġun jien, u li xogħli hu li nżomm il-​paċi.” X’kien ir-​riżultat? Gilbert jgħid: “Illum għandi moħħi mistrieħ għax għandi relazzjoni tajba mal-​familja kollha.”

18-19. Jekk weġġajna lil xi ħadd, x’għandna nkunu determinati li nagħmlu, u għala?

18 Allura, x’għandek tkun determinat li tagħmel jekk taf li weġġajt lil xi ħu jew oħt? Ismaʼ mill-​parir ta’ Ġesù u agħmel paċi. Tkellem ma’ Ġeħova dwar il-​problema, u strieħ fuq l-​ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinek tirranġaha. Jekk tagħmel hekk se tkun ferħan u turi li int qed tisma’ minn Ġesù.—Mt. 5:9.

19 Aħna vera napprezzaw li Ġeħova jipprovdilna direzzjoni bi mħabba permezz tal-​“kap tal-​kongregazzjoni,” Ġesù Kristu. (Efes. 5:23) Bħall-​appostli Pietru, Ġakbu, u Ġwanni, ejja nkunu determinati li ‘nisimgħu minnu.’ (Mt. 17:5) Aħna rajna kif nistgħu nagħmlu dan billi nagħmlu paċi mal-​ħu jew l-​oħt li weġġajna. Jekk nagħmlu hekk u nibqgħu mexjin fit-​triq li twassal għall-​ħajja ta’ dejjem, se jkollna ħafna raġunijiet għala nkunu ferħanin issa u fil-​futur se jkollna ferħ li ma jispiċċa qatt.

GĦANJA 130 Aħfer

^ Ġesù jridna ngħaddu mill-​bieb id-​dejjaq li jwassal għall-​ħajja ta’ dejjem. Hu jgħallimna wkoll kif nagħmlu paċi ma’ ħutna. Liema provi nistgħu niffaċċjaw meta nipprovaw napplikaw dawn il-​pariri, u kif nistgħu negħlbuhom?

^ Ara mistoqsija 6 fil-​browxer Tweġibiet għal 10 mistoqsijiet li ż-​żgħażagħ jistaqsu,Kif nista’ nirreżisti l-​pressjoni minn dawk tampari?” u lezzjonijiet minn fuq il-​whiteboard Irreżisti l-​pressjoni minn dawk tamparek! fil-​website jw.org. (Mur fuq TAGĦLIM TAL-​BIBBJA > ŻGĦAŻAGĦ.)

^ Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ X’JGĦIDULNA L-ISTAMPA: Billi nibqgħu fit-triq li twassal għall-ħajja taʼ dejjem, protetti mir-railing li provdielna Alla, aħna nevitaw il-perikli tal-pornografija, kumpanija ħażina, u l-pressjoni biex inkomplu nistudjaw ħalli jkollna edukazzjoni għolja.

^ X’JGĦIDULNA L-ISTAMPA: Biex jagħmel paċi ma’ ħuh Għesaw, Ġakobb miel quddiemu seba’ darbiet.