Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 9

Imita lil Ġesù Billi Tkun Lest li Tgħin lil Oħrajn

Imita lil Ġesù Billi Tkun Lest li Tgħin lil Oħrajn

“Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—ATTI 20:35.

GĦANJA 17 “Irrid żgur”

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova x’jagħmlu għax iħobbu lil Ġeħova u n-​nies?

 ĦAFNA snin ilu, il-​Bibbja bassret li n-​nies t’Alla kienu “se joffru lilhom infushom minn rajhom” biex jaqdu lil Ġeħova waqt li jsegwu d-​direzzjoni taʼ Ġesù. (Salm 110:3) Bla dubju, din il-​profezija qed narawha titwettaq illum. Kull sena, qaddejja żelużi taʼ Ġeħova jqattgħu miljuni taʼ sigħat fix-​xogħol tal-​ippritkar. Huma ma jitħallsux għal dan ix-​xogħol imma jagħmluh minn qalbhom. Huma jużaw il-​ħin minn tagħhom ukoll biex jgħinu lil aħwa b’modi prattiċi, jinkuraġġuhom, u jsaħħulhom l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova. L-​anzjani u l-​qaddejja ministerjali jqattgħu sigħat jippreparaw għal-​laqgħat u biex jinkuraġġixxu lill-​aħwa biż-​żjarat li jagħmlulhom. Ix-​Xhieda taʼ Ġeħova għala jagħmlu dan ix-​xogħol kollu? Għax huma jħobbu lil Ġeħova u n-​nies.—Mt. 22:37-​39.

2. Bħalma naraw f’​Rumani 15:1-​3, Ġesù x’eżempju ħallielna?

2 Ġesù wera li hu jimpurtah iktar mill-​bżonnijiet t’oħrajn milli tiegħu. Aħna qed nagħmlu dak li nistgħu biex nimitawh. (Aqra Rumani 15:1-​3.) Dawk li jagħmlu hekk se jgawdu ħafna affarijiet tajbin. Ġesù qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.”—Atti 20:35.

3. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 F’dan l-​artiklu se naraw xi affarijiet li Ġesù għamel biex jgħin lil oħrajn, u se nikkunsidraw kif aħna nistgħu nimitaw l-​eżempju tiegħu. Se naraw ukoll kif aħna nistgħu nkabbru x-​xewqa tagħna biex nagħmlu iktar għal oħrajn.

IMITA L-​EŻEMPJU TAʼ ĠESÙ

Minkejja li Ġesù kien għajjien, x’għamel meta folla nies marret għandu? (Ara paragrafu 4)

4. Ġesù kif poġġa l-​interessi t’oħrajn qabel tiegħu?

4 Ġesù għen lil oħrajn anki meta kien għajjien. Aħseb dwar dak li għamel Ġesù meta ħafna nies marru ħdejh waqt li kien qiegħed fuq il-​muntanja, x’aktarx qrib Kafarnahum. Ġesù kien għadu kif qattaʼ l-​lejl kollu jitlob. Allura jistaʼ jkun li kien għajjien ħafna, imma meta ra l-​folla hu tħassar lill-​foqra u lill-​morda li kien hemm fosthom. Hu mhux biss fejjaqhom imma ta waħda mill-​iktar prietki inkuraġġanti, magħrufa bħala l-​Prietka taʼ Fuq il-​Muntanja.—Lq. 6:12-​20.

B’liema modi nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù u npoġġu l-​interessi t’oħrajn qabel tagħna? (Ara paragrafu 5)

5. Il-​kapijiet tal-​familja kif jimitaw lil Ġesù meta jkunu għajjenin?

5 Kif il-​kapijiet tal-​familja qed jimitaw lil Ġesù. Aħseb dwar dan l-​eżempju: Wara ġurnata xogħol iebsa, missier jasal id-​dar għajjien mejjet. Forsi għall-​ewwel ma jkollux aptit jagħmel il-​Qima bħala Familja, imma mbagħad jitlob lil Ġeħova biex jagħtih is-​saħħa ħalli jagħmel l-​istudju. Ġeħova jwieġeb it-​talba tiegħu, u l-​missier jagħmel l-​istudju mal-​familja bħalma jagħmel kull ġimgħa. Dik il-​lejla t-​tfal tgħallmu lezzjoni importanti, għax raw li l-​affarijiet spiritwali huma l-​iktar ħaġa importanti għall-​ġenituri tagħhom.

6. Agħti eżempju taʼ kif Ġesù ta mill-​ħin tiegħu biex jgħin lil oħrajn.

6 Ġesù ta mill-​ħin tiegħu anki meta kellu bżonn ikun waħdu. Tistaʼ timmaġina kif ħassu Ġesù meta sar jaf li l-​ħabib tiegħu Ġwanni l-​Battista ġie maqtul? Min jaf kemm kien imdejjaq! Il-​Bibbja tgħid: “Malli semaʼ b’dan [dwar il-​mewt taʼ Ġwanni], Ġesù telaq minn hemmhekk b’dgħajsa lejn post imwarrab biex ikun waħdu.” (Mt. 14:10-​13) Nistgħu nifhmu għala Ġesù għamel hekk. Ħafna minna, meta jmutilna xi ħadd, inkunu nixtiequ noqogħdu għall-​kwiet. Imma Ġesù ma setax ikun waħdu. Folla kbira waslet f’dak il-​post imwarrab qabel wasal hu. Ġesù x’għamel? Hu ħaseb dwar il-​bżonnijiet tan-​nies u “tħassarhom.” Ġesù nduna li huma għandhom bżonn l-​inkuraġġiment u l-​għajnuna mingħand Alla, u għalhekk mill-​ewwel beda jgħinhom. Fil-​fatt, hu “beda jgħallimhom ħafna affarijiet.”—Mk. 6:31-​34; Lq. 9:10, 11.

7-8. Agħti eżempju li juri kif l-​anzjani jimitaw lil Ġesù meta xi ħadd ikollu bżonn l-​għajnuna.

7 Kif l-​anzjani jimitaw lil Ġesù. Kemm napprezzaw ix-​xogħol li l-​anzjani lesti li jagħmlu għalina! Ħafna aħwa ma jafux ix-​xogħol kollu li jagħmlu l-​anzjani. Pereżempju, meta tinqalaʼ xi emerġenza, l-​aħwa li jagħmlu parti mill-​Kumitat taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet (HLC) ikunu lesti li jmorru jgħinu lill-​aħwa mill-​ewwel. Spiss dawn l-​emerġenzi jinqalgħu matul il-​lejl! Imma minħabba li jħobbu u jħossu għall-​aħwa, dawn l-​anzjani flimkien mal-​familji tagħhom ipoġġu l-​interessi t’oħrajn qabel l-​interessi tagħhom.

8 L-​anzjani jgħinu wkoll fil-​kostruzzjoni tas-​Swali tas-​Saltna, proġetti taʼ bini, u anki meta jseħħ xi diżastru. Barra minn hekk, iqattgħu ħafna ħin jgħallmuna u jinkuraġġuna. L-​anzjani kollha u l-​familji tagħhom ħaqqhom proset. Jalla Ġeħova jippremjahom għas-​sagrifiċċji li jagħmlu! Bla dubju, bħal kulħadd, l-​anzjani jridu jkunu bilanċjati. Huma m’għandhomx iqattgħu tant ħin biex jagħmlu l-​affarijiet għall-​kongregazzjoni li mbagħad ma jsibux ħin biex jieħdu ħsieb il-​bżonnijiet tal-​familja tagħhom.

KIF INKOMPLU NPOĠĠU L-​INTERESSI T’OĦRAJN QABEL TAGĦNA

9. Skont Filippin 2:4, 5, il-​Kristjani x’attitudni għandu jkollhom?

9 Aqra Filippin 2:4, 5. Mhux l-​anzjani biss imma lkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu nimitaw lil Ġesù u npoġġu l-​interessi t’oħrajn qabel tagħna. Il-​Bibbja tgħid li Ġesù “ħa s-​sura taʼ lsir.” (Flp. 2:7) Aħseb dwar dak li nistgħu nitgħallmu minn dan il-​vers. Ilsir jew qaddej tajjeb se jagħmel affarijiet biex sidu jieħu pjaċir. Bħala lsir taʼ Ġeħova u qaddej taʼ ħutek żgur tixtieq tkun iktar t’għajnuna għal Ġeħova u għall-​aħwa. Int tistaʼ tagħmel dan billi taħseb dwar is-​suġġerimenti li ġejjin.

10. Liema mistoqsijiet nistgħu nsaqsu lilna nfusna?

10 Aħseb dwar l-​attitudni tiegħek. Staqsi lilek innifsek mistoqsijiet bħal dawn: ‘Lest jien li nagħti mill-​ħin u l-​enerġija tiegħi biex ngħin lil oħrajn? Pereżempju, x’nagħmel kieku jitolbuni biex immur inżur lil ħu li jkun f’dar tal-​anzjani jew biex inwassal lil oħt imdaħħla fiż-​żmien għal-​laqgħat? Jien ngħin fit-​tindif meta jkollna xi konvenzjoni u fis-​Sala tas-​Saltna?’ Meta ddedikajna ħajjitna lil Ġeħova, aħna wegħednieh li se nużaw dak kollu li għandna biex naqdu lilu. Hu jrid li aħna nużaw il-​ħin, l-​enerġija, u l-​affarijiet materjali li għandna biex ngħinu lil oħrajn. Għalhekk, hu jkun ferħan meta aħna nagħmlu dan minn jeddna. X’tistaʼ tagħmel jekk tinduna li għandek fejn tirranġa?

11. It-​talb kif jistaʼ jgħinna biex inkunu lesti li ngħinu iktar lil oħrajn?

11 Itlob lil Ġeħova b’mod sinċier. Jekk tinduna li għandek fejn tirranġa, imma m’għandekx aptit tagħmel il-​bidliet, itlob lil Ġeħova u kun sinċier fit-​talb tiegħek. Għidlu eżatt kif tkun qed tħossok u itolbu biex jgħinek ‘kemm biex ikollok ir-​rieda u kemm biex taġixxi.’—Flp. 2:13.

12. Aħwa żgħażagħ mgħammdin kif jistgħu jgħinu fil-​kongregazzjoni?

12 Jekk int żagħżugħ mgħammed, itlob lil Ġeħova biex jgħinek ikollok ix-​xewqa tagħmel iktar fil-​kongregazzjoni tiegħek. F’xi pajjiżi, hemm iktar anzjani milli qaddejja ministerjali, u ħafna minn dawn il-​qaddejja ministerjali mhumiex żgħar. Peress li l-​organizzazzjoni qed tkompli tikber, hemm bżonn taʼ aħwa rġiel żgħażagħ biex jgħinu lill-​anzjani jieħdu ħsieb l-​aħwa fil-​kongregazzjoni. Jekk int lest li tagħmel ix-​xogħol li jkun hemm bżonn, se tkun ferħan. Għala? Għax tkun qed togħġob lil Ġeħova, l-​aħwa se japprezzaw li qed tgħinhom, u int se tħoss il-​ferħ li jiġi meta tagħti l-​għajnuna.

Kristjani mil-​Lhudija ħarbu u qasmu x-​Xmara Ġordan biex imorru fil-​belt taʼ Pella. Dawk li waslu fil-​belt l-​ewwel qed iqassmu l-​ikel lill-​aħwa li waslu warajhom (Ara paragrafu 13)

13-14. X’nistgħu nagħmlu biex ngħinu lil ħutna? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

13 Oqgħod attent u nnota meta xi ħadd ikollu bżonn l-​għajnuna. Pawlu qal lill-​Kristjani li kienu qed jgħixu fil-​Lhudija: “Tinsewx tagħmlu l-​ġid u taqsmu m’oħrajn, għax sagrifiċċji bħal dawn jogħġbu ħafna lil Alla.” (Ebr. 13:16) Kemm kien parir tajjeb! Wara ftit li rċivew din l-​ittra, il-​Kristjani li kienu jgħixu fil-​Lhudija kellhom jitilqu d-​djar tagħhom, in-​negozji tagħhom, u wħud minn tal-​familja li ma kinux Kristjani, u “jaħarbu lejn il-​muntanji.” (Mt. 24:16) Matul dak iż-​żmien, kien importanti ħafna li jgħinu lil xulxin. Jekk huma applikaw il-​parir tal-​appostlu Pawlu u bdew jaqsmu dak li kellhom bejniethom minn qabel, kien se jkun iktar faċli għalihom biex jaddattaw għall-​ħajja differenti li kienu se jibdew jgħixu.

14 L-​aħwa jaf mhux dejjem jgħidulna meta jkollhom bżonn xi ħaġa. Ejja ngħidu li ħu tmutlu l-​mara. Il-​ħu għandu bżonn l-​għajnuna biex ikollu l-​ikel, biex imur xi mkien, jew fid-​dar? Forsi ma jitlobx l-​għajnuna għax ma jkun irid idejjaq lil ħadd. Imma żgur li se japprezza ħafna jekk aħna ngħinuh qabel jitlob l-​għajnuna hu. Qatt m’għandna naħsbu li se jkun hemm xi ħadd ieħor li jgħinu jew li hu se jgħidilna meta jkollu bżonn xi ħaġa. Staqsi lilek innifsek, ‘Kieku kont fis-​sitwazzjoni tiegħu, liema għajnuna nieħu pjaċir biha?’

15. X’għandna nagħmlu jekk irridu ngħinu lil oħrajn?

15 Agħmilha faċli għal oħrajn biex jitolbuk l-​għajnuna. Bla dubju inti taf aħwa fil-​kongregazzjoni tiegħek li huma dejjem lesti biex jgħinu lil oħrajn. Huma qatt ma jġegħluna nħossu li qed indejquhom. Aħna nafu li huma dejjem lesti biex jgħinuna u għalhekk nixtiequ nkunu bħalhom. Alan, anzjan li għandu 45 sena, jixtieq jagħmilha faċli għal oħrajn biex jitolbuh l-​għajnuna. Meta jaħseb dwar l-​eżempju taʼ Ġesù, hu jgħid: “Ġesù kellu ħafna x’jagħmel imma kemm il-​kbar u anki ż-​żgħar kienu jħobbuh u ma ddejqux jitolbuh l-​għajnuna. Huma kienu jafu li hu vera jimpurtah minnhom. Jien irrid inkun bħal Ġesù. Nixtieq li l-​aħwa jarawni bħala wieħed li lest li ngħinhom, dħuli, u li jimpurtani minnhom.”

16. Salm 119:59, 60 kif jistaʼ jgħinna nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù iktar mill-​qrib?

16 M’għandniex inħossuna skuraġġiti jekk ma jirnexxilniex nimitaw lil Ġesù b’mod perfett. (Ġak. 3:2) Student li qed jitgħallem ipinġi ma jistax ipinġi eżatt bħall-​għalliem tiegħu. Imma meta hu jitgħallem mill-​iżbalji tiegħu u jagħmel l-​almu tiegħu biex jimita l-​eżempju tal-​għalliem, se jkompli jagħmel progress. Bl-​istess mod, jekk aħna napplikaw dak li nitgħallmu mill-​Bibbja u nibqgħu nipprovaw nagħmlu progress, se nkunu nistgħu nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù iktar mill-​qrib.—Aqra Salm 119:59, 60.

IL-​BENEFIĊĊJI TAʼ META NPOĠĠU L-​INTERESSI TAʼ OĦRAJN QABEL TAGĦNA

Meta l-​anzjani jimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù se jħallu eżempju tajjeb liż-​żgħażagħ (Ara paragrafu 17) *

17-18. Meta nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù, x’benefiċċji se jkun hemm?

17 Meta aħna nkunu lesti li ngħinu, oħrajn se jkunu jridu jagħmlu bħalna. Anzjan li jismu Tim jgħid: “Fil-​kongregazzjoni tagħna kien hemm żgħażagħ li għamlu progress u ġew maħturin bħala qaddejja ministerjali, uħud minnhom kienu għadhom żgħar. Xi ħaġa li għenithom jagħmlu dan il-​progress kienet l-​eżempju taʼ dawk li kienu lesti li jgħinu lil oħrajn. Dawn l-​aħwa żgħażagħ mhux biss huma t’għajnuna għall-​aħwa fil-​kongregazzjoni imma anki għall-​anzjani.”

18 Ħafna nies illum il-​ġurnata huma egoisti. Imma x-​Xhieda taʼ Ġeħova mhumiex hekk. Dak li għamel Ġesù għal oħrajn messilna qalbna, u aħna determinati li nimitaw l-​eżempju tiegħu. Vera li ma nistgħux nimxu warajh b’mod perfett, imma nistgħu ‘nimxu mill-​qrib wara l-​passi tiegħu.’ (1 Pt. 2:21) Meta nagħmlu l-​almu tagħna biex nimitaw lil Ġesù, aħna se nkunu ferħanin għax inkunu qed nogħġbu lil Ġeħova.

GĦANJA 13 Kristu, l-​eżempju tagħna

^ Ġesù dejjem poġġa l-​interessi t’oħrajn qabel tiegħu. F’dan l-​artiklu, se naraw xi modi kif aħna nistgħu nimitawh. Se naraw ukoll kif meta nagħmlu dan se jgħinna.

^ X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu żagħżugħ, jismu Dan, jinnota lil żewġ anzjani li marru jżuru lil missieru l-​isptar. L-​eżempju tal-​anzjani misslu qalbu lil Dan u dan għenu biex hu wkoll jara kif jistaʼ jgħin lil oħrajn. Ħu żagħżugħ ieħor, Ben, jinnota l-​għajnuna li qed jagħti Dan. L-​eżempju taʼ Dan jinkuraġġixxi lil Ben biex jgħin fit-​tindif tas-​Sala tas-​Saltna.