Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 12

Qed Tara Dak li Ra Żakkarija?

Qed Tara Dak li Ra Żakkarija?

“‘Bl-​ispirtu tiegħi,’ qal Ġeħova taʼ l-​armati.”—ŻAK. 4:6.

GĦANJA 73 Għinna nxandru bil-​qlubija

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Il-​Lhud li kienu lsiera f’Babilonja x’aħbar irċivew?

 KIEN hemm ferħ kbir fost il-​Lhud. Alla Ġeħova ġiegħel lil Ċiru, is-​sultan tal-​Persja, biex jeħles lill-​Iżraelin, li kienu ilhom jgħixu f’Babilonja għal ħafna snin. Is-​sultan qal li l-​Lhud setgħu jmorru lura f’art twelidhom u jerġgħu ‘jibnu mill-​ġdid id-​dar taʼ l-​Alla taʼ Israel.’ (Esd. 1:1, 3) Min jaf kemm kienu ferħanin b’din l-​aħbar! Dan kien ifisser li huma setgħu jerġgħu jibdew iqimu lill-​Alla l-​veru fl-​art li kien tahom.

2. L-​ewwel Lhud li waslu Ġerusalemm xi rnexxielhom jagħmlu?

2 Fis-​sena 537 qabel Kristu (QK) waslu l-​ewwel Lhud f’Ġerusalemm, li kienet il-​belt kapitali tas-​saltna taʼ Ġuda fin-​Nofsinhar. Dawn il-​Lhud mill-​ewwel reġgħu bdew jibnu t-​tempju, u sas-​sena 536 QK, kienu diġà lestew il-​pedament!

3. Liema oppożizzjoni ffaċċjaw il-​Lhud?

3 Malli l-​Lhud reġgħu bdew jibnu t-​tempju, ħafna nies bdew jiħduha kontrihom. In-​nies taʼ madwarhom “kienu l-​ħin kollu jiskuraġġixxu lin-​nies taʼ Ġuda u jaqtgħulhom qalbhom biex ma jkomplux jibnu.” (Esd. 4:4) Din kienet sitwazzjoni diffiċli għal-​Lhud, u l-​affarijiet komplew imorru għall-​agħar. Fis-​sena 522 QK, Artaserse sar is-​sultan il-​ġdid tal-​Persja. * Dawk taʼ kontrihom ħasbu li għax kien hemm sultan ġdid, kien se jirnexxilhom iwaqqfu l-​bini tat-​tempju billi ‘jippjanaw l-​inkwiet permezz taʼ liġi.’ (Salm 94:20) Huma bagħtu ittra lis-​Sultan Artaserse u qalulu li l-​Lhud kienu qed jippjanaw biex jirribellaw kontrih. (Esd. 4:11-​16) Is-​sultan emmen il-​gideb tagħhom u ordna biex il-​bini tat-​tempju jieqaf. (Esd. 4:17-​23) Minħabba dan, il-​Lhud kellhom jieqfu mill-​bini tat-​tempju—Esd. 4:24.

4. Ġeħova x’għamel minħabba dawk li pprovaw iwaqqfu l-​bini tat-​tempju? (Isaija 55:11)

4 In-​nies li kienu jgħixu fil-​pajjiż u li ma kinux iqimu lil Ġeħova u xi wħud mill-​gvern Persjan kienu determinati li jwaqqfu l-​bini mill-​ġdid tat-​tempju. Imma Ġeħova ried li l-​Lhud ilestu t-​tempju, u dak li jrid Ġeħova dejjem jitwettaq. (Aqra Isaija 55:11.) Hu għażel lil Żakkarija biex ikun il-​profeta tiegħu u tah tmien viżjonijiet eċitanti. Imbagħad Żakkarija kellu jgħid dawn il-​viżjonijiet lil-​Lhud biex jinkuraġġihom. Dawn il-​viżjonijiet għenu lil-​Lhud jaraw li ma kellhomx għalfejn jibżgħu minn dawk li kienu qed jopponuhom u inkuraġġewhom biex ikomplu x-​xogħol li Ġeħova riedhom ilestu. Fil-​ħames viżjoni, Żakkarija ra gandlier u żewġ siġriet taż-​żebbuġ.

5. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

5 Xi kultant, ilkoll inħossuna skuraġġiti. Għalhekk, nistgħu nibbenefikaw mill-​inkuraġġiment li Ġeħova ta lill-​Iżraelin permezz tal-​ħames viżjoni li kellu Żakkarija. Li nifhmu l-​viżjoni jistaʼ jgħinna nkomplu naqdu lil Ġeħova meta niffaċċjaw oppożizzjoni, meta jinbidlu ċ-​ċirkustanzi tagħna, u meta nirċievu direzzjoni li ma nifhmux.

META NIFFAĊĊJAW OPPOŻIZZJONI

Żakkarija ra viżjoni dwar żewġ siġriet taż-​żebbuġ li minnhom kien ħiereġ iż-​żejt għal ġo gandlier li kellu sebaʼ msiebaħ. (Ara paragrafu 6)

6. Il-​viżjoni li nsibu f’​Żakkarija 4:1-​3, kif inkuraġġiet lil-​Lhud? (Ara l-​istampa tal-​qoxra.)

6 Aqra Żakkarija 4:1-​3. Il-​viżjoni tal-​gandlier u ż-​żewġ siġriet taż-​żebbuġ, kif tat il-​kuraġġ lil-​Lhud biex ikomplu x-​xogħol minkejja l-​oppożizzjoni? Innutajt li l-​gandlier kellu ż-​żejt il-​ħin kollu ġej? Miż-​żewġ siġriet taż-​żebbuġ kien joħroġ iż-​żejt għal ġo skutella. Imbagħad iż-​żejt kien jinżel fis-​sebaʼ msiebaħ tal-​gandlier. Permezz taʼ dan iż-​żejt, l-​imsiebaħ kienu jibqgħu mixgħulin il-​ħin kollu. Żakkarija staqsa: “Dawn l-​affarijiet xi jfissru?” L-​anġlu qallu dan il-​kliem li kien ġej mingħand Ġeħova: “‘Mhux b’qawwa militari, lanqas b’xi setgħa, imma bl-​ispirtu tiegħi,’ qal Ġeħova taʼ l-​armati.” (Żak. 4:4, 6) Iż-​żejt mis-​siġar irrappreżenta l-​qawwa tal-​ispirtu qaddis taʼ Ġeħova, li ma jispiċċa qatt. L-​ispirtu qaddis t’Alla kien bil-​wisq iktar b’saħħtu mill-​armata Persjana. Minħabba li Ġeħova għen lil dawk li kienu qed jibnu t-​tempju, huma kien se jirnexxilhom ilestuh minkejja l-​oppożizzjoni li kellhom. Dan il-​messaġġ kien vera inkuraġġanti! Dak li kellhom jagħmlu l-​Lhud kien li jafdaw f’Ġeħova u jkomplu jibnu t-​tempju. U huma hekk għamlu, minkejja li l-​liġi biex ma jkomplux ix-​xogħol kienet għadha hemm.

7. X’ġara li għen lil-​Lhud li kienu qed jibnu t-​tempju?

7 X’ġara li għen lill-​bennejja tat-​tempju? Fis-​sena 520 QK, Darju l-​Ewwel sar is-​sultan il-​ġdid tal-​Persja. Fit-​tieni sena tiegħu bħala sultan, hu sar jaf li l-​liġi biex it-​tempju ma jkomplix jinbena kienet illegali. Imbagħad Darju qal li l-​Lhud jistgħu jlestu x-​xogħol. (Esd. 6:1-​3) Din id-​deċiżjoni kienet sorpriża għal kulħadd. Imma s-​sultan mhux biss iddeċieda li x-​xogħol jitkompla, imma qal ukoll lin-​nies tal-​madwar biex ma jibqgħux jiħduha kontra l-​Lhud u biex jagħtuhom il-​flus u l-​affarijiet li kellhom bżonn biex ilestu l-​bini tat-​tempju! (Esd. 6:7-​12) Minħabba f’hekk, il-​Lhud irnexxielhom ilestu t-​tempju fi ftit iktar minn erbaʼ snin, fis-​sena 515 QK.—Esd. 6:15.

Strieħ fuq il-​qawwa taʼ Ġeħova meta tiffaċċja l-​oppożizzjoni (Ara paragrafu 8)

8. Għala tistaʼ tkun kuraġġuż meta tiffaċċja l-​oppożizzjoni?

8 Anki llum, ħafna mill-​qaddejja taʼ Ġeħova jiffaċċjaw oppożizzjoni. Pereżempju, xi wħud jgħixu f’pajjiżi fejn il-​gvern jipprova jagħmel restrizzjonijiet fuq ix-​xogħol tagħna. F’pajjiżi bħal dawn, l-​aħwa jistgħu jiġu arrestati u ‘jitressqu quddiem gvernaturi u slaten’ biex tingħata xhieda lilhom. (Mt. 10:17, 18) Xi kultant, il-​gvern jinbidel u għalhekk l-​aħwa jkunu jistgħu jaqdu lil Ġeħova bi ftit iktar libertà. Jew forsi mħallef li jkun qalbu tajba jieħu deċiżjoni favur tagħna. Aħwa oħrajn jiffaċċjaw oppożizzjoni b’modi oħra. Huma jgħixu f’pajjiżi fejn jistgħu jaqdu lil Ġeħova bil-​libertà kollha, imma mbagħad jiffaċċjaw oppożizzjoni minn tal-​familja li jkunu determinati li ma jħalluhomx jaqdu lil Ġeħova. (Mt. 10:32-​36) Spiss, tal-​familja ma jibqgħux jopponu meta huma jirrealizzaw li xejn ma jistaʼ jwaqqaf lil dawn l-​aħwa milli jaqdu lil Ġeħova. U f’xi każijiet, dawk li qabel kienu jopponu bl-​aħrax, iktar tard saru qaddejja żelużi taʼ Ġeħova. Meta tiffaċċja l-​oppożizzjoni, taqtax qalbek! Kun kuraġġuż. Ġeħova se jgħinek bl-​ispirtu qaddis tiegħu, għalhekk m’għandekx għalfejn tibżaʼ!

META JINBIDLU Ċ-​ĊIRKUSTANZI TAGĦNA

9. Xi Lhud għala bkew meta raw il-​pedament tat-​tempju l-​ġdid?

9 Meta l-​pedament tat-​tempju l-​ġdid kien tlesta, xi wħud mil-​Lhud li kienu kbar fl-​età bdew jibku. (Esd. 3:12) Huma kienu raw it-​tempju sabiħ li bena Salamun, u ħassew li t-​tempju l-​ġdid li kien qed jinbena ma kellux x’jaqsam maʼ dak taʼ qablu. (Ħag. 2:2, 3) Dan skuraġġiehom ħafna, imma l-​viżjoni taʼ Żakkarija għenithom jerġgħu jsibu l-​ferħ. Kif?

10. Il-​kliem tal-​anġlu li nsibu f’​Żakkarija 4:8-​10, kif għen lil-​Lhud biex ma jibqgħux iħossuhom diżappuntati?

10 Aqra Żakkarija 4:8-​10. X’ried ifisser l-​anġlu meta qal li l-​Lhud kienu “se jifirħu u jaraw iċ-​ċomb tal-​bennejja f’id [il-​gvernatur tal-​Lhud] Żerubbabel”? Iċ-​ċomba kienet tkun imwaħħla mar-​riegla u din kienet għodda li jużaw il-​bennejja biex jaraw jekk xi ħaġa hix qiegħda dritta. Dak li qalilhom l-​anġlu serrħilhom moħħhom li t-​tempju li kienu qegħdin jibnu ma kienx inqas mill-​ieħor, u li kien se jitlesta u jkun dak li xtaq Ġeħova. Ġeħova kien se jkun kuntent bit-​tempju, u għalhekk il-​Lhud kellhom ikunu kuntenti wkoll. L-​iktar ħaġa importanti għal Ġeħova kienet li huma jqimuh kif ried hu fit-​tempju l-​ġdid. Kieku ftakru dan, huma kienu se jkunu ferħanin.

Meta jinbidlu ċ-​ċirkustanzi, aħdem biex tibqaʼ pożittiv (Ara paragrafi 11-12) *

11. Meta jinbidlu ċ-​ċirkustanzi, għala għal xi wħud mill-​qaddejja taʼ Ġeħova tkun diffiċli?

11 Meta jinbidlulna ċ-​ċirkustanzi, għal ħafna minna tkun diffiċli. Xi wħud li ħadmu fis-​servizz full-​time speċjali għal ħafna snin, bħal pereżempju missjunarji, fil-​kostruzzjoni, f’Betel, jew b’modi oħrajn, irċivew inkarigu ġdid. Oħrajn kellhom jieqfu mill-​inkarigu li jħobbu minħabba l-​età. Huwa normali li nħossuna mdejqin meta jkollna nagħmlu dawn il-​bidliet. Għall-​ewwel forsi ma nifhmux għala jew ma naqblux mad-​deċiżjoni. Nistgħu nħossuna li l-​affarijiet qabel kienu aħjar. U jaf inħossuna skuraġġiti u naħsbu li issa ma nistgħux nagħmlu ħafna għal Ġeħova. (Prov. 24:10) Il-​viżjoni taʼ Żakkarija kif tistaʼ tgħinna nibqgħu nagħtu l-​aħjar tagħna lil Ġeħova?

12. Il-​viżjoni taʼ Żakkarija kif tistaʼ tgħinna nibqgħu kuntenti meta jinbidlu ċ-​ċirkustanzi tagħna?

12 Se jkun iktar faċli għalina biex naċċettaw il-​bidla meta nipprovaw naraw l-​affarijiet kif jarahom Ġeħova. Illum, Ġeħova qed jagħmel affarijiet tal-​għaġeb u aħna għandna l-​privileġġ li nkunu ħaddiema sħab miegħu. (1 Kor. 3:9) L-​inkarigi tagħna jistgħu jinbidlu, imma l-​imħabba li Ġeħova għandu għalina qatt ma tinbidel. Għalhekk, jekk ikun hemm bidla fl-​organizzazzjoni li taffettwa lilek personalment, evita li toqgħod taħseb għala ġara hekk. Minflok toqgħod tixxennaq għall-​“jiem taʼ qabel,” itlob lil Ġeħova u għidlu biex jgħinek tara t-​tajjeb fil-​bidla. (Ekk. 7:10) Toqgħodx taħseb dwar dak li ma tistax tagħmel imma aħseb dwar dawk l-​affarijiet kollha li tistaʼ tagħmel. Mill-​viżjoni taʼ Żakkarija nitgħallmu kemm hu importanti li nibqgħu pożittivi. Jekk nagħmlu hekk se nibqgħu kuntenti u leali, anki jekk jinbidlu ċ-​ċirkustanzi tagħna.

META JKUN DIFFIĊLI BIEX NOBDU DIREZZJONI

13. Għala xi Iżraelin forsi ħasbu li d-​direzzjoni biex ikomplu jibnu t-​tempju ma kinitx idea tajba?

13 Il-​bini tat-​tempju kien ġie mwaqqaf. Però, il-​Qassis il-​Kbir Ġeswa (Ġożwè) u l-​Gvernatur Żerubbabel, l-​irġiel li ntgħażlu biex imexxu l-​poplu taʼ Ġeħova, “bdew jibnu mill-​ġdid id-​dar t’Alla.” (Esd. 5:1, 2) Xi Lhud forsi ħasbu li din kienet deċiżjoni ħażina. Huma ma setgħux jaħbu li kienu qed ikomplu jibnu t-​tempju, u kienu jafu li l-​għedewwa tagħhom kienu se jagħmlu minn kollox biex iwaqqfuhom. Iż-​żewġt irġiel responsabbli, Ġożwè u Żerubbabel, kellhom ikunu konvinti li Ġeħova kien se jgħinhom. U hekk ġara. Kif?

14. Skont Żakkarija 4:12, 14, il-​Qassis il-​Kbir Ġożwè u l-​Gvernatur Żerubbabel xi privileġġ kellhom?

14 Aqra Żakkarija 4:12, 14. F’din il-​parti tal-​viżjoni li kellu Żakkarija, l-​anġlu qal lill-​profeta leali t’Alla li ż-​żewġ siġriet taż-​żebbuġ jirrappreżentaw “liż-​żewġ midlukin,” li kienu Ġożwè u Żerubbabel. L-​anġlu qal li dawn l-​irġiel kienu bħallikieku “qegħdin bil-​wieqfa maġenb il-​Mulej taʼ l-​art kollha,” Ġeħova. Xi privileġġ kellhom dawn iż-​żewġt irġiel! Ġeħova kellu fiduċja fihom. Għalhekk, l-​Iżraelin setgħu jafdaw f’kull direzzjoni li tawhom għax Ġeħova kien qed juża lilhom biex imexxuhom.

15. Kif nistgħu nuru li aħna napprezzaw id-​direzzjoni taʼ Ġeħova li nsibu fil-​Bibbja?

15 Illum, Ġeħova qed ikompli jmexxi l-​poplu tiegħu permezz tal-​Bibbja. F’dan il-​ktieb qaddis, hu jgħidilna kif aħna għandna nqimuh. Kif nistgħu nuru li napprezzaw id-​direzzjoni li nirċievu mill-​Kelma t’Alla? Billi nieħdu l-​ħin biex naqrawha u nifhmuha. Staqsi lilek innifsek: ‘Meta naqra l-​Bibbja jew waħda mill-​pubblikazzjonijiet tagħna, jien nieqaf u nimmedita dwar dak li qed naqra? Nipprova nifhem il-​veritajiet tal-​Bibbja li huma ‘tqal biex nifhimhom’? Jew naqra taʼ malajr?’ (2 Pt. 3:16) Jekk nieħdu l-​ħin biex naħsbu sew dwar dak li Ġeħova qed jgħallimna, se nkunu lesti nobdu d-​direzzjoni u nwettqu x-​xogħol tal-​ippritkar.—1 Tim. 4:15, 16.

Afda fid-​direzzjoni li tirċievi mingħand “l-​ilsir leali u għaqli” (Ara paragrafu 16) *

16. Meta ma nifhmux għalkollox id-​direzzjoni li nirċievu mill-​“ilsir leali u għaqli,” x’se jgħinna nobduha?

16 Mod ieħor kif Ġeħova jagħtina direzzjoni hu permezz “tal-​ilsir leali u għaqli.” (Mt. 24:45) Kultant, l-​ilsir jistaʼ jagħtina direzzjoni li aħna ma nifhmux għalkollox. Pereżempju, nistgħu nirċievu direzzjoni speċifika għal meta jinqalaʼ xi diżastru naturali, imma forsi naħsbu li dan mhux se jiġri fejn ngħixu aħna. Jew forsi nħossu li l-​ilsir qed joqgħod attent iżżejjed matul il-​pandemija. X’għandna nagħmlu jekk inħossu li d-​direzzjoni li rċivejna mhix prattika? Nistgħu naħsbu dwar kif l-​Iżraelin ibbenefikaw meta għamlu dak li qalulhom Ġożwè u Żerubbabel u wkoll dwar rakkonti oħrajn li nkunu qrajna fil-​Bibbja. Xi kultant, in-​nies t’Alla rċivew direzzjoni li mill-​ħarsa tal-​bniedem ma kinitx tidher prattika, imma din salvatilhom ħajjithom.—Mħ. 7:7; 8:10.

ARA DAK LI RA ŻAKKARIJA

17. Il-​viżjoni tal-​gandlier u ż-​żewġ siġriet taż-​żebbuġ x’effett kellha fuq il-​Lhud?

17 Il-​ħames viżjoni li ra Żakkarija jistaʼ jkun li ma kinitx twila. Imma din għenet lil-​Lhud biex ikollhom ħarsa pożittiva lejn ix-​xogħol li kellhom jagħmlu u l-​qima tagħhom. U meta applikaw dak li tgħallmu mill-​viżjoni taʼ Żakkarija, huma ħassew l-​għajnuna taʼ Ġeħova u d-​direzzjoni tiegħu. Permezz tal-​qawwa tal-​ispirtu qaddis tiegħu, Ġeħova għenhom biex ikomplu x-​xogħol u jibqgħu ferħanin.—Esd. 6:16.

18. Il-​viżjoni taʼ Żakkarija kif tistaʼ taffettwa lilek?

18 Il-​viżjoni li kellu Żakkarija dwar il-​gandlier u ż-​żewġ siġriet taż-​żebbuġ tistaʼ taffettwa lilek ukoll. Bħalma rajna, din tista’ tgħinek biex tibqaʼ kuraġġuż meta tiffaċċja oppożizzjoni, tibqaʼ kuntent meta ċ-​ċirkustanzi tiegħek jinbidlu, u jkollok il-​fiduċja u tobdi anki meta d-​direzzjoni li tirċievi ma tifhimhiex għalkollox. X’għandek tagħmel meta tiffaċċja l-​isfidi f’ħajtek? L-​ewwel, ara dak li ra Żakkarija, jiġifieri, ara kif Ġeħova qed jieħu ħsieb il-​poplu tiegħu. Imbagħad aġixxi fuq dak li tara billi tafda f’Ġeħova u tkompli taqdih b’qalbek kollha. (Mt. 22:37) Jekk tagħmel hekk, Ġeħova se jgħinek biex tkompli taqdih bil-​ferħ għal dejjem.—Kol. 1:10, 11.

GĦANJA 7 Ġeħova, is-​saħħa tagħna

^ par. 5 Lil Żakkarija, Ġeħova tah diversi viżjonijiet eċitanti. Dak li ra inkuraġġixxa lilu u lill-​poplu taʼ Ġeħova biex jegħlbu l-​isfidi li ffaċċjaw meta kienu se jerġgħu jibnu t-​tempju. Dawn il-​viżjonijiet jistgħu jgħinu lilna wkoll biex nibqgħu naqdu lil Ġeħova minkejja l-​isfidi li niffaċċjaw. F’dan l-​artiklu se niddiskutu lezzjonijiet importanti li nistgħu nitgħallmu minn waħda mill-​viżjonijiet li kellu Żakkarija, li kienet dwar gandlier u żewġ siġriet taż-​żebbuġ.

^ par. 3 Snin wara, meta Neħemija kien gvernatur, sultan ieħor jismu Artaserse kien qalbu tajba ħafna mal-​Lhud.

^ par. 60 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu qed jinduna li se jkollu jaddatta għal ċirkustanzi ġodda minħabba l-​età u saħħa batuta.

^ par. 62 X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt qed taħseb kif Ġeħova qed jgħin lill-​“ilsir leali u għaqli,” eżatt bħalma għamel lil Ġożwè u Żerubbabel.