Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 18

Kif Tagħmel u Tilħaq Miri Spiritwali

Kif Tagħmel u Tilħaq Miri Spiritwali

“Immedita fuq dawn l-​affarijiet; kun medhi fihom, biex kulħadd jara li qed tavanza.”—1 TIM. 4:15.

GĦANJA 84 Nirsistu fix-​xogħol taʼ Ġeħova

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1. X’tip taʼ miri spiritwali nistgħu nagħmlu?

 BĦALA Kristjani veri, aħna nħobbuh ħafna lil Ġeħova, u għalhekk nixtiequ nagħmlu dak kollu li nistgħu għalih. Imma biex nagħmlu dan, irridu nagħmlu miri spiritwali, bħal pereżempju ntejbu kwalitajiet Kristjani, nitgħallmu xi sengħa jew intejbu l-​abbiltajiet tagħna, u nfittxu modi kif ngħinu lil oħrajn. b

2. Għala għandna nagħmlu miri spiritwali u nagħmlu sforz biex nilħquhom?

2 Għala nixtiequ nsiru qaddejja taʼ Ġeħova aħjar? L-​ewwel nett, biex nogħġbu lilu. Ġeħova jkun ferħan meta jarana nużaw l-​abbiltajiet tagħna fix-​xogħol tiegħu. Barra minn hekk, aħna nixtiequ nsiru Kristjani aħjar biex inkunu nistgħu ngħinu lil ħutna. (1 Tess. 4:9, 10) Ilna kemm ilna fil-​verità, ilkoll kemm aħna nistgħu nagħmlu progress. Ejja naraw kif nistgħu nagħmlu dan.

3. Kif naraw fl-​1 Timotju 4:12-​16, l-​appostlu Pawlu x’inkuraġġieh jagħmel lil Timotju?

3 Meta l-​appostlu Pawlu kiteb l-​ewwel ittra tiegħu lil Timotju minkejja li dan kien għadu żagħżugħ, hu kien diġà qed jaqdi bħala anzjan. Imma Pawlu inkuraġġieh biex ikompli jagħmel progress spiritwali. (Aqra l-1 Timotju 4:12-​16.) Hekk kif taqra l-​kliem taʼ Pawlu, se tinnota li hu ried lil Timotju jagħmel progress b’żewġ modi. Billi jtejjeb kwalitajiet Kristjani, bħall-​imħabba, il-​fidi, u l-​indafa morali u l-​abbiltajiet tiegħu bħall-​qari fil-​pubbliku, it-​twiddib (iħeġġeġ lill-​aħwa), u fit-​tagħlim. Bl-​eżempju taʼ Timotju f’moħħna, ejja naraw kif meta nagħmlu miri li nistgħu nilħquhom, se nsiru qaddejja taʼ Ġeħova aħjar. Se nikkunsidraw ukoll xi modi kif nistgħu nagħmlu iktar fil-​ministeru.

TEJJEB KWALITAJIET KRISTJANI

4. Fi qbil maʼ Filippin 2:19-​22, Ġeħova għala setaʼ juża lil Timotju?

4 Ġeħova għala setaʼ juża lil Timotju? Minħabba l-​kwalitajiet Kristjani tiegħu li kienu jispikkaw. (Aqra Filippin 2:19-​22.) Mill-​mod kif Pawlu ddeskriva lil Timotju nistgħu nifhmu li hu kien umli, leali, bieżel, u taʼ min jafdah. Hu kien qalbu tajba u kien jimpurtah ħafna mill-​aħwa. Għalhekk, Pawlu kien iħobbu lil Timotju u ma ddejjaqx jafdah b’responsabbiltajiet kbar. (1 Kor. 4:17) Bl-​istess mod, meta aħna ntejbu l-​kwalitajiet li jogħġbu lil Ġeħova, hu se jħobbna u se nkunu iktar t’għajnuna fil-​kongregazzjoni.—Salm 25:9; 138:6.

Agħżel kwalità Kristjana li tixtieq ittejjeb (Ara paragrafi 5-6)

5. (a) Kif tistaʼ tiddeċiedi liema kwalità Kristjana trid ittejjeb? (b) Kif naraw fl-​istampa, l-​oħt kif qed taħdem biex tilħaq il-​mira tagħha u turi iktar ħniena m’oħrajn?

5 Agħżel kwalità speċifika li tixtieq ittejjeb. Itlob u aħseb fejn tistaʼ ttejjeb fil-​personalità tiegħek. Agħżel kwalità li int tixtieq taħdem fuqha. Pereżempju, qed tinduna li għandek bżonn titgħallem kif turi iktar ħniena jew tixtieq tgħin iktar lill-​aħwa? Għandek bżonn titgħallem iżżomm il-​paċi u taħfer iktar? Xi ħaġa li tistaʼ tgħinek hi li tistaqsi lill-​ħabib tiegħek biex jgħidlek fejn tistaʼ timpruvja.—Prov. 27:6.

6. X’tistaʼ tagħmel biex tilħaq il-​mira ħalli ttejjeb il-​kwalità li tkun tixtieq?

6 Agħmel sforz biex tilħaq il-​mira tiegħek. Kif tistaʼ tagħmel dan? Mod wieħed hu billi tistudja sew dwar il-​kwalità li tixtieq ittejjeb. Ejja ngħidu li tixtieq taħdem biex tibda taħfer iktar malajr. Forsi tibda billi taqra u timmedita fuq eżempji li nsibu fil-​Bibbja taʼ wħud li kienu lesti li jaħfru u t’oħrajn li ma ħafrux. Aħseb dwar l-​eżempju taʼ Ġesù. Hu kien lest li jaħfer lil oħrajn. (Lq. 7:47, 48) U mhux hekk biss, hu ma ffokax fuq in-​nuqqasijiet tagħhom, imma fuq dak li setgħu jagħmlu. Għall-​kuntrarju, il-​Fariżej taʼ żmienu “kienu jqisu lil ħaddieħor bħala li m’hu xejn.” (Lq. 18:9) Wara li timmedita fuq dawn l-​eżempji, staqsi lilek innifsek: ‘Xi nfittex f’ħaddieħor? Jien niffoka fuq il-​kwalitajiet pożittivi jew fuq il-​kwalitajiet negattivi?’ Jekk issibha diffiċli biex taħfer lil xi ħadd, ipprova niżżel fuq karta l-​kwalitajiet tajbin li għandu. Imbagħad staqsi lilek innifsek: ‘Ġesù kif iqis lil din il-​persuna? Kieku jaħfrilha?’ Studju persunali bħal dan jistaʼ jgħinek tbiddel il-​mod kif taħsibha. Għall-​ewwel forsi jkollna nagħmlu sforz kbir biex naħfru lil xi ħadd li jkun weġġagħna. Imma jekk nibqgħu naħdmu biex intejbu din il-​kwalità, maż-​żmien se nkunu iktar lesti li naħfru.

TGĦALLEM XI SENGĦA JEW TEJJEB L-​ABBILTAJIET TIEGĦEK

Kun lest li titgħallem tagħmel xogħol taʼ manutenzjoni fis-​Sala tas-​Saltna (Ara paragrafu 7) e

7. Fi qbil maʼ Proverbji 22:29, Ġeħova kif juża l-​ħaddiema tas-​sengħa li għandu llum?

7 Mira oħra li tistaʼ tagħmel hi li titgħallem xi sengħa. Aħseb kemm hemm bżonn ħaddiema biex jinbnew fergħat u uffiċini taʼ Betel, Swali tal-​Assembleat, u Swali tas-​Saltna. Ħafna minn dawn l-​aħwa tgħallmu jagħmlu dan ix-​xogħol għax ħadmu m’aħwa taʼ esperjenza. Kif naraw fl-​istampa, kemm aħwa rġiel u anki aħwa nisa qed jitgħallmu jagħmlu x-​xogħol taʼ manutenzjoni fi Swali tal-​Assembleat u fi Swali tas-​Saltna. B’dan il-​mod u modi oħrajn, Alla Ġeħova, “is-​Sultan taʼ l-​eternità,” u Kristu Ġesù, “is-​Sultan tas-​slaten,” qed jużaw dawn il-​ħaddiema tas-​sengħa biex jagħmlu xogħlijiet tal-​għaġeb. (1 Tim. 1:17; 6:15; aqra Proverbji 22:29.) Aħna rridu naħdmu iebes u nużaw l-​abbiltajiet tagħna biex inġibu tifħir lil Ġeħova, u mhux lilna nfusna.—Ġw. 8:54.

8. Kif tistaʼ tagħżel xi ħaġa speċifika x’titgħallem?

8 Agħżel xi ħaġa speċifika li tixtieq titgħallem. X’tistaʼ titgħallem? Staqsi lill-​anzjani tal-​kongregazzjoni tiegħek jew forsi lill-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet fuq xiex tistaʼ taħdem. Jekk, pereżempju, huma jissuġġerulek biex ittejjeb il-​mod kif tgħallem, staqsihom fuq liema punt għandek taħdem. Imbagħad agħmel sforz biex ittejjeb din l-​abbiltà. Kif tistaʼ tagħmel dan?

9. X’tistaʼ tagħmel biex tilħaq il-​mira tiegħek?

9 Agħmel sforz biex tilħaq il-​mira tiegħek. Ejja ngħidu li inti tixtieq tgħallem aħjar. Tistaʼ tistudja sew il-​browxer Irsisti fil-​qari u t-​tagħlim. Meta jkollok parti fil-​laqgħa taʼ fost il-​ġimgħa, tistaʼ tistaqsi lil ħu kwalifikat biex jisimgħek qabel tagħti t-​taħdita fil-​kongregazzjoni u jagħtik xi suġġerimenti fejn tistaʼ timpruvja. Ipprepara għall-​inkarigi tiegħek minn qabel biex l-​aħwa jaraw li qed taħdem iebes u li int taʼ min jafdak.—Prov. 21:5; 2 Kor. 8:22.

10. Agħti eżempju taʼ kif wieħed jistaʼ jkompli jtejjeb l-​abbiltà tiegħu.

10 X’tistaʼ tagħmel jekk qed tipprova ttejjeb l-​abbiltà tiegħek f’xi ħaġa li ssibha diffiċli ħafna? Taqtax qalbek! Ħu jismu Garry ma kienx jaf jaqra sew. Hu jiftakar li meta pprova jaqra fil-​laqgħa, staħa ħafna. Imma hu baqaʼ jaħdem biex itejjeb il-​qari tiegħu. Hu jgħid li grazzi għat-​trejning li rċieva mingħand aħwa kwalifikati u mill-​pubblikazzjonijiet, issa jagħti taħditiet fil-​laqgħat, fl-​assembleat, u fil-​konvenzjonijiet!

11. Bħal Timotju, x’jistaʼ jgħinna nkunu nistgħu nagħmlu iktar fix-​xogħol taʼ Ġeħova?

11 Timotju sar kelliemi u għalliem tajjeb ħafna? Il-​Bibbja ma tgħidilniex. Imma m’għandniex dubju li sar iktar effettiv biex jgħallem, għax hu applika l-​parir taʼ Pawlu. (2 Tim. 3:10) Bl-​istess mod, jekk aħna se ntejbu l-​abbiltajiet tagħna, se nkunu nistgħu nagħmlu iktar fix-​xogħol taʼ Ġeħova.

FITTEX MODI KIF TGĦIN LIL OĦRAJN

12. Kif ibbenefikajt mill-​għajnuna li tawk oħrajn?

12 Ilkoll kemm aħna nibbenefikaw mix-​xogħol li jagħmel ħaddieħor. Pereżempju, meta nkunu qegħdin l-​isptar, nieħdu pjaċir meta l-​anzjani li jaqdu fil-​Kumitati taʼ Koordinazzjoni mal-​Isptarijiet jew fil-​Gruppi li Jżuru lill-​Pazjenti jiġu jżuruna. Meta niffaċċjaw il-​problemi napprezzaw meta anzjan jieħu l-​ħin biex joqgħod jismagħna u jinkuraġġina. U meta jkollna xi studju tal-​Bibbja u jkollna bżonn l-​għajnuna, nieħdu pjaċir meta pijunier tal-​esperjenza jiġi għall-​istudju magħna u joffrilna xi suġġerimenti. Dawn l-​aħwa kollha jieħdu pjaċir jgħinuna, u jekk aħna nkunu lesti li ngħinu lil oħrajn, se nkunu ferħanin ukoll. Ġesù qal: “Hemm iktar hena meta tagħti milli meta tirċievi.” (Atti 20:35) Jekk tixtieq tagħmel iktar għal Ġeħova f’dawn l-​affarijiet jew f’affarijiet oħrajn, x’jistaʼ jgħinek?

13. Meta nagħmlu mira, x’għandna nżommu f’moħħna?

13 Huwa importanti li tagħmel mira speċifika. Għala? Għax jekk int tgħid, ‘Nixtieq nagħmel iktar fil-​kongregazzjoni,’ din mhix mira speċifika, u allura mhux se tkun taf jekk ilħaqthiex. Tistaʼ tikteb fuq karta l-​mira tiegħek u l-​pjan biex tilħaqha.

14. Għala għandna nkunu raġunevoli meta nagħmlu mira?

14 Meta nagħmlu mira rridu nkunu raġonevoli wkoll. Għala? Għax aħna m’għandniex kontroll fuq iċ-​ċirkustanzi tagħna. Ejja nġibu eżempju: L-​appostlu Pawlu għen biex tifforma kongregazzjoni ġdida fil-​belt taʼ Tessalonika, u bla dubju l-​mira tiegħu kienet li jibqaʼ hemm biex jgħin lil dawn il-​Kristjani ġodda. Imma minħabba l-​persekuzzjoni kellu jitlaq. (Atti 17:1-​5, 10) Kieku Pawlu baqaʼ hemm, kien se jpoġġi lill-​aħwa fil-​periklu. Pawlu x’għamel? Qataʼ qalbu? Le, minflok hu addatta għaċ-​ċirkustanzi ġodda. Hu bagħat lil Timotju biex jgħin lill-​aħwa f’Tessalonika ħalli jsaħħu l-​fidi tagħhom. (1 Tess. 3:1-​3) Bla dubju, dawn l-​aħwa kienu ferħanin ħafna li Timotju kien lest li jmur jgħinhom.

15. X’jistaʼ jiġri meta jinbidlu ċ-​ċirkustanzi tagħna? Agħti eżempju.

15 Minn dak li għadda minnu Pawlu f’Tessalonika, nistgħu nitgħallmu lezzjoni importanti. Forsi nagħmlu mira imma mbagħad iċ-​ċirkustanzi tagħna jinbidlu, u għalhekk ma nilħquhiex. (Ekk. 9:11) Jekk ġralek hekk ipprova agħmel mira oħra li tistaʼ tilħaqha. Ted u Hiedi hekk għamlu. Minħabba problema taʼ saħħa, huma kellhom jitilqu minn Betel. Imma l-​imħabba tagħhom għal Ġeħova ġegħlithom ifittxu modi oħrajn kif jistgħu jagħmlu iktar fil-​ministeru. L-​ewwel, huma bdew jaqdu bħala pijunieri regulari. Maż-​żmien, qdew bħala pijunieri speċjali, u Ted ingħata trejning biex ikun sostitut għall-​indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet. Imma mbagħad, l-​età sakemm ħu jkun jistaʼ jibqaʼ jaqdi bħala indokratur li jżur il-​kongregazzjonijiet inbidlet. Ted u Hiedi ndunaw li issa huma kienu kbar biex ikomplu jaqdu lil Ġeħova f’dan l-​inkarigu. Minkejja li ħassewhom iddiżappuntati, huma fehmu li jistgħu jaqdu lil Ġeħova b’modi oħrajn. Ted jgħid, “Aħna tgħallimna li hemm ħafna modi kif nistgħu naqdu lil Ġeħova.”

16. X’lezzjoni nistgħu nitgħallmu minn Galatin 6:4?

16 Aħna ma nistgħux nikkontrollaw dak kollu li jiġri fil-​ħajja tagħna. Għalhekk, qatt m’għandna naħsbu li aħna importanti għal Ġeħova minħabba l-​inkarigi tagħna, u m’għandniex inqabblu lilna nfusna m’oħrajn li għandhom inkarigi li aħna m’għandniex. Hiedi tgħid, “Jekk tqabbel il-​ħajja tiegħek mal-​ħajja t’oħrajn, mhux se tkun ferħan.” (Aqra Galatin 6:4.) Huwa importanti li nfittxu modi kif ngħinu lil oħrajn u naqdu lil Ġeħova. c

17. X’tistaʼ tagħmel biex tikkwalifika għall-​privileġġi fl-​organizzazzjoni taʼ Ġeħova?

17 Se jkun iktar faċli għalik biex tagħmel iktar fix-​xogħol taʼ Ġeħova jekk tgħix ħajja sempliċi u tevita dejn bla bżonn. Agħmel miri żgħar biex jgħinuk tilħaq miri ikbar. Pereżempju, jekk tagħmel mira li tibda taqdi bħala pijunier regulari, tistaʼ tibda taqdi bħala pijunier awżiljarju kull xahar minn issa. Jekk il-​mira tiegħek hi li taqdi bħala qaddej ministerjali, tistaʼ tibda tqattaʼ iktar ħin fil-​ministeru u żżur lill-​aħwa tal-​kongregazzjoni tiegħek li jkunu morda jew huma kbar fl-​età. Dan se jgħinek biex ikollok l-​esperjenza, u din tgħinek biex ikollok iktar privileġġi fil-​futur. Kun determinat li tagħmel l-​aħjar li tistaʼ f’kull inkarigu li tingħata.—Rum. 12:11.

Agħmel mira speċifika li tkun tistaʼ tilħaq (Ara paragrafu 18) f

18. Kif turina l-​istampa, x’titgħallem mill-​eżempju taʼ Beverley?

18 Qatt m’għandna naħsbu li issa kbirna, u għalhekk ma nistgħux nagħmlu mira u nilħquha. Aħseb dwar l-​eżempju taʼ Beverley, oħt li għandha 75 sena. Hi kellha problema taʼ saħħa, u għalhekk kien diffiċli għaliha biex timxi. Imma hi riedet tagħmel iktar biex tgħin matul il-​kampanja tat-​Tifkira. Għalhekk, għamlet mira speċifika. Meta Beverley laħqet il-​mira tagħha għall-​kampanja, kienet se ttir bil-​ferħ. L-​isforzi li għamlet Beverley ġiegħlu lil oħrajn jaħdmu iebes fil-​ministeru. Ġeħova japprezza x-​xogħol li jagħmlu l-​aħwa kbar fl-​età, anki jekk iċ-​ċirkustanzi tagħhom ma jħalluhomx jagħmlu ħafna.—Salm 71:17, 18.

19. X’inhuma xi miri spiritwali li nistgħu nagħmlu?

19 Agħmel miri li tistaʼ tilħaqhom. Tejjeb kwalitajiet li jogħġbu lil Ġeħova. Tgħallem agħmel affarijiet li tistaʼ tużahom fl-​organizzazzjoni tiegħu. Fittex modi kif tistaʼ tgħin iktar lill-​aħwa. d U bħal Timotju, bil-​barka taʼ Ġeħova “kulħadd jara li qed tavanza.”—1 Tim. 4:15.

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

a Timotju kien għalliem tajjeb tal-​aħbar tajba. Imma Pawlu xorta inkuraġġieh biex isir Kristjan aħjar. Billi aċċetta l-​parir taʼ Pawlu, Timotju setaʼ jintuża iktar minn Ġeħova u jkun iktar t’għajnuna għall-​aħwa. Inti tixtieq tagħmel iktar għal Ġeħova u tgħin iktar lill-​aħwa bħalma għamel Timotju? M’għandniex dubju li tixtieq. Liema miri jistgħu jgħinuk tagħmel dan? U x’għandek tagħmel biex tagħmel miri u tilħaqhom?

b ESPRESSJONI SPJEGATA: Miri spiritwali jinkludu l-​isforzi kollha li nagħmlu biex naqdu lil Ġeħova aħjar u nferrħulu qalbu.

c Ara “Naqdu fejn il-​ħtieġa hi akbar” fil-​ktieb Organizzati biex nagħmlu r-​rieda taʼ Ġeħova, kapitlu 10, para. 6-​9.

d Ara lezzjoni 60, “Ibqaʼ Miexi ʼl Quddiem,” fil-​ktieb Għix Ħajja Ferħana għal Dejjem!

e X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu qed jittrennja lil żewġ aħwa nisa fix-​xogħol tal-​manutenzjoni, u huma qed jużaw dak li tgħallmu.

f X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Oħt li ma tistax toħroġ mid-​dar tagħha qed tipprietka permezz tat-​telefown u tistieden lin-​nies għat-​Tifkira.