Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 16

Int Tistaʼ Tkun Ferħan Meta Tagħmel l-Aħjar Tiegħek għal Ġeħova

Int Tistaʼ Tkun Ferħan Meta Tagħmel l-Aħjar Tiegħek għal Ġeħova

“Kull wieħed ħa jagħti prova taʼ x’inhu għemilu.”—GAL. 6:4.

GĦANJA 37 Naqdu lil Ġeħova b’ruħna kollha

ĦARSA BIL-​QUDDIEM a

1. X’se jagħtina l-​ferħ veru?

 ĠEĦOVA jridna nkunu ferħanin. Kif nafu? Għax il-​ferħ hu wieħed mill-​frott tal-​ispirtu t’Alla. (Gal. 5:22) Peress li hemm iktar ferħ meta nagħtu milli meta nirċievu, se nkunu ferħanin meta naħdmu iebes fil-​ministeru u ngħinu lil ħutna b’diversi modi.—Atti 20:35.

2-3. (a) Kif jurina Galatin 6:4, liema żewġ affarijiet se jgħinuna nibqgħu ferħanin fix-​xogħol taʼ Ġeħova? (b) X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

2 Kif naraw f’​Galatin 6:4, l-​appostlu Pawlu jsemmi żewġ affarijiet li jgħinuna nibqgħu ferħanin. (Aqra.) L-​ewwel, aħna rridu nagħtu lil Ġeħova l-​aħjar tagħna. Jekk aħna qed nagħtuh l-​aħjar tagħna, għandna nkunu ferħanin. (Mt. 22:36-​38) It-​tieni, m’għandniex noqogħdu nqabblu lilna nfusna m’oħrajn. Sew jekk nistgħu nagħmlu ħafna u sew jekk nistgħu nagħmlu ftit minħabba s-​saħħa tagħna, l-​abbiltajiet tagħna, jew għax tgħallimna nagħmlu xi ħaġa b’mod tajjeb, għandna nirringrazzjaw lil Ġeħova. Wara kollox, dak kollu li għandna rċivejnieh mingħandu. Mill-​banda l-​oħra, jekk oħrajn b’xi mod huma kapaċi iktar minna fil-​ministeru, għandna nkunu kuntenti li huma qed jużaw din l-​abbiltà biex ifaħħru lil Ġeħova u mhux qed jużawha biex jidhru aħjar minn oħrajn jew għal raġunijiet egoisti. Għalhekk, minflok ma nipprovaw inkunu aħjar minnhom, għandna nitgħallmu mill-​eżempju tagħhom.

3 F’dan l-​artiklu se naraw x’jistaʼ jgħinna meta nħossuna skuraġġiti minħabba li ma nistgħux nagħmlu dak kollu li nixtiequ fix-​xogħol taʼ Ġeħova. Se naraw ukoll kif nistgħu nużaw l-​abbiltajiet tagħna bl-​aħjar mod u x’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempji t’oħrajn.

META MA NKUNUX NISTGĦU NAGĦMLU DAK KOLLU LI NIXTIEQU

Ġeħova se jkun kuntent bina meta nagħmlu dak kollu li nistgħu matul ħajjitna (Ara paragrafi 4-6) b

4. X’jistaʼ jġiegħel lil xi wħud minna nħossuna skuraġġiti? Agħti eżempju.

4 Xi wħud minna ma nistgħux nagħmlu dak kollu li nixtiequ fix-​xogħol taʼ Ġeħova, minħabba li qed nikbru fl-​età jew xi mard, u dan jiskuraġġina. Carol hekk ġralha. Hi kienet tipprietka fejn kien hemm il-​bżonn. Matul dak iż-​żmien, kellha 35 studju tal-​Bibbja u għenet lil xi wħud biex jiddedikaw ħajjithom lil Ġeħova u jitgħammdu. Carol kellha riżultati tajbin ħafna fil-​ministeru! Imma mbagħad mardet serjament, u għalhekk kellha tqattaʼ ħafna ħin id-​dar. Carol tgħid: “Minħabba l-​kundizzjoni tiegħi naf li ma nistax nagħmel dak li jagħmel ħaddieħor. Imma xorta ma nħossnix leali bħalhom. Il-​ġlieda bejn dak li nixtieq nagħmel u dak li nistaʼ nagħmel hija diffiċli biex nissaportiha.” Carol tixtieq tagħmel dak kollu li tistaʼ għal Ġeħova. Bla dubju, din hi xi ħaġa sabiħa! Nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova, li jifhimna sew, hu kuntent minħabba li Carol qed tagħmel dak kollu li tistaʼ.

5. (a) Xi rridu niftakru jekk inħossuna skuraġġiti għax ma nistgħux nagħmlu dak kollu li nixtiequ? (b) Kif qed naraw fl-​istampi, il-​ħu kif baqaʼ jagħti l-​aħjar tiegħu lil Ġeħova?

5 Jekk xi kultant tħossok skuraġġit minħabba li ma tistax tagħmel dak kollu li tixtieq, staqsi lilek innifsek, ‘Ġeħova x’qed jitlob minni?’ Ġeħova jixtieqek tagħmel dak li tistaʼ bħalissa. Aħseb ftit dwar dan l-​eżempju: Oħt taʼ 80 sena tħossha skuraġġita għax fil-​ministeru ma tistax tagħmel daqs kemm kienet tagħmel meta kellha 40 sena. Minkejja li hi qed tagħti l-​aħjar tagħha lil Ġeħova, hi taħseb li hu mhux kuntent biha. Imma dan veru? Aħseb ftit. Jekk meta kellha 40 sena tat l-​aħjar tagħha lil Ġeħova u anke issa li għandha 80 sena, mela hi qatt ma waqfet milli tagħtih l-​aħjar. Jekk inħossu li m’aħniex nagħmlu biżżejjed biex nogħġbu lil Ġeħova, irridu nfakkru lilna nfusna li hu jaf kemm nistgħu ntuh. Fil-​fatt, jekk aħna nagħmlu l-​aħjar tagħna għalih, hu se jkun kuntent ħafna bina.—Qabbel Mattew 25:20-​23.

6. X’nistgħu nitgħallmu mill-​eżempju taʼ Maria?

6 Se jkun iktar faċli għalina biex inkunu ferħanin jekk niffokaw fuq dak li nistgħu nagħmlu minflok fuq dak li ma nistgħux. Aħseb dwar l-​eżempju taʼ oħt jisimha Maria, li minħabba l-​marda li għandha ma tistax tagħmel ħafna fil-​ministeru. Għall-​ewwel ħassitha dipressa u ma tiswa għal xejn. Imma hi ftakret f’oħt mill-​kongregazzjoni tagħha li kellha toqgħod fis-​sodda, u ddeċidiet li tgħinha. Maria tgħid: “Ftehemt magħha biex nibdew nippritkaw permezz tat-​telefown u bl-​ittri. Kull darba li kont nipprietka magħha, kont immur lura d-​dar ferħana u sodisfatta li stajt ngħin lil oħti.” Aħna wkoll nistgħu nżidu il-​ferħ tagħna meta naħsbu dwar dak li nistgħu nagħmlu u mhux dwar dak li ma nistgħux. Imma xi ngħidu jekk nistgħu nagħmlu iktar jew għandna xi abbiltà li nistgħu nużawha fix-​xogħol taʼ Ġeħova?

JEKK GĦANDEK ABBILTÀ—UŻAHA!

7. L-​appostlu Pietru liema parir tajjeb ta lill-​Kristjani?

7 Fl-​ewwel ittra tiegħu, l-​appostlu Pietru inkuraġġixxa lill-​aħwa biex jużaw l-​abbiltajiet tagħhom ħalli jsaħħu lil ħuthom. Pietru kiteb: “Bħala prokuraturi mill-​aħjar tal-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla, . . . aqdu lil xulxin skond l-​għotja li rċieva kull wieħed minnkom.” (1 Pt. 4:10) Aħna m’għandniex inżommu lura milli nużaw l-​abbiltà li tana Ġeħova għax ninkwetaw li oħrajn se jibdew jgħiru għalina jew iħossuhom skuraġġiti. Jekk ma nagħmlux l-​aħjar tagħna għax noqogħdu ninkwetaw kif iħossuhom oħrajn, aħna mhux se nkunu qed nagħtu l-​aħjar tagħna lil Ġeħova.

8. Skont l-​1 Korintin 4:6, 7, għala m’għandniex niftaħru bl-​abbiltajiet tagħna?

8 Aħna rridu nużaw l-​abbiltajiet tagħna bl-​aħjar mod, imma rridu noqogħdu attenti li ma nibdewx niftaħru bihom. (Aqra l-1 Korintin 4:6, 7.) Pereżempju, inti tistaʼ tkun tajjeb biex tibda studju tal-​Bibbja. Għalhekk, m’għandekx iżżomm lura milli tuża din l-​abbiltà! Imma huwa importanti li ma toqgħodx tiftaħar biha. Ejja ngħidu li dan l-​aħħar kellek esperjenza tajba fil-​ministeru u bdejt studju tal-​Bibbja. Bla dubju, inti jkollok sebaʼ mitt sena biex tgħid lill-​aħwa fil-​grupp. Imma meta tiltaqaʼ mal-​aħwa fil-​grupp, oħt tgħid li rnexxielha tħalli rivista. Mela, hi ħalliet rivista u int bdejt studju tal-​Bibbja. X’se tagħmel? Int taf li xħin se tgħid lill-​aħwa tal-​grupp bl-​istudju se jħossuhom inkuraġġiti. Imma, forsi tagħżel li tgħidilhom darb’oħra, għax int ma tridx li l-​oħt li ħalliet ir-​rivista tħossha mhix kapaċi daqsek. B’dan il-​mod, int tkun urejt qalb tajba. Imma, m’għandek qatt tieqaf toffri studju tal-​Bibbja. Inti għandek abbiltà, għalhekk użaha!

9. Kif għandna nużaw l-​abbiltajiet tagħna?

9 Tajjeb li niftakru li l-​abbiltajiet li għandna huma rigal mingħand Alla. Għalhekk, irridu nużawhom biex nibnu l-​kongregazzjoni u mhux biex nidhru aħjar minn oħrajn. (Flp. 2:3) Meta nużaw l-​enerġija u l-​abbiltajiet tagħna biex nagħmlu dak li jrid Alla se jkollna għalfejn inkunu ferħanin. Dan mhux għax inkunu qed nagħmlu iktar minn oħrajn jew għax qed nipprovaw inkunu aħjar minnhom, imma għax inkunu qed inġibu tifħir lil Ġeħova.

10. Għala ma jkunx tajjeb li nqabblu lilna nfusna m’oħrajn?

10 Jekk ma toqgħodx attent, tistaʼ taqaʼ fin-​nassa li tqabbel dak li taf tagħmel int maʼ dak li persuna oħra ma tkunx daqshekk tajba fih. Pereżempju, ħu kapaċi jagħti taħditiet pubbliċi sbieħ. Imma jrid joqgħod attent li ma jaħsibx li hu aħjar minn ħu ieħor li mhux kapaċi daqsu biex jagħti taħdita. Il-​ħu l-​ieħor jistaʼ jkun tajjeb ħafna biex juri l-​ospitalità, jgħallem lit-​tfal tiegħu, u jkun żeluż fil-​ministeru. Kemm napprezzaw li għandna ħafna aħwa kapaċi li jużaw l-​abbiltajiet tagħhom biex jaqdu lil Ġeħova u jgħinu lil oħrajn!

TGĦALLEM MILL-​EŻEMPJI T’OĦRAJN

11. Għala għandna nipprovaw nimitaw l-​eżempju taʼ Ġesù?

11 Għalkemm m’għandniex inqabblu lilna nfusna m’oħrajn, nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​eżempju taʼ qaddejja leali taʼ Ġeħova. Bla dubju, l-​aqwa eżempju hu taʼ Ġesù. Aħna m’aħniex perfetti bħal Ġesù, imma nistgħu nitgħallmu ħafna mill-​kwalitajiet sbieħ tiegħu u mill-​affarijiet sbieħ li għamel. (1 Pt. 2:21) Meta nagħmlu l-​almu tagħna biex nimitaw kemm jistaʼ jkun mill-​qrib l-​eżempju tiegħu, se nsiru qaddejja taʼ Ġeħova aħjar u se nkunu iktar effettivi fil-​ministeru tagħna.

12-13. X’nistgħu nitgħallmu mis-​Sultan David?

12 Fil-​Bibbja nsibu ħafna eżempji taʼ rġiel u nisa leali li nistgħu nimitaw minkejja li kienu imperfetti. (Ebr. 6:12) Aħseb dwar is-​Sultan David, li Ġeħova sejjaħlu “raġel għal qalbi.” (Atti 13:22) Hu ma kienx perfett, fil-​fatt għamel dnubiet serji. Imma, David xorta hu eżempju tajjeb għalina. Għala? Għax meta kien ikkoreġut minħabba l-​iżball li għamel, hu ma qagħadx iġib l-​iskużi. Minflok, hu aċċetta l-​parir sod li kien irċieva u ddispjaċieh vera għal dak li kien għamel. Għalhekk, Ġeħova ħafirlu.—Salm 51:3, 4, 10-​12.

13 Nistgħu nitgħallmu ħafna minn David. Pereżempju, nistgħu nistaqsu lilna nfusna: ‘Jien x’nagħmel meta ningħata parir? Nammetti li għamilt żball jew noqgħod inġib l-​iskużi? Nipprova nwaħħal f’ħaddieħor? Naħdem iebes biex ma nerġax nagħmel l-​istess żball?’ Tistaʼ ssaqsi lilek innifsek mistoqsijiet oħrajn meta tkun qed taqra dwar irġiel u nisa leali oħrajn fil-​Bibbja. Bħal pereżempju, il-​problemi li ffaċċjaw huma simili għal tiegħi? Xi kwalitajiet tajbin urew? Wara li tkun qrajt ir-​rakkont, tistaʼ tistaqsi: ‘Kif nistaʼ nsir nixbah iktar lil dan il-​qaddej leali taʼ Ġeħova?’

14. Kif nistgħu nibbenefikaw meta ninnotaw lill-​aħwa?

14 Nistgħu nibbenefikaw ukoll billi ninnotaw lill-​aħwa, kemm il-​kbar kif ukoll iż-​żgħar. Pereżempju, tistaʼ taħseb dwar xi ħadd fil-​kongregazzjoni tiegħek li qed jiffaċċja prova b’lealtà, forsi minħabba pressjoni minn sħabu, oppożizzjoni mill-​familja, jew saħħa batuta? Tara li għandu kwalitajiet li int tixtieq taħdem iktar fuqhom? Billi timita l-​eżempju tajjeb t’oħrajn, int se tkun tistaʼ tissaporti l-​provi tiegħek. Kemm aħna ferħanin li għandna aħwa leali li nistgħu nimitaw!—Ebr. 13:7; Ġak. 1:2, 3.

KUN KUNTENT FIX-​XOGĦOL TAʼ ĠEĦOVA

15. Pawlu liema parir tana biex jgħinna nkomplu nkunu ferħanin fix-​xogħol li nagħmlu għal Ġeħova?

15 Biex ikollna l-​paċi u l-​unità fil-​kongregazzjoni, kull wieħed u waħda minna għandu bżonn jagħmel l-​aħjar tiegħu. Aħseb dwar il-​Kristjani tal-​bidu. Huma kellhom diversi abbiltajiet u inkarigi. (1 Kor. 12:4, 7-​11) Imma dan ma ġabx firda u kompetizzjoni bejniethom. Fil-​fatt, Pawlu lill-​Efesin inkuraġġiehom biex jużaw dawn l-​abbiltajiet ħalli “jinbena l-​ġisem tal-​Kristu.” Hu kitbilhom biex kull membru jgħin ħalli l-​ġisem jaħdem sew u jinbena bl-​imħabba. (Efes. 4:1-​3, 11, 12, 16) Dawk li għamlu dak li qal Pawlu ħadmu għall-​paċi u l-​unità—kwalitajiet li naraw fil-​kongregazzjonijiet tagħna llum.

16. Xi rridu nkunu determinati li nagħmlu? (Ebrej 6:10)

16 Kun determinat li ma tqabbilx lilek nnifsek m’oħrajn. Minflok, tgħallem minn Ġesù u aħdem iebes biex timita l-​kwalitajiet tiegħu. Ibbenefika mill-​eżempji taʼ wħud fil-​Bibbja u mill-​eżempji t’aħwa llum. Hekk kif tkompli tagħmel dak kollu li tistaʼ, kun ċert li Ġeħova ‘mhux inġust biex jinsa dak li tagħmel għalih.’ (Aqra Ebrej 6:10.) Mela kompli aqdi lil Ġeħova bil-​ferħ u ftakar li jekk int tagħmel dak kollu li tistaʼ hu se jkun kuntent bik.

GĦANJA 65 Imxi ’l quddiem!

a Ilkoll kemm aħna nistgħu nitgħallmu minn dak li qed jagħmlu oħrajn għal Ġeħova. Imma hemm xi perikli li għandna nevitaw. Dan l-​artiklu se jgħinna nibqgħu ferħanin u nevitaw in-​nassa li nsiru kburin jew skuraġġiti meta nqabblu lilna nfusna maʼ dak li jagħmlu oħrajn.

b X’TGĦIDILNA L-​ISTAMPA: Ħu qed jaqdi f’Betel meta kien żagħżugħ. Imbagħad, wara li żżewweġ, beda jaqdi bħala pijunier mal-​mara tiegħu. Hu kellu t-​tfal u beda jgħallimhom kif jippritkaw. Issa li kiber fl-​età, qed ikompli jagħmel l-​aħjar li jistaʼ billi jipprietka permezz tal-​ittri.