Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-​ISTUDJU 25

Ġeħova Jbierek lil Dawk li Jaħfru

Ġeħova Jbierek lil Dawk li Jaħfru

“Bħalma Ġeħova ħafrilkom mill-​qalb, agħmlu hekk intom ukoll.”—KOL. 3:13.

GĦANJA 130 Aħfer

ĦARSA BIL-​QUDDIEM *

1. Ġeħova xi jwegħedhom lil dawk li jiddispjaċihom għad-​dnub li għamlu?

 GĦALKEMM Ġeħova hu l-​Ħallieq tagħna, il-​Wieħed li tana l-​liġijiet, u l-​Imħallef tagħna, hu wkoll Missierna tas-​sema kollu mħabba. (Salm 100:3; Is. 33:22) Meta nagħmlu dnub u jiddispjaċina verament, hu għandu l-​awtorità u x-​xewqa li jaħfrilna. (Salm 86:5) Permezz tal-​profeta Isaija, Ġeħova qalilna dan il-​kliem sabiħ: “Għalkemm dnubietkom ikunu bħall-​iskarlat, se jintgħamlu bojod bħas-​silġ.”—Is. 1:18.

2. Jekk irridu li jkollna ħbiberija tajba m’oħrajn xi rridu nagħmlu?

2 Peress li aħna imperfetti, ilkoll kemm aħna ngħidu u nagħmlu affarijiet li bihom inweġġgħu lil oħrajn. (Ġak. 3:2) Imma dan ma jfissirx li ma jistax ikollna ħbiberija tajba magħhom. Jekk nitgħallmu naħfru lil xulxin żgur se jirnexxilna. (Prov. 17:9; 19:11; Mt. 18:21, 22) Meta nweġġgħu lil xulxin b’affarijiet żgħar, Ġeħova jridna naħfru. (Kol. 3:13) U bir-​raġun, għax wara kollox Ġeħova lilna jaħfrilna “bil-​kbir.”—Is. 55:7.

3. X’se nikkunsidraw f’dan l-​artiklu?

3 F’dan l-​artiklu se nikkunsidraw kif nies imperfetti jistgħu jimitaw lil Ġeħova u jaħfru lil oħrajn. Liema dnubiet għandna ngħidu lill-​anzjani bihom? Ġeħova għala jridna naħfru lil oħrajn? U x’nistgħu nitgħallmu minn xi aħwa li batew ħafna minħabba d-​dnubiet t’oħrajn?

META KRISTJAN JAGĦMEL DNUB SERJU

4. (a) Meta qaddej taʼ Ġeħova jagħmel dnub serju x’għandu jagħmel? (b) Meta Kristjan jagħmel dnub, l-​anzjani x’responsabbiltà għandhom?

4 Meta nagħmlu dnub serju rridu ngħidu lill-​anzjani. Xi wħud minn dawn id-​dnubiet insibuhom fl-​1 Korintin 6:9, 10. Dnubiet serji jmorru kontra l-​liġi t’Alla. Jekk Kristjan jagħmel dnub bħal dan, hu għandu jitlob lil Ġeħova biex jaħfirlu, u għandu jitkellem mal-​anzjani tal-​kongregazzjoni. (Salm 32:5; Ġak. 5:14) L-​anzjani liema responsabbiltà għandhom? Ġeħova biss jistaʼ jaħfer id-​dnubiet kompletament, u hu jaħfrilna d-​dnubiet tagħna grazzi għas-​sagrifiċċju tal-​fidwa. * Però, Ġeħova ta r-​responsabbiltà lill-​anzjani biex skont l-​Iskrittura jaraw jekk dak li jkun għamel id-​dnub għandux jibqaʼ fil-​kongregazzjoni. (1 Kor. 5:12) Biex jagħmlu dan, waħda mill-​affarijiet li jagħmlu hi li jipprovaw isibu t-​tweġibiet għal dawn il-​mistoqsijiet: Il-​persuna ppjanat minn qabel biex tagħmel id-​dnub? Id-​dnub li għamlet ipprovat taħbih? Baqgħet tagħmel id-​dnub serju għal perjodu taʼ żmien? U l-​iktar ħaġa importanti, qed turi hi li verament iddispjaċieha għal dak li għamlet? Hemm xi ħaġa li turi li Ġeħova ħafrilha?—Atti 3:19.

5. Għala huwa taʼ benefiċċju x-​xogħol li jagħmlu l-​anzjani?

5 Meta l-​anzjani jiltaqgħu mal-​persuna li tkun għamlet id-​dnub, il-​mira tagħhom tkun li jieħdu l-​istess deċiżjoni bħal dik li tkun diġà ttieħdet fis-​sema. (Mt. 18:18) Dan l-​arranġament kif inhu taʼ benefiċċju għall-​kongregazzjoni? Dan jipproteġi lill-​kongregazzjoni billi l-​persuna li ma jkunx iddispjaċieha għad-​dnub li għamlet, ma tibqax fil-​kongregazzjoni u tagħmel il-​ħsara lill-​qaddejja prezzjużi taʼ Ġeħova. (1 Kor. 5:6, 7, 11-​13; Titu 3:10, 11) Dan l-​arranġament jistaʼ jgħin ukoll biex il-​persuna li tkun għamlet id-​dnub jiddispjaċiha u Ġeħova jaħfrilha. (Lq. 5:32) L-​anzjani jitolbu għall-​persuna li jkun iddispjaċieha għad-​dnub li għamlet u jgħinuha biex terġaʼ ssaħħaħ il-​ħbiberija tagħha maʼ Ġeħova.—Ġak. 5:15.

6. Jekk persuna tiġi maqtugħa mis-​sħubija, Ġeħova jistaʼ jaħfrilha? Spjega.

6 Ejja ngħidu li l-​persuna ma jiddispjaċihiex għad-​dnub li tkun għamlet meta l-​anzjani jitkellmu magħha. F’dan il-​każ, il-​persuna tiġi maqtugħa mis-​sħubija. U jekk tkun kisret il-​liġi tal-​gvern, l-​anzjani mhux se jgħattulha biex tiffranka l-​konsegwenzi tal-​ħażen li tkun għamlet. Ġeħova jippermetti lill-​awtoritajiet biex jiġġudikaw u jikkastigaw lil kull min jikser il-​liġi, sew jekk il-​persuna jkun iddispjaċieha u sew jekk le. (Rum. 13:4) Imma jekk iktar tard il-​persuna tinduna li dak li għamlet kien ħażin u tbiddel il-​mod kif tkun qed taħseb u taġixxi, Ġeħova jkun lest li jaħfrilha. (Lq. 15:17-​24) Hu jagħmel dan anki jekk id-​dnubiet li tkun għamlet ikunu serji ħafna.—2 Kron. 33:9, 12, 13; 1 Tim. 1:15.

7. B’liema modi nistgħu naħfru lil xi ħadd li weġġagħna?

7 Kemm napprezzaw li mhix ir-​responsabbiltà tagħna biex niddeċiedu jekk Ġeħova jaħfirx lill-​persuna li tkun għamlet id-​dnub! Però, xorta hemm xi ħaġa li għandna niddeċiedu aħna. X’inhi? Xi kultant, xi ħadd jistaʼ jagħmel dnub u jweġġagħna, imbagħad jiskuża ruħu u jitlobna naħfrulu. Imma drabi oħrajn jistaʼ jkun li ma jitlobniex maħfra. Minkejja dan, aħna nistgħu nagħżlu li naħfru lill-​persuna u nipprovaw ma nibqgħux irrabjati għaliha. Veru, dan jistaʼ jieħu ż-​żmien u jkollna nagħmlu sforz, speċjalment jekk il-​persuna tkun weġġgħetna ħafna. It-​Torri tal-​Għassa tal-​15 taʼ Settembru 1994, jgħid: “Meta tassew taħfer lil xi midneb, dan ma jfissirx li qiegħed tħalli d-​dnub għaddej. Għall-​Kristjan, il-​maħfra tfisser li bil-​fiduċja kollha tħalli l-​kwistjoni f’idejn Jehovah. Hu l-​Imħallef taʼ tjieba taʼ l-​univers kollu, u se jesegwixxi l-​ġustizzja fiż-​żmien xieraq.” Ġeħova għala jridna naħfru u nħallu f’idejh biex jiġġudika?

ĠEĦOVA GĦALA JRIDNA NAĦFRU?

8. Meta naħfru kif inkunu qed nuru li napprezzaw il-​ħniena taʼ Ġeħova?

8 Meta naħfru, nuru li napprezzaw il-​ħniena taʼ Ġeħova. F’waħda mit-​tixbihat tiegħu, Ġesù qabbel lil Ġeħova maʼ sid li ħafer dejn kbir li wieħed mill-​ilsiera tiegħu ma setax iħallas. Imma mbagħad, dan l-​ilsir ma weriex ħniena maʼ lsir ieħor, li kellu jagħtih xi ħaġa żgħira tal-​flus. (Mt. 18:23-​35) Ġesù x’kien qed jgħallimna? Jekk napprezzaw il-​ħniena kbira li juri magħna Ġeħova, aħna se nkunu lesti li naħfru lil oħrajn. (Salm 103:9) Snin ilu, It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż qal hekk: “Naħfru kemm naħfru lil oħrajn, qatt mhu se nkunu ħfirna daqs kemm-​il darba Ġeħova ħafrilna, u dan grazzi għas-​sagrifiċċju taʼ Kristu.”

9. Ġeħova maʼ min juri ħniena? (Mattew 6:14, 15)

9 Jekk naħfru lil oħrajn, Ġeħova jaħfer lilna. Ġeħova juri ħniena maʼ dawk li juru ħniena. (Mt. 5:7; Ġak. 2:13) Ġesù wriena dan meta hu għallem lid-​dixxipli tiegħu kif għandhom jitolbu. (Aqra Mattew 6:14, 15.) Aħna nitgħallmu lezzjoni simili minn dak li Ġeħova qal lill-​qaddej tiegħu Ġob. Dan ir-​raġel leali kien imweġġaʼ bil-​kliem aħrax li qalulu Elifaż, Bildad, u Sofar. Ġeħova qal lil Ġob biex jitlob għalihom. Wara li Ġob talab għalihom, Ġeħova ppremjah.—Ġob 42:8-​10.

10. Meta nibqgħu rrabjati għall-​persuna li tkun weġġgħetna, kif inkunu qed nagħmlu l-​ħsara lilna nfusna? (Efesin 4:31, 32)

10 Meta nibqgħu rrabjati nagħmlu l-​ħsara lilna nfusna. Ir-​rabja hi bħal toqol kbir u Ġeħova jridna nneħħu dan it-​toqol minn fuqna ħalli jkollna l-​paċi. (Aqra Efesin 4:31, 32.) Hu jgħidilna: “Itlaq ir-​rabja u ħalli d-​dagħdigħa.” (Salm 37:8) Jekk napplikaw dan il-​parir se jkun taʼ ġid għalina. Meta nibqgħu rrabjati għal xi ħadd li weġġagħna, se nweġġgħu lilna nfusna kemm fiżikament kif ukoll mentalment. (Prov. 14:30) Dan ikun bħallikieku qed nixorbu l-​valenu u nkunu qed nagħmlu l-​ħsara lilna nfusna. Imma meta naħfru lil oħrajn inkunu qed nagħmlu l-​ġid lilna nfusna. (Prov. 11:17) B’hekk se jkollna l-​paċi f’qalbna u f’moħħna, u se nkunu nistgħu nkomplu naqdu lil Ġeħova.

11. Skont il-​Bibbja għala m’għandniex inpattu? (Rumani 12:19-​21)

11 Il-​vendetta hi taʼ Ġeħova. Ġeħova ma taniex l-​awtorità biex inpattuha lil xi ħadd li jkun weġġagħna. (Aqra Rumani 12:19-​21.) Minħabba li aħna limitati u imperfetti, aħna m’aħniex kapaċi niġġudikaw b’mod ġust bħalma jagħmel Alla. (Ebr. 4:13) U kultant, is-​sentimenti tagħna jistgħu jfixkluna u jagħmluhielna iktar diffiċli biex inkunu nafu x’inhi l-​ħaġa t-​tajba li rridu nagħmlu. Ġeħova ispira lil Ġakbu biex jikteb: “Il-​korla tal-​bniedem ma twettaqx dak li hu sewwa f’għajnejn Alla.” (Ġak. 1:20) Ġeħova hu ġust u nistgħu nkunu ċerti li hu se jara li ssir ġustizzja.

Tibqax irrabjat u żżommx f’qalbek. Ħalli lil Ġeħova jkun l-​Imħallef. Hu se jneħħi l-​ħsara kollha li saret minħabba d-​dnub (Ara paragrafu 12)

12. Kif nistgħu nuru li nafdaw fil-​ġustizzja taʼ Ġeħova?

12 Meta naħfru, nkunu qed nuru li nafdaw fil-​ġustizzja taʼ Ġeħova. Meta nħallu l-​affarijiet f’idejn Ġeħova nkunu qed nuru li aħna konvinti li hu se jneħħi l-​ħsara kollha li saret minħabba d-​dnub. U fid-​dinja l-​ġdida li wegħedna, memorji li llum iweġġgħuna mhu se niftakruhom qatt iżjed. (Is. 65:17) Imma meta xi ħadd ikun weġġgħek ħafna, huwa vera possibbli li ma tibqax irrabjat għalih? Ara kif xi wħud irnexxielhom jagħmlu dan.

META NAĦFRU LIL OĦRAJN IKUN GĦALL-​ĠID TAGĦNA

13-14. X’tgħallimt dwar il-​maħfra mill-​esperjenza taʼ Tony u José?

13 Ħafna minn ħutna ddeċidew li jaħfru minkejja li kienu weġġgħu ħafna minħabba dak li għamel ħaddieħor. Ġeħova kif berikhom?

14 Ħafna żmien qabel tgħallem il-​verità, Tony, * li jgħix il-​Filippini, sar jaf li wieħed minn ħutu nqatel minn raġel jismu José. Dak iż-​żmien, Tony kien raġel vera vjolenti u ried ipattihielu. Minħabba dan il-​qtil, José ġie arrestat u mitfugħ il-​ħabs. Iktar tard, meta José ħareġ mill-​ħabs, Tony kien determinat li jsibu u joqtlu. Tant hu hekk li xtara revolver. Matul dan iż-​żmien, Tony beda jistudja l-​Bibbja max-​Xhieda taʼ Ġeħova. Hu jgħid, “Matul l-​istudju tgħallimt li jien kelli bżonn inbiddel il-​personalità tiegħi u kif naġixxi, u dan kien jinkludi li ma nibqax inżomm ir-​rabja ġo fija.” Maż-​żmien, Tony tgħammed u iktar tard beda jaqdi bħala anzjan fil-​kongregazzjoni tiegħu. Immaġina kif ħassu meta iktar tard hu sar jaf li José wkoll tgħammed u sar qaddej taʼ Ġeħova! Meta ltaqgħu flimkien, huma għannqu lil xulxin u Tony qal lil José li kien ħafirlu. Tony jgħid li meta ħafer lil José, tant ħassu ferħan li lanqas setaʼ jiddeskrivi kif kien qed iħossu. Iva, Ġeħova bierek lil Tony talli kien lest li jaħfer.

L-​eżempju taʼ Peter u Sue jurina li nistgħu ma nibqgħux irrabjati u ma nżommux f’qalbna (Ara paragrafi 15-16)

15-16. X’tgħallimt dwar il-​maħfra mill-​esperjenza taʼ Peter u Sue?

15 Fl-​1985, waqt li Peter u Sue kienu qegħdin il-​laqgħa fis-​Sala tas-​Saltna, seħħet splużjoni qawwija. Raġel kien ħeba bomba fis-​Sala tas-​Saltna! Sue kellha ġrieħi serji u baqgħet tbati mill-​vista u mis-​smigħ għal għomorha. U anki ma baqgħetx ixxomm. * Spiss, Peter u Sue kienu jistaqsu, ‘X’tip taʼ persuna trid tkun biex tasal tagħmel xi ħaġa bħal din?’ Ħafna snin wara r-​raġel li kien ħeba l-​bomba, li ma kienx qaddej taʼ Ġeħova, ġie arrestat u weħel għomru l-​ħabs. Meta kienu staqsewhom jekk kinux ħafru lil dan ir-​raġel, Peter u Sue qalu: “Ġeħova jgħallimna li jekk nibqgħu naħsbu dwar l-​uġigħ u r-​rabja tagħna, se nagħmlu ħsara fiżikament, emozzjonalment, u mentalment lilna nfusna. Għalhekk, aħna mill-​ewwel bdejna nitolbu lil Ġeħova biex jgħinna ħalli ma nibqgħux irrabjati u nkomplu għaddejjin bil-​ħajja.”

16 Kien faċli għalihom biex jaħfru lil dan ir-​raġel? Mhux dejjem. Huma jkomplu jgħidu: “Kultant, meta Sue tkun qed tbati minħabba dak li għaddiet minnu, nerġgħu nħossuna rrabjati. Imma nipprovaw ma nibqgħux naħsbu fuq dak li ġara, b’hekk ma nibqgħux inħossu dawn is-​sentimenti. Infatti, nistgħu ngħidu sinċerament li jekk ir-​raġel li ħeba l-​bomba xi darba jsir ħu, aħna żgur li se nilqgħuh. Din l-​esperjenza għallmitna li meta napplikaw il-​prinċipji tal-​Bibbja, dawn jgħinuna biex ninħelsu minn sentimenti negattivi. Fil-​fatt, il-​prinċipji tal-​Bibbja jgħinuna b’modi li lanqas biss nimmaġinaw! Aħna nħossuna inkuraġġiti wkoll għax nafu li Ġeħova dalwaqt se jneħħi t-​tbatija kollha.”

17. X’tgħallimt dwar il-​maħfra mill-​esperjenza taʼ Myra?

17 Myra tgħallmet il-​verità meta hi kienet miżżewġa u kellha żewġt itfal żgħar. Ir-​raġel tagħha ma riedx jaf bil-​verità. Maż-​żmien, hu għamel adulterju u telaq lill-​familja. Myra tgħid: “Meta r-​raġel telaq lili u t-​tfal, jien ħassejt l-​emozzjonijiet li jħossu ħafna meta jiġu traduti minn xi ħadd li jħobbu, bħal uġigħ, ħtija, mistħija, u rabja. Lanqas ridt nemmen li ġrali hekk.” Minkejja li ż-​żwieġ kien spiċċa, hi xorta baqgħet tħossha muġugħa minħabba li r-​raġel tagħha ttradieha. Myra tkompli tgħid: “Dawn is-​sentimenti ġegħluni nħossni mħawda għal xhur sħaħ, u rrealizzajt li dawn kienu qed jaffettwaw il-​ħbiberija tiegħi maʼ Ġeħova u m’oħrajn.” Myra issa tgħid li m’għadhiex tħossha rrabjata u ma tixtieqx deni lir-​raġel li kellha. Hi tittama li xi darba jsir iħobb lil Ġeħova. Myra m’għadhiex taħseb fuq il-​passat. Bħala single mother, hi rabbiet lit-​tfal tagħha fil-​verità u saru qaddejja taʼ Ġeħova. Illum Myra ferħana ħafna li taqdi lil Ġeħova flimkien mat-​tfal u l-​familji tagħhom.

ĠEĦOVA HUWA L-​IMĦALLEF PERFETT

18. X’fiduċja jistaʼ jkollna f’Ġeħova, l-​Aqwa Mħallef?

18 Kemm għandna għal xiex nirringrazzjaw lil Ġeħova li ma taniex ir-​responsabbiltà li niġġudikaw lil oħrajn! Ġeħova hu l-​Aqwa Mħallef, u għalhekk dan ix-​xogħol importanti se jieħu ħsiebu hu. (Rum. 14:10-​12) Nistgħu nkunu ċerti li hu dejjem se jiġġudika fi qbil mal-​livelli perfetti tiegħu taʼ dak li hu tajjeb u ħażin. (Ġen. 18:25; 1 Slat. 8:32) Hu qatt mhu se jagħmel xi ħaġa li ma tkunx sewwa!

19. Il-​ġustizzja perfetta taʼ Ġeħova x’se tagħmel?

19 Ilkoll kemm aħna nixxennqu għal dak iż-​żmien meta Ġeħova se jneħħi għalkollox l-​effetti ħżiena tal-​imperfezzjoni u d-​dnub. Matul dak iż-​żmien, kemm l-​uġigħ fiżiku kif ukoll l-​uġigħ emozzjonali se jispiċċaw. (Salm 72:12-​14; Riv. 21:3, 4) Qatt mhu se nerġgħu niftakruh. Sakemm jasal dak iż-​żmien sabiħ, aħna nirringrazzjaw lil Ġeħova li tana l-​abbiltà li nimitaw lilu u naħfru lil oħrajn.

GĦANJA 18 Grati għall-​fidwa

^ Ġeħova hu dejjem lest li jaħfer lil dawk li jiddispjaċihom għad-​dnub li għamlu. Bħala Kristjani rridu nimitaw l-​eżempju tiegħu u naħfru lil dawk li jweġġgħuna. F’dan l-​artiklu se naraw xi nuqqasijiet li nistgħu naħfru aħna u xi dnubiet li għandna ngħidu lill-​anzjani bihom. Se naraw ukoll għala Ġeħova jridna naħfru lil xulxin u kif dan ikun taʼ ġid għalina.

^ Ara “Mistoqsijiet mill-​Qarrejja” f’It-​Torri tal-​Għassa bl-​Ingliż tal-​15 t’April 1996.

^ Xi ismijiet ġew mibdulin.

^ Ara Stenbaħ! bl-​Ingliż tat-​8 taʼ Jannar 1992, pp. 9-​13. Ara wkoll il-​vidjow fuq JW Broadcasting® bl-​isem Peter and Sue Schulz: A Trauma Can Be Overcome.