Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

L-​appostlu Pawlu x’ried ifisser meta qal li hu “twieled qabel iż-​żmien”? (1 Korintin 15:8)

Fl-​1 Korintin 15:8, Pawlu qal: “Fl-​aħħarnett deher lili wkoll bħallikieku kont wieħed li twieled qabel iż-​żmien.” Fil-​passat spjegajna li Pawlu kien qed jirreferi għall-​viżjoni li kellu meta ra lil Ġesù fis-​sema. Kien bħallikieku ngħata l-​unur li jitwieled, jew jiġi rxoxtat, għall-​ħajja bħala spirtu ħafna snin qabel dak it-​tip taʼ rxoxt kellu jsir. Imma wara li studjajna dan il-​vers iktar, naraw li hemm bżonn li nirranġaw kif nifhmuh.

Hu veru li Pawlu kien qed jitkellem dwar dak li ġara meta sar Kristjan. Imma x’ried ifisser meta qal li “kien twieled qabel iż-​żmien”? Ejja naraw.

Hu ma damx biex sar Kristjan u din l-​esperjenza ma kienx qed jistennieha. Meta tarbija titwieled qabel iż-​żmien tkun sorpriża. Sawl (li iktar tard ismu ġie Pawlu) ma kienx qed jistenna li jara viżjoni ta’ Ġesù rxoxtat meta kien qed jivvjaġġa lejn Damasku biex jippersegwita lill-​Kristjani. Il-​fatt li sar Kristjan ma kienx taʼ sorpriża għalih biss, imma anki għal dawk il-​Kristjani li kienu se jiġu ppersegwitati f’dik il-​belt. Pawlu tant ma kienx qed jistenna din l-​esperjenza li għamel tlett ijiem ma jistax jara.—Atti 9:1-​9, 17-​19.

Hu sar Kristjan “fil-​mument ħażin.” Bil-​Grieg, il-​kliem “wieħed li twieled qabel iż-​żmien” jistaʼ jfisser ukoll “wieħed li twieled fil-​mument ħażin.” The Jerusalem Bible tgħid: “Kien bħallikieku twelidt meta ħadd ma kien qed jistenna.” Meta Pawlu sar Kristjan, Ġesù kien diġà telaʼ s-​sema. Pawlu ma kienx bħal dawk li semma fil-​versi taʼ qabel. Dan għax huma kienu raw lil Ġesù rxoxtat qabel ma telaʼ s-​sema. (1 Kor. 15:4-​8) Meta Ġesù deher lil Pawlu, tah l-​opportunità li jarah wara li ġie rxoxtat, avolja dan kien jidher li ma kienx il-​mument it-​tajjeb.

Pawlu kien qed ikun umli. Xi studjużi jgħidu li b’dak li qal, Pawlu kien qed ibaxxi lilu nnifsu. Forsi Pawlu għamel hekk għax irrealizza li ma kienx jixraqlu jkun appostlu. Fil-​fatt hu kompla jgħid: “Jien l-​inqas wieħed mill-​appostli, u ma jistħoqqlix nissejjaħ appostlu, għax ippersegwitajt il-​kongregazzjoni t’Alla. Imma bil-​qalb tajba mhix mistħoqqa t’Alla jien dak li jien.”—1 Kor. 15:9, 10.

Mela milli jidher, Pawlu kien qed ifisser li jew ma kienx qed jistenna li jidhirlu Ġesù, jew sar Kristjan fil-​mument ħażin, jew ma kienx ħaqqu li jara dik il-​viżjoni sabiħa. Kien x’kien il-​każ, din l-​esperjenza kienet importanti ħafna għal Pawlu. Din kienet prova għalih li Ġesù kien ġie rxoxtat. Mhux taʼ b’xejn li kien jitkellem dwar din l-​esperjenza meta kien jipprietka lil oħrajn dwar l-​irxoxt taʼ Ġesù.—Atti 22:6-​11; 26:13-​18.