Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Mistoqsijiet mill-​Qarrejja

Min se jiġi rxoxtat fuq l-​art u x’se jiġri wara?

Ara kif il-​Bibbja twieġeb dawn il-​mistoqsijiet.

Atti 24:15 jgħid li se jkun hemm “irxoxt kemm tan-​nies sewwa u kemm taʼ dawk li m’humiex sewwa.” In-​nies sewwa huma dawk li qabel mietu obdew lil Alla, allura isimhom miktub fil-​ktieb tal-​ħajja. (Mal. 3:16) In-​nies li mhumiex sewwa huma dawk li qabel mietu ma kellhomx iċ-​ċans jitgħallmu dwar Ġeħova, allura isimhom mhux fil-​ktieb tal-​ħajja.

Ġwanni 5:28, 29 isemmi l-​istess żewġ gruppi li jissemmew f’​Atti 24:15. Ġesù qal li “dawk li għamlu t-​tajjeb” se jkollhom ‘irxoxt taʼ ħajja, u dawk li għamlu affarijiet ħżiena, irxoxt taʼ ġudizzju.’ In-​nies sewwa għamlu affarijiet tajbin qabel mietu. Huma se jkollhom irxoxt taʼ ħajja għax isimhom se jkun għadu miktub fil-​ktieb tal-​ħajja. Imma n-​nies mhux sewwa għamlu affarijiet ħżiena qabel mietu. Għalhekk, huma se jkollhom irxoxt taʼ ġudizzju. Isimhom għadu mhux miktub fil-​ktieb tal-​ħajja. Huma se jkollhom perjodu taʼ żmien fejn se jiġu ġġudikati skont kif jgħixu ħajjithom. Dan se jkun bħal test għalihom. F’dak iż-​żmien, se jkollhom iċ-​ċans li jitgħallmu dwar Ġeħova u jkollhom isimhom miktub fil-​ktieb tal-​ħajja.

Rivelazzjoni 20:12, 13 jispjega li n-​nies kollha li se jirxoxtaw se jkollhom jobdu dak li jkun hemm “miktub fir-​rombli.” Dawn huma l-​liġijiet ġodda li Alla se jtina fid-​dinja l-​ġdida. Ġeħova se jeqred lil kull min ma jobdix.—Is. 65:20.

Danjel 12:2 jgħid li ħa jkun hemm min se jiġi rxoxtat “għall-​ħajja taʼ dejjem u min għall-​għajb u għall-​istmerrija taʼ dejjem.” Dan il-​vers jitkellem dwar l-​aħħar ġudizzju taʼ dawk li se jiġu rxoxtati. Huma jew se jkollhom “ħajja taʼ dejjem” jew “stmerrija taʼ dejjem.” Mela fl-​aħħar tal-​1,000 sena, min se jkollu ħajja taʼ dejjem u min se jinqered għal dejjem.—Riv. 20:15; 21:3, 4.

Ejja nġibu eżempju. Iż-​żewġ gruppi li se jiġu rxoxtati nistgħu nqabbluhom maʼ nies li jridu jgħixu f’pajjiż differenti. Is-​sewwa huma bħal dawk li jirċievu viża biex ikunu jistgħu jaħdmu jew viża biex jgħixu fil-​pajjiż. Imma n-​nies mhux sewwa huma bħal dawk li jirċievu viża biex joqogħdu fil-​pajjiż għal ftit żmien biss. Iż-​żewġ gruppi jridu jirrispettaw u jobdu l-​liġijiet tal-​pajjiż biex ikunu jistgħu jibqgħu fih. B’mod simili, in-​nies mhux sewwa li se jiġu rxoxtati jridu jobdu il-​liġijiet taʼ Ġeħova u juru li nbidlu biex jibqgħu fil-​Ġenna tal-​art. Bħall-​eżempju li semmejna, hi x’inhi l-​viża li rċivew fil-​bidu, fl-​aħħar ikun hemm min ikollu ċ-​ċittadinanza u min jitkeċċa. Dan jiddependi minn kif iġibu ruħhom fil-​pajjiż il-​ġdid. B’mod simili, il-​ġudizzju fuq dawk li se jiġu rxoxtati jiddependi fuq il-​lealtà tagħhom u kif iġibu ruħhom fid-​dinja l-​ġdida.

Ġeħova mhux biss Alla mimli mħabba imma wkoll l-​Alla tal-​ġustizzja. (Dt. 32:4; Salm 33:5) Hu se juri l-​imħabba billi jirxoxta kemm lin-​nies tajbin u anke lil dawk li mhumiex. Imma hu jistenna li kulħadd jobdi l-​liġijiet tiegħu. Dawk li jħobbuh u jobduh biss se jibqgħu jgħixu fid-​dinja l-​ġdida.