Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 2

Ħalli lil Alla Jbiddel il-Mod Kif Taħseb

Ħalli lil Alla Jbiddel il-Mod Kif Taħseb

“Ħallu lil Alla jbiddel il-mod kif taħsbu biex tagħtu prova lilkom infuskom dwar x’inhi r-rieda tajba u aċċettabbli u perfetta t’Alla.”—RUM. 12:2, nwt.

GĦANJA 88 Għarrafni triqatek

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1-2. X’għandna nkomplu nagħmlu wara li nitgħammdu? Spjega.

 KEMM-il darba tnaddaf id-dar tiegħek? Forsi qabel dħalt toqgħod fiha tajtha tindifa tajba. Imma x’jiġri kieku qatt ma terġaʼ tnaddafha wara? Malajr terġaʼ titħammeġ. Biex iżżomm id-dar nadifa, trid tnaddafha b’mod regulari.

2 Biex nibqgħu nirranġaw il-mod kif naħsbu u l-personalità tagħna, irridu nagħmlu xi ħaġa simili. Żgur li qabel tgħammidna ħdimna iebes biex nirranġaw ħajjitna ħalli “nitnaddfu minn kull tinġis tal-laħam u taʼ l-ispirtu.” (2 Kor. 7:1) Imma issa, irridu napplikaw il-parir tal-appostlu Pawlu biex inkomplu “niġġeddu.” (Efes. 4:23) Għala għandna nibqgħu nagħmlu sforz? Għax id-dinja malajr tistaʼ tinfluwenzana u ma nibqgħux nodfa għal Ġeħova. Biex nibqgħu nogħġbu lil Ġeħova, b’mod regulari għandna niċċekkjaw sew kif qed naħsbu, il-karattru u x-xewqat tagħna.

IBQGĦU ‘ĠEDDU MOĦĦKOM’

3. Xi jfisser li ‘nġeddu moħħna’? (Rumani 12:2)

3 Xi rridu nagħmlu biex inġeddu moħħna, jiġifieri nbiddlu l-mod taʼ kif naħsbu? (Aqra Rumani 12:2.) L-espressjoni bil-Grieg ‘iġġedded moħħok’ tistaʼ tfisser ‘biddel moħħok.’ Mela dan ma jfissirx li sempliċiment nagħmlu ftit affarijiet tajbin. Minflok, aħna rridu naħsbu sew dwar dak li aħna minn ġewwa u nagħmlu l-bidliet li jkun hemm bżonn biex nobdu l-livelli taʼ Ġeħova kemm nistgħu. Dan ma jsirx taʼ darba, imma l-ħin kollu.

Id-deċiżjonijiet tiegħek dwar l-edukazzjoni u x-xogħol juru li l-affarijiet spiritwali huma l-iktar importanti f’ħajtek? (Ara paragrafi 4-5) c

4. X’nistgħu nagħmlu biex ma nħallux id-dinja teffettwa l-mod kif naħsbu?

4 Meta nkunu perfetti, dejjem se nferrħu lil Ġeħova b’dak li nagħmlu. Imma sa ma jasal dak iż-żmien, irridu naħdmu iebes ħalli anki issa nferrħuh. F’​Rumani 12:2, Pawlu jgħid li rridu nkomplu nġeddu moħħna biex inkunu nafu xi jridna nagħmlu Alla. Minflok ma nħallu din id-dinja ħażina tinfluwenzana, l-ewwel irridu neżaminaw lilna nfusna biex inkunu nafu jekk hux qed inħallu l-ħsibijiet t’Alla jinfluwenzaw il-miri u d-deċiżjonijiet tagħna.

5. Kif nistgħu nuru li nemmnu li l-jum taʼ Ġeħova hu viċin? (Ara l-istampa.)

5 Aħseb dwar dan l-eżempju. Ġeħova jridna ‘dejjem inżommu f’moħħna l-preżenza tal-jum tiegħu.’ (2 Pt. 3:12) Staqsi lilek innifsek: ‘Il-mod kif ngħix ħajti juri li nifhem li din id-dinja ħażina dalwaqt se tispiċċa? Id-deċiżjonijiet tiegħi dwar li nkompli nistudja jew liema xogħol nagħżel juru li l-iktar ħaġa importanti hi li naqdi lil Ġeħova? Għandi fidi li Ġeħova se jagħti lili u lill-familja tiegħi dak li jkollna bżonn jew noqgħod ninkwieta dwar l-affarijiet materjali?’ Ġeħova jkun ferħan ħafna meta jarana nipprovaw nagħmlu dak li jixtieq hu f’ħajjitna.—Mt. 6:25-27, 33; Flp. 4:12, 13.

6. X’għandna nkomplu nagħmlu?

6 Irridu neżaminaw il-mod kif naħsbu b’mod regulari u mbagħad nagħmlu l-bidliet li jkun hemm bżonn. Pawlu qal lill-Korintin: “Ibqgħu għarblu jekk intomx fil-fidi, ibqgħu agħtu prova taʼ x’intom.” (2 Kor. 13:5) Li nkunu “fil-fidi” ma jfissirx biss li kultant immorru l-laqgħat u nippritkaw. Dan jinkludi dwar xiex naħsbu, ix-xewqat tagħna, u għala nagħmlu l-affarijiet. Allura rridu nkomplu nbiddlu l-mod taʼ kif naħsbu billi naqraw il-Kelma t’Alla, nitgħallmu naħsbu kif jaħseb Ġeħova, u nagħmlu dak li jkun hemm bżonn biex nogħġbu lilu.—1 Kor. 2:14-16.

‘ILBSU L-PERSONALITÀ L-ĠDIDA’

7. Skont Efesin 4:31, 32, xi rridu nagħmlu iżjed, u għala jistaʼ jkun diffiċli?

7 Aqra Efesin 4:31, 32. Bidla oħra importanti li rridu nagħmlu hi li ‘nilbsu l-personalità l-ġdida.’ (Efes. 4:24) Biex nagħmlu dan irridu naħdmu iebes. Fost affarijiet oħra, aħna rridu nneħħu kwalitajiet ħżiena, bħal pereżempju l-mibegħda u r-rabja. Dan għala jistaʼ jkun diffiċli? Għax dawn jistgħu jsiru parti minna. Pereżempju, il-Bibbja tgħid li xi nies ‘jirrabjaw malajr’ u ‘għandhom it-tendenza li jinkorlaw.’ (Prov. 29:22) Xi ħadd li għandu kwalitajiet bħal dawn għandu jkompli jaħdem iebes biex jinbidel, anki jekk ikun mgħammed. Dan se narawh fl-esperjenza fil-paragrafu li jmiss.

8-9. L-eżempju taʼ Stephen kif jurina li rridu nkomplu naħdmu biex ninżgħu l-personalità l-qadima?

8 Ħu jismu Stephen kellu problema biex jikkontrolla r-rabja tiegħu. Hu qal, “Anki wara li tgħammidt kelli nkompli nipprova nikkontrolla r-rabja tiegħi. Pereżempju, darba waħda waqt li kont qed nipprietka, tlaqt niġri wara ħalliel li seraqli r-radio tal-karozza. Meta kont se naqbdu, telaq ir-radio u ħarab jiġri. Meta għedt lil dawk li kienu miegħi li rnexxieli nġib ir-radio, anzjan fil-grupp qalli, ‘Stephen, x’kont tagħmel li kieku qbadtu?’ Din il-mistoqsija ġegħlitni naħseb u għenitni nifhem kemm irrid inkompli naħdem fuq il-personalità tiegħi.” b

9 L-eżempju taʼ Stephen jurina li aħna xorta nistgħu nerġgħu nuru kwalitajiet ħżiena, anki wara li nkunu ħsibna li ħlisna minnhom. Jekk jiġrilek hekk, taqtax qalbek u taħsibx li m’intix Kristjan tajjeb. Anki l-appostlu Pawlu qal: “Meta nixtieq nagħmel dak li hu sewwa, dak li hu ħażin ikolli fija.” (Rum. 7:21-23) Il-Kristjani kollha imperfetti u għandhom xi kwalitajiet ħżiena li jerġgħu joħorġu bħalma t-trab u l-ħmieġ jinġabar fid-djar tagħna. Aħna rridu nibqgħu naħdmu biex nibqgħu nodfa. Kif nistgħu nagħmlu dan?

10. X’nistgħu nagħmlu biex inneħħu kwalitajiet ħżiena? (1 Ġwanni 5:14, 15)

10 Itlob lil Ġeħova dwar il-kwalità li ssib diffiċli biex tbiddel, u kun ċert li hu se jisimgħek u jgħinek. (Aqra l-1 Ġwanni 5:14, 15.) Ġeħova mhux se jneħħilek din il-kwalità ħażina b’xi miraklu, imma hu jistaʼ jgħinek biex ma turix din il-kwalità. (1 Pt. 5:10) Fl-istess ħin, aħdem fuq dak li qed titlob billi ma tagħmilx affarijiet li jistgħu jġibu l-personalità l-qadima tiegħek lura. Pereżempju, irridu noqogħdu attenti li ma narawx films jew programmi, jew naqraw kotba li jagħtu x’tifhem li ma fiha xejn ħażin li jkollok kwalità ħażina. U m’għandniex naħsbu fuq xewqat ħżiena.—Flp. 4:8; Kol. 3:2.

11. X’nistgħu nagħmlu biex inkomplu nilbsu l-personalità l-ġdida?

11 Għalkemm inżajt il-personalità l-qadima, huwa importanti li taħdem fuq il-personalità l-ġdida. Kif? Agħmilha mira li timita lil Ġeħova int u titgħallem dwar il-kwalitajiet tiegħu. (Efes. 5:1, 2) Pereżempju, meta fil-Bibbja taqra dwar il-maħfra taʼ Ġeħova, staqsi lilek innifsek, ‘Jien naħfer lil oħrajn?’ Meta taqra kif Ġeħova jħossu dwar il-foqra, staqsi lilek innifsek, ‘Inħossni l-istess għall-aħwa li huma fil-bżonn, u nuri kif inħossni b’dak li nagħmel?’ Kompli biddel il-mod kif taħseb billi tilbes il-personalità l-ġdida, u kun paċenzjuż miegħek innifsek hekk kif tagħmel dan.

12. Il-Bibbja kif għenet lil Stephen jinbidel?

12 Stephen, li semmejna qabel, induna li bil-mod irnexxielu jilbes il-personalità l-ġdida. Hu qal: “Kemm ilni mgħammed iffaċċjajt ħafna sitwazzjonijiet fejn stajt nirreaġixxi b’mod vjolenti. Tgħallimt li l-aħjar jew nitlaq ’l hemm jew nipprova nirranġa s-sitwazzjoni bil-kwiet. Il-mara tiegħi u ħafna nies oħra faħħruni taʼ kif bqajt kalm f’dawn is-sitwazzjonijiet. Anki jien bqajt impressjonat bija nnifsi! Qatt ma kien se jirnexxili nagħmel dawn il-bidliet waħdi. Dan stajt nagħmlu biss bl-għajnuna tal-Bibbja.”

KOMPLI ĠĠIELED KONTRA XEWQAT ĦŻIENA

13. X’se jgħinna nagħmlu dak li hu tajjeb? (Galatin 5:16)

13 Aqra Galatin 5:16. Ġeħova b’mod ġeneruż jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu biex jgħinna nagħmlu dak li hu tajjeb. Aħna nirċievu l-ispirtu qaddis meta nistudjaw il-Bibbja u nattendu l-laqgħat. F’dawn il-laqgħat, aħna nistgħu nqattgħu l-ħin m’aħwa li bħalna qed jaħdmu iebes biex jagħmlu dak li hu tajjeb, u dan jinkuraġġina. (Ebr. 10:24, 25; 13:7) U meta nitolbu lil Ġeħova mill-qalb biex jgħinna nneħħu xewqat ħżiena, hu se jagħtina l-ispirtu qaddis tiegħu biex nibqgħu niġġieldu u biex ma naqtgħux qalbna. Dan mhux se jneħħilna x-xewqat ħżiena, imma se jgħinna biex ma nċedux għalihom. Kif jurina Galatin 5:16, dawk li ‘jimxu bl-ispirtu ma jwettqu assolutament l-ebda xewqa tal-laħam.’

14. Għala hu importanti li nkomplu naħdmu biex nagħmlu dak li hu tajjeb?

14 Biex ikollna ħbiberija tajba maʼ Ġeħova, aħna bdejna nagħmlu affarijiet tajbin. Hu importanti li nkomplu nagħmluhom u nkomplu naħdmu biex ikollna xewqat tajbin. Għala? Għax wieħed mill-għedewwa tagħna dejjem jiġġieled kontrina. Dan l-għadu hu t-tentazzjoni biex nagħmlu dak li hu ħażin. Anki wara l-magħmudija jistaʼ jkollna ġibdiet lejn affarijiet li m’għandniex nagħmlu, bħal-logħob tal-flus, l-alkoħol żejjed, jew il-pornografija. (Efes. 5:3, 4) Kristjan żagħżugħ qal: “Waħda mill-iktar affarijiet diffiċli li sibt kienet il-ġibda lejn dawk tal-istess sess tiegħi. Jien ħsibt li mhux se nibqaʼ nħossni hekk, imma xorta għad għandi din il-ġibda.” X’jistaʼ jgħinek jekk ikollok xewqat ħżiena qawwija?

Jekk tiġik xewqa ħażina taqtax qalbek. Aħwa oħrajn iġġieldu xewqat simili u rnexxielhom jegħlbuhom (Ara paragrafi 15-16)

15. Li nafu li xewqat ħżiena jiġu fuq “il-bnedmin kollha” għala jinkuraġġina? (Ara l-istampa.)

15 Meta tkun qed tiġġieled biex tikkontrolla xewqat ħżiena, ftakar li m’intix waħdek. Il-Bibbja tgħid: “Ebda tentazzjoni ma ġiet fuqkom ħlief dik li tiġi fuq il-bnedmin kollha.” (1 Kor. 10:13a) Dan il-kliem inkiteb lil nisa u rġiel Kristjani li kienu jgħixu f’Korintu. Xi wħud minnhom kienu adulteri, omosesswali, u jixorbu żżejjed. (1 Kor. 6:9-11) Taħseb li wara li tgħammdu qatt ma kellhom xewqat ħżiena? Żgur li kellhom. Veru li kienu kollha mill-midlukin, imma huma xorta kienu bnedmin imperfetti. Bla dubju, kultant kellhom jiġġieldu kontra xewqat ħżiena. Dan għala jinkuraġġina? Għax juri li hi x’inhi x-xewqa li qed tiġġieled kontriha, xi ħadd ieħor irnexxielu jegħlibha. Fil-fatt, int tistaʼ tibqaʼ ‘sod fil-fidi għax taf li sofferenzi bħal dawn qed iseħħu fil-fratellanza kollha fid-dinja.’—1 Pt. 5:9.

16. Liema periklu rridu nevitaw, u għala?

16 Evita l-periklu li taħseb li ħadd ma jistaʼ jifhem il-problema li għandek. Jekk toqgħod taħseb hekk, tistaʼ tirraġuna li s-sitwazzjoni tiegħek hi bla tama u li ma tistax tirreżisti xewqat ħżiena. Il-Bibbja tgħidilna xi ħaġa differenti. Hi tgħid: “Alla hu leali, u ma jħallikomx tiġu ttantati iktar milli tifilħu, imma mat-tentazzjoni jiftħilkom ukoll it-triq sabiex tkunu tistgħu tissaportuha.” (1 Kor. 10:13b) Għalhekk, anki meta jkollna xewqa ħażina qawwija, aħna nistgħu nibqgħu leali lejn Ġeħova. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna nistgħu nirreżistu biex ma nagħmlux affarijiet ħżiena.

17. Għalkemm ma nistgħux nevitaw li jkollna xewqat ħżiena, x’nistgħu nagħmlu?

17 Dejjem ftakar li minħabba li aħna imperfetti, ma nistgħux nevitaw li jkollna xewqat ħżiena. Imma meta jiġuna, aħna nistgħu nneħħuhom mill-ewwel, bħalma għamel Ġużeppi meta ħarab mill-mara taʼ Potifar. (Ġen. 39:12) Int tistaʼ tiġġieled ix-xewqat ħżiena li jkollok!

KOMPLI AĦDEM IEBES

18-19. X’mistoqsijiet nistgħu nsaqsu lilna nfusna waqt li naħdmu biex inbiddlu l-mod kif naħsbu?

18 F’dan l-artiklu tgħallimna li biex inbiddlu l-mod kif naħsbu, irridu nkunu ċerti li l-ħsibijiet u l-azzjonijiet tagħna jogħġbu lil Ġeħova. Allura rridu neżaminaw lilna nfusna b’mod regulari u nistaqsu: ‘Il-mod kif naġixxi juri li jien konxju li qegħdin ngħixu fl-aħħar żminijiet? Qiegħed naħdem biex nilbes il-personalità l-ġdida? Qed inħalli l-ispirtu taʼ Ġeħova jiggwidani u nirreżisti x-xewqat ħżiena?’

19 Meta teżamina lilek innifsek tistenniex li tkun perfett, imma kun ferħan bil-progress li għamilt. Jekk tara li għandek fejn tirranġa, taqtax qalbek. Minflok, applika l-parir li nsibu f’​Filippin 3:16: “Għamilna kemm għamilna progress, ejjew inkomplu mexjin bl-ordni b’din l-istess rutina.” Meta tagħmel hekk, kun ċert li Ġeħova se jbierek l-isforzi tiegħek biex tkompli tbiddel il-mod kif taħsibha.

GĦANJA 36 Ngħassu lil qalbna

a L-appostlu Pawlu qal lill-aħwa kemm hu importanti li ma jħallux id-dinja ħażina tinfluwenza l-mod kif jaħsbu u jaġixxu. Dan il-parir hu tajjeb għalina wkoll. Irridu nagħmlu ċert li ma nħallux id-dinja tinfluwenzana b’xi mod. Biex nagħmlu hekk, meta nindunaw li l-mod kif naħsbu ma jogħġobx lil Alla, irridu nirranġawh mill-ewwel. F’dan l-artiklu se niddiskutu kif nistgħu nagħmlu dan.

b Mur fuq jw.org u fis-search box ikteb “Ħajti Kienet Sejra mill-Ħażin għall-Agħar.”

c X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu żagħżugħ qed jaħseb dwar jekk ikomplix jistudja jew jibda pijunier.