Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 3

Ġeħova Qed Jgħinek Tirnexxi

Ġeħova Qed Jgħinek Tirnexxi

“Ġeħova kien maʼ Ġużeppi. Minħabba f’hekk, hu kien jirnexxi f’kulma kien jagħmel.”—ĠEN. 39:2.

GĦANJA 30 Missieri, Alla tiegħi, u Ħabib

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1-2. (a) Għala ma nkunux sorpriżi meta ngħaddu mill-problemi? (b) X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

 BĦALA Xhieda taʼ Ġeħova aħna ma nkunux sorpriżi meta ngħaddu mill-problemi. Il-Bibbja tgħid: “Jeħtieġ li fis-saltna t’Alla nidħlu permezz taʼ ħafna tribulazzjonijiet.” (Atti 14:22) U aħna nafu li xi problemi se jiġu solvuti biss meta nkunu fid-dinja l-ġdida. Hemmhekk “ma jkunx hemm iżjed mewt, u la niket u la għajat u lanqas uġigħ.”—Riv. 21:4.

2 Ġeħova ma jneħħilniex il-problemi, imma hu jgħinna nissaportuhom. Ara x’qal l-appostlu Pawlu lill-Kristjani li kienu jgħixu Ruma. L-ewwel hu semma xi problemi li għaddew minnhom hu u xi aħwa oħra. Imbagħad hu kiteb: “Qed noħorġu rebbiħin għalkollox permezz taʼ dak li ħabbna.” (Rum. 8:35-37) Dan ifisser li Ġeħova jistaʼ jgħinek anki meta tkun għaddej minn problema. Ejja naraw kif Ġeħova għen lil Ġużeppi, u kif jistaʼ jgħin lilek.

META L-AFFARIJIET JINBIDLU F’DAQQA

3. Kif inbidlet il-ħajja taʼ Ġużeppi?

3 Ġakobb wera li kien iħobb ħafna lit-tifel tiegħu Ġużeppi. (Ġen. 37:3, 4) Minħabba f’hekk, ħutu l-kbar bdew jgħiru għalih. Meta ġiethom l-opportunità, huma biegħu lil Ġużeppi lil xi negozjanti minn Midjan. In-negozjanti ħadu lil Ġużeppi mijiet taʼ kilometri ’l bogħod, l-Eġittu. Hemmhekk reġgħu bigħuh lil Potifar, il-kap tal-gwardji tal-Fargħun. Il-ħajja taʼ Ġużeppi nbidlet mil-lum għall-għada. Filli kien ma’ missieru u filli sar skjav fl-Eġittu!—Ġen. 39:1.

4. Minn liema problemi nistgħu ngħaddu?

4 Il-Bibbja tgħid li affarijiet ħżiena jiġru lil kulħadd. (Ekk. 9:11) Kultant ngħaddu minn problemi li ‘jiġu fuq il-bnedmin kollha,’ jiġifieri li kulħadd jistaʼ jgħaddi minnhom. (1 Kor. 10:13) Jew nistgħu nbatu għax aħna dixxipli taʼ Ġesù. Pereżempju, in-nies jistgħu jgħajruna jew jippersegwitawna minħabba dak li nemmnu. (2 Tim. 3:12) Huma x’inhuma l-problemi li tgħaddi minnhom, Ġeħova se jgħinek tirnexxi. Hu kif għen lil Ġużeppi?

Ġeħova għen lil Ġużeppi jirnexxi meta spiċċa skjav fl-Eġittu (Ara paragrafu 5)

5. Potifar x’induna dwar Ġużeppi? (Ġenesi 39:2-6)

5 Aqra Ġenesi 39:2-6. Potifar induna li Ġużeppi kien żagħżugħ intelliġenti u jaħdem ħafna. Hu kien jaf għala. Potifar ra li “Ġeħova kien qed jgħinu jirnexxi f’kulma kien jagħmel.” b Maż-żmien, Potifar għamel lil Ġużeppi l-assistent tiegħu. Hu inkariga wkoll lil Ġużeppi biex jieħu ħsieb id-dar tiegħu. Minħabba f’hekk, Potifar mar tajjeb ħafna.

6. Ġużeppi kif setaʼ ħassu dwar is-sitwazzjoni tiegħu?

6 Immaġina kif ħassu Ġużeppi. X’kienet l-iktar ħaġa li xtaq? Ried li jiġi ppremjat minn Potifar? X’aktarx Ġużeppi xtaq jinħeles u jerġaʼ jmur lura għand missieru. Fuq kollox, minkejja l-privileġġi kollha li kellu fid-dar taʼ Potifar, Ġużeppi kien skjav taʼ xi ħadd li ma jaqdix lil Ġeħova. Ġeħova ma ġegħelx lil Potifar jeħles lil Ġużeppi. U s-sitwazzjoni taʼ Ġużeppi kienet se tmur għall-agħar.

META S-SITWAZZJONI TMUR GĦALL-AGĦAR

7. Is-sitwazzjoni taʼ Ġużeppi kif marret għall-agħar? (Ġenesi 39:14, 15)

7 Ġenesi kapitlu 39 jurina li l-mara taʼ Potifar kellha grazzja ma’ Ġużeppi u għal darba wara l-oħra pprovat iġġiegħlu jkollu x’jaqsam magħha. Imma Ġużeppi qatt m’aċċetta. Imbagħad tant irrabjat għalih li qalet li pprova jabbużaha. (Aqra Ġenesi 39:14, 15.) Meta Potifar semaʼ b’dan, hu tefaʼ lil Ġużeppi l-ħabs għal xi snin. (Ġen. 39:19, 20) Kif kien il-ħabs? Il-kelma li uża Ġużeppi għal “ħabs” tistaʼ tfisser “ġiebja” jew “ħofra.” Dan jistaʼ juri li kien fid-dlam, u li Ġużeppi ħass li ma kellux tama. (Ġen. 40:15; ntt.) Il-Bibbja turi wkoll li għal xi żmien lil Ġużeppi rabtulu saqajh bil-ktajjen u għonqu bil-ħadid. (Salm 105:17, 18) Mela s-sitwazzjoni taʼ Ġużeppi kompliet tmur għall-agħar. Minn skjav taʼ min jafdah spiċċa fil-ħabs.

8. Jekk sitwazzjoni tmur għall-agħar, minn xiex nistgħu nkunu ċerti?

8 Ġieli kont f’sitwazzjoni li marret mill-ħażin għall-agħar minkejja li tlabt ħafna? Dawn affarijiet li jistgħu jiġru. Ġeħova ma jipproteġiniex mill-problemi f’dinja mmexxija minn Satana. (1 Ġw. 5:19) Imma tistaʼ tkun ċert li Ġeħova jaf minn xiex għaddej u jimpurtah minnek. (Mt. 10:29-31; 1 Pt. 5:6, 7) Hu wiegħdek: “Żgur ma nitilqekx u żgur ma nabbandunakx.” (Ebr. 13:5) Ġeħova jistaʼ jgħinek tissaporti anki meta tħossok bla tama. Ejja naraw kif għamel hekk ma’ Ġużeppi.

Ġeħova kien ma’ Ġużeppi anki meta kien il-ħabs u kien fuq il-ħabsin l-oħrajn (Ara paragrafu 9)

9. X’juri li Ġeħova kien ma’ Ġużeppi meta kien il-ħabs? (Ġenesi 39:21-23)

9 Aqra Ġenesi 39:21-23. Ġeħova għen lil Ġużeppi anki meta kien il-ħabs. Kif? Maż-żmien, il-kap tal-ħabs beda jafda u jirrispetta lil Ġużeppi bħalma għamel Potifar. Imbagħad, il-kap tal-ħabs poġġa lil Ġużeppi fuq il-ħabsin l-oħra. Fil-fatt, il-Bibbja tgħid li “l-kap tal-ħabs ma kien jieħu ħsieb assolutament xejn li kien fdat f’idejn Ġużeppi.” Issa Ġużeppi kellu xogħol x’jagħmel. Din kienet bidla li ma kienx qed jistennieha! Kif setaʼ ħabsi jiġi fdat daqshekk, speċjalment wieħed akkużat li pprova jabbuża mill-mara t’uffiċjal tal-palazz? Hemm raġuni waħda biss. Ġenesi 39:23 jgħid, “Ġeħova kien maʼ Ġużeppi u Ġeħova kien jgħinu jirnexxi f’kulma jagħmel.”

10. Spjega għala Ġużeppi setaʼ ħaseb li Ġeħova ma kienx qed jgħinu f’kollox.

10 Erġaʼ aħseb kif Ġużeppi kien qed iħossu. Taħseb li wara li ġie akkużat u mitfugħ il-ħabs, ħassu li Ġeħova qed jgħinu f’kollox? X’kienet l-iżjed ħaġa li ried Ġużeppi? Li jingħoġob mill-kap tal-ħabs? Probabbli Ġużeppi ried li jinħeles. Meta ħabsi ieħor ġie meħlus, Ġużeppi qallu biex ikellem lill-Fargħun ħalli jeħles lilu wkoll. (Ġen. 40:14) Imma r-raġel ma kellimx lill-Fargħun mill-ewwel. Minħabba f’hekk, Ġużeppi baqaʼ l-ħabs għal sentejn oħra. (Ġen. 40:23; 41:1, 14) Imma Ġeħova xorta baqaʼ jgħinu. B’liema mod?

11. Ġeħova x’għenu jagħmel lil Ġużeppi, u dan kif għen biex isir l-iskop taʼ Ġeħova?

11 Meta Ġużeppi kien il-ħabs, Ġeħova ġiegħel lir-re tal-Eġittu biex ikollu żewġ ħolmiet. Il-Fargħun xtaq ħafna jkun jaf xi jfissru. Meta r-re sar jaf li Ġużeppi jaf jispjega l-ħolm, hu bagħat għalih. Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, Ġużeppi spjega l-ħolm, u l-Fargħun kien impressjonat bil-pariri tajbin li tah. Il-Fargħun induna li Ġeħova kien qed jgħin lil Ġużeppi, allura tah ir-responsabbiltà li jieħu ħsieb l-ikel kollu fl-Eġittu. (Ġen. 41:38, 41-44) Iżjed tard, kien hemm ġuħ kbir fl-Eġittu u f’Kangħan fejn kienu jgħixu l-familja taʼ Ġużeppi. Ġużeppi issa setaʼ jsalva l-familja tiegħu, u b’hekk ma tintilifx il-linja li minnha kellu jiġi l-Messija.

12. Ġeħova kif għen lil Ġużeppi jirnexxi?

12 Aħseb f’dak kollu li ġara fil-ħajja taʼ Ġużeppi. Min ġiegħel lil Potifar jagħti kas taʼ Ġużeppi iktar minn skjavi oħrajn? Min ġiegħel lill-kap tal-ħabs jittratta lil Ġużeppi aħjar mill-oħrajn? Min ta l-Fargħun il-ħolm, u lil Ġużeppi l-abbiltà li jispjegah? Min immotiva lill-Fargħun biex jagħti lil Ġużeppi r-responsabbiltà li jieħu ħsieb l-ikel kollu fl-Eġittu? (Ġen. 45:5) Żgur li kien Ġeħova li għen lil Ġużeppi jkollu suċċess f’kollox. Minkejja li ħut Ġużeppi riedu joqtluh, Ġeħova uża s-sitwazzjoni biex jiġri dak li jrid hu.

ĠEĦOVA KIF JGĦIN LILEK?

13. Ġeħova jikkontrolla kull ħaġa li ngħaddu minnha? Spjega.

13 X’nitgħallmu mill-istorja taʼ Ġużeppi? Li Ġeħova ma jidħolx u ma jikkontrollax kull sitwazzjoni li ngħaddu minnha. Hu ma jdawwarx affarijiet ħżiena li jiġrulna biex naħsbu li ġraw għal raġunijiet tajbin. (Ekk. 8:9; 9:11) Imma aħna nafu li meta ngħaddu minn prova, Ġeħova jkun jaf biha u jismagħna meta nitolbuh għall-għajnuna. (Salm 34:15; 55:22; Is. 59:1) Iżjed minn hekk, Ġeħova jistaʼ jgħinna nissaportu. Kif?

14. Ġeħova kif jgħinna fi żminijiet diffiċli?

14 Mod wieħed kif Ġeħova jgħinna hu billi jinkuraġġina eżatt meta jkollna bżonn. (2 Kor. 1:3, 4) Hekk ġralu ħu mit-Turkmenistan jismu Eziz. Hu ntbagħat il-ħabs għal sentejn minħabba r-reliġjon tiegħu. Hu jgħid: “Dakinhar li kien se jinstemaʼ l-każ, ħu wrieni Isaija 30:15. Hemmhekk jgħid: ‘Se tkunu setgħanin jekk ma tinkwetawx u jkollkom il-fiduċja.’ Dan il-vers għenni dejjem nibqaʼ kalm u nistrieħ fuq Ġeħova. Meta kont il-ħabs, vera sibtha t’għajnuna li naħseb fuq dan il-vers.” Tistaʼ taħseb f’xi żmien f’ħajtek meta Ġeħova għenek u inkuraġġiek meta l-iżjed kellek bżonn?

15-16. X’tistaʼ titgħallem mill-esperjenza taʼ Tori?

15 Ħafna drabi nindunaw li Ġeħova għenna nissaportu meta tgħaddi l-prova. Hekk ħassitha oħt jisimha Tori. It-tifel tagħha, Mason, dam sitt snin marid bil-cancer sakemm miet. Ovvjament, Tori kienet imdejqa ħafna. Hi qalet, “Bħala omm ma naħsibx li hemm sitwazzjoni iżjed diffiċli. Naħseb li l-ġenituri jaqblu miegħi li hu iżjed diffiċli li tara t-tfal tiegħek ibatu milli inti stess.”

16 Minkejja s-sitwazzjoni diffiċli ħafna li għaddiet minnha, Tori wara qagħdet taħseb fuq kif Ġeħova għenha tissaporti. Hi tgħid: “Meta naħseb f’dak iż-żmien nistaʼ nara li Ġeħova veru għenni. Pereżempju, anki meta Mason kien ikun wisq ma jiflaħx biex jara l-aħwa, huma xorta kienu jsuqu sagħtejn biex jiġu l-isptar. Dejjem kien ikun hemm xi ħadd fil-waiting room lest biex jgħinni. U l-aħwa tawna kulma kellna bżonn, anki fi żminijiet diffiċli.” Ġeħova ta lil Tori u lil Mason kulma kellhom bżonn biex jissaportu.—Ara l-kaxxa “ Ġeħova Tana Eżatt Dak li Kellna Bżonn.”

TINSIEX X’GĦAMEL ĠEĦOVA BIEX JGĦINEK

17-18. X’se jgħinna nindunaw u napprezzaw li Ġeħova jgħinna fi żminijiet diffiċli? (Salm 40:5)

17 Aqra Salm 40:5. Meta xi ħadd ikun irid jitlaʼ muntanja, il-mira tiegħu tkun li jitlaʼ sa fuq nett. Imma hu u tielaʼ jkun hemm ħafna postijiet fejn jistaʼ jieqaf u jara l-veduta. B’mod simili, ħu l-ħin b’mod regolari biex tieqaf u taħseb kif Ġeħova qiegħed jgħinek anki meta tkun għaddej mill-provi. Kuljum saqsi lilek innifsek: ‘Ġeħova kif berikni llum? Minkejja li għad għandi l-problema, Ġeħova kif qed jgħinni nissaporti?’ Ara tistax issib minn tal-inqas ħaġa waħda fejn Ġeħova għenek.

18 Żgur li bħalissa qiegħed titlob biex il-prova li għaddej minnha tgħaddi. Dan ma fih xejn ħażin. (Flp. 4:6) Imma tajjeb li tkun konxju tal-barkiet li qed jagħtik Ġeħova issa. Wara kollox Ġeħova jwegħedna li se jagħtina s-saħħa u l-għajnuna biex nissaportu. Mela dejjem apprezza l-għajnuna taʼ Ġeħova. Imbagħad se tkun tistaʼ tara li fi żminijiet diffiċli Ġeħova se jgħinek tirnexxi bħalma għamel ma’ Ġużeppi.—Ġen. 41:51, 52.

GĦANJA 32 Żomm int ma’ Ġeħova!

a Meta nkunu għaddejjin minn provi diffiċli forsi naħsbu li Ġeħova mhux qed jgħinna. Aħna forsi naħsbu li nistgħu nirnexxu biss meta tgħaddi l-problema. Imma dak li ġara fil-ħajja taʼ Ġużeppi jgħallimna xi ħaġa importanti. Ġeħova jistaʼ jgħinna nirnexxu anki meta nkunu għaddejjin mill-problemi. Dan l-artiklu se jispjega kif.

b Il-Bibbja ssemmi dak li għadda minnu Ġużeppi fi ftit versi imma jistaʼ jkun li ġara matul xi snin.