Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 6

X’Nistgħu Nitgħallmu Dwar Alla mill-Kelma Tiegħu?

X’Nistgħu Nitgħallmu Dwar Alla mill-Kelma Tiegħu?

“Ikteb fi ktieb dak kollu li se ngħidlek.” —ĠER. 30:2.

GĦANJA 96 Il-ktieb t’Alla stess—Teżor

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Għala tapprezza li għandek il-Bibbja?

 KEMM nirringrazzjaw lil Alla Ġeħova li tana l-Bibbja! Fiha hu tana pariri tajbin li jistgħu jgħinuna nkunu nafu x’għandna nagħmlu meta jkollna l-problemi. Hu jtina wkoll tama mill-isbaħ għall-futur. Imma iżjed importanti minn hekk, Ġeħova juża l-Kelma tiegħu biex jgħallimna dwar il-personalità tiegħu. Meta naħsbu dwar il-kwalitajiet sbieħ tiegħu, se nkunu vera nixtiequ nsiru ħbieb kbar tiegħu.—Salm 25:14.

2. Ġeħova b’liema modi wriena min hu?

2 Ġeħova jixtieq li n-nies isiru jafuh. Fil-passat, hu uża l-ħolm, il-viżjonijiet, u l-anġli biex iwassal il-messaġġ tiegħu. (Num. 12:6; Atti 10:3, 4) Kieku dawn il-viżjonijiet, il-ħolm, u l-messaġġi mingħand l-anġli ma ġewx miktubin, ma konniex nistgħu nistudjawhom. Għalhekk Ġeħova qal lil xi rġiel biex ‘jiktbu fi ktieb’ dak li hu riedna nkunu nafu. (Ġer. 30:2) Aħna nistgħu nkunu ċerti li l-mod kif Ġeħova jkellimna hu tajjeb ħafna u se jgħinna, għax “it-triq tal-Alla l-veru hi perfetta.”—Salm 18:30.

3. Ġeħova kif għamel ċert li jkollna l-Bibbja llum? (Isaija 40:8)

3 Aqra Isaija 40:8. Għal eluf taʼ snin, il-Kelma t’Alla għenet lil ħafna rġiel u nisa leali. Kif? Din mistoqsija tajba għax il-Bibbja nkitbet ħafna żmien ilu fuq materjal li maż-żmien jispiċċa. Allura llum ma jeżisti l-ebda skroll oriġinali. Imma Ġeħova għamel ċert li xi nies jagħmlu kopji tal-Bibbja. Minkejja li dawn in-nies kienu imperfetti, huma qagħdu attenti ħafna. Pereżempju dwar l-Iskrittura Ebrajka, studjuż qal: “Aħna ċerti li l-ebda ktieb antik ieħor ma ġie kkopjat daqshekk bl-eżatt.” Mela avolja l-Bibbja nkitbet ħafna żmien ilu fuq materjal li jispiċċa u n-nies li kkopjawha kienu imperfetti, aħna ċerti li dak li naqraw fiha llum hu l-ħsieb tal-Awtur tagħha, Ġeħova.

4. X’se niddiskutu f’dan l-artiklu?

4 Ġeħova jtina “kull għotja tajba u kull rigal perfett.” (Ġak. 1:17) Il-Bibbja hi waħda mill-isbaħ rigali li tana Ġeħova. Meta xi ħadd itina rigal, juri kemm jafna u x’għandna bżonn. U l-istess Ġeħova. Meta nistudjaw il-Bibbja se nitgħallmu ħafna dwaru. Nitgħallmu kemm jafna sew u jaf eżatt x’għandna bżonn. F’dan l-artiklu se niddiskutu x’tgħid il-Bibbja dwar tliet kwalitajiet taʼ Ġeħova: l-għerf, il-ġustizzja u l-imħabba. L-ewwel se niddiskutu x’tgħid il-Bibbja dwar l-għerf t’Alla.

IL-BIBBJA TURI L-GĦERF T’ALLA

5. Il-Bibbja b’liema mod turi l-għerf t’Alla?

5 Ġeħova jaf li għandna bżonn il-pariri tajbin tiegħu. U r-rigal li tana, il-Bibbja, hi mimlija bihom. Il-pariri tal-Bibbja jeffettwaw lin-nies b’mod tajjeb u jbiddlu l-ħajjiet. Meta Mosè kiteb l-ewwel kotba tal-Bibbja, hu qal lin-nies t’Alla: “Dan mhux kliem vojt, imma jfisser ħajjitkom.” (Dt. 32:47) Dawk li obdew il-Bibbja setgħu jgħixu ħajja ferħana. (Salm 1:2, 3) Minkejja li l-Kelma t’Alla nkitbet ħafna żmien ilu, għad għandha l-qawwa li tbiddel il-ħajja tan-nies. Pereżempju, fis-serje “Il-Bibbja tbiddel il-ħajjiet” fuq jw.org, tistaʼ ssib ħafna eżempji taʼ nies li biddlu ħajjithom għax ħallew il-Bibbja taffettwahom.—1 Tess. 2:13.

6. Għala nistgħu ngħidu li m’hemmx ktieb ieħor bħall-Bibbja?

6 Ma jeżisti l-ebda ktieb bħall-Kelma t’Alla. Għala? Għax fil-Bibbja naraw li Ġeħova hu Alla li jistaʼ kollox, se jibqaʼ għal dejjem, u hu l-iktar persuna li għandha għerf. Ħafna kotba oħrajn jibqgħu jinqraw anki wara li l-kittieb imut. Imma l-pariri li jkun fihom dawn il-kotba ma jibqgħux t’għajnuna. Mill-banda l-oħra, il-prinċipji tajbin tal-Bibbja ma jispiċċaw qatt u għadhom qed jgħinu lin-nies sal-lum. Meta naqraw il-Bibbja u nimmeditaw fuq dak li nitgħallmu, Alla juża l-ispirtu qaddis biex jgħinna naraw kif nistgħu napplikaw il-pariri tal-Kelma tiegħu fil-ħajja tagħna. (Salm 119:27; Mal. 3:16; Ebr. 4:12) Ġeħova li tana l-Kelma tiegħu vera jixtieq jgħinna. Dan jimmotivana biex naqraw il-Bibbja b’mod regulari!

Il-Bibbja kif għenet il-poplu t’Alla jkun magħqud fil-passat u anki llum? (Ara paragrafi 7-8)

7. Fil-passat, il-Bibbja kif għenet lin-nies t’Alla biex ikunu magħqudin?

7 Hemm xi ħaġ’oħra li turina li fil-Bibbja hemm l-għerf taʼ Ġeħova. Il-Bibbja tgħin lill-poplu t’Alla biex ikun magħqud. Meta l-Iżraelin daħlu fl-Art Imwiegħda, huma bdew jgħixu f’postijiet differenti. Kien hemm min sar sajjied, min beda jrabbi l-annimali, u min beda jkabbar il-frott u l-ħaxix. Kien faċli għal Iżraelin li kienu jgħixu f’post biex ma jibqgħux jaħsbu fuq dak li kellhom bżonn Iżraelin li kienu jgħixu f’post ieħor. Imma Ġeħova rranġa biex l-Iżraelin jiltaqgħu flimkien f’diversi okkażjonijiet biex jisimgħu l-Kelma tiegħu tinqara u tiġi spjegata. (Dt. 31:10-13; Neħ. 8:2, 8, 18) Immaġina kif ħassu Iżraeli meta jasal Ġerusalemm u jara miljuni taʼ qaddejja leali oħra minn kull parti tal-pajjiż! B’dan il-mod, Ġeħova għenhom biex jibqgħu magħqudin. Iktar tard, il-Kristjani kienu jitkellmu lingwi differenti. Uħud kienu nies importanti, u oħrajn le. Min kien sinjur u min kien fqir. Imma minħabba li kienu jħobbu l-Iskrittura, huma kienu jaqdu lill-Alla l-veru flimkien. Dawk li bdew jemmnu setgħu jifhmu l-Kelma t’Alla biss bl-għajnuna taʼ Kristjani oħrajn u billi jiltaqgħu flimkien.—Atti 2:42; 8:30, 31.

8. Il-Bibbja kif tgħin lin-nies taʼ Ġeħova jkunu magħqudin illum?

8 Alla Ġeħova juri l-għerf tiegħu billi jkompli jgħallem u jżomm lin-nies tiegħu magħqudin permezz tal-Bibbja. Fil-Bibbja nsibu l-veritajiet kollha li għandna bżonn inkunu nafu dwar Ġeħova. Aħna b’mod regolari niltaqgħu flimkien fil-laqgħat, fl-assembleat, u fil-konvenzjonijiet biex nisimgħu l-Kelma t’Alla tinqara u tiġi spjegata. Għalhekk, il-Bibbja hija għodda importanti ħafna li Ġeħova juża biex jgħin lin-nies tiegħu “jaqduh spalla maʼ spalla.”—Sof. 3:9.

9. Liema kwalità għandna bżonn biex nifhmu l-Bibbja? (Luqa 10:21)

9 Aħseb dwar xi ħaġ’oħra li turi l-għerf taʼ Ġeħova. Hu għamel ċert li ħafna partijiet mill-Bibbja jinkitbu b’mod li jifhmuhom biss dawk li huma umli. (Aqra Luqa 10:21.) Nies minn mad-dinja kollha jaqraw il-Bibbja. Studjuż qal li l-Bibbja “hija l-iktar ktieb li nqara u dawk li qrawha taw iżjed kas milli meta qraw kotba oħrajn.” Imma dawk biss li huma umli jifhmu u japplikaw dak li tgħid il-Bibbja.—2 Kor. 3:15, 16.

10. X’inhu mod ieħor li l-Bibbja turi li fiha l-għerf taʼ Ġeħova?

10 Hemm mod ieħor kif nitgħallmu dwar l-għerf taʼ Ġeħova mill-Bibbja. Ġeħova mhux biss juża l-Bibbja biex jgħallem lin-nies tiegħu bħala grupp, imma anki biex jgħallem u jinkuraġġixxi lil kull wieħed u waħda minna. Meta naqraw il-Kelma t’Alla nistgħu naraw li hu interessat f’kull wieħed minna. (Is. 30:21) Ġieli kellek xi problema u meta qrajt il-Bibbja ħassejt li dak li qed taqra kien miktub għalik? Imma l-Bibbja nkitbet biex tgħin lil miljuni taʼ nies. Allura kif inhu possibbli li dak li hemm fil-Bibbja jkun dak li għandek bżonn? Għax fil-Bibbja nsibu l-ħsieb tal-iktar Persuna għarfa fl-univers.—2 Tim. 3:16, 17.

IL-BIBBJA TURI LI ALLA HU ĠUST

11. Il-mod kif inkitbet il-Bibbja kif wera li Alla ma jurix preferenzi?

11 Il-ġustizzja hi kwalità oħra li għandu Ġeħova. (Dt. 32:4) Xi ħadd li jkun ġust, ħafna drabi ma jurix preferenzi, u Ġeħova hekk hu. (Atti 10:34, 35; Rum. 2:11) Dan nistgħu narawh għax il-Bibbja nkitbet bil-lingwi li ħafna nies kienu jitkellmu dak iż-żmien. L-ewwel 39 ktieb tal-Bibbja kienu kważi kollha miktubin bl-Ebrajk, li kienet l-iktar lingwa li kienu jifhmu n-nies t’Alla. Imma fi żmien il-Kristjani tal-bidu, il-biċċa l-kbira tan-nies kienu jitkellmu bil-Grieg. Allura, l-aħħar 27 ktieb tal-Bibbja ġew miktubin kważi kollha bil-Grieg. Ġeħova ma ddeċidiex li l-Bibbja tinkiteb b’lingwa waħda biss. Illum fid-dinja kważi jgħixu tmien biljun persuna u jitkellmu ħafna lingwi differenti. Dawn in-nies kollha kif jistgħu jitgħallmu dwar Ġeħova?

12. Danjel 12:4 b’liema mod qed jitwettaq illum?

12 Ġeħova uża lill-profeta Danjel biex iwiegħed li fl-aħħar jiem, “l-għarfien veru” li nsibu fil-Bibbja se “jkun abbundanti.” Ħafna nies kienu se jifhmuh. (Aqra Danjel 12:4.) Minħabba li l-Bibbja u letteratura bbażata fuqha ġew tradotti, ipprintjati, u mqassmin, ħafna nies bdew jifhmu l-Bibbja. Hi l-iżjed ktieb li ġie tradott f’lingwi u mqassam madwar id-dinja. Xi traduzzjonijiet tal-Bibbja li jagħmlu xi kumpaniji, kultant ikunu għoljin ħafna biex tixtrihom. Ix-Xhieda taʼ Ġeħova s’issa ttraduċew il-Kelma t’Alla sħiħa jew partijiet minnha f’iżjed minn 240 lingwa, u kulħadd jistaʼ jkollu Bibbja mingħajr ma jħallas għaliha. B’hekk, nies mid-dinja kollha qed jitgħallmu “l-aħbar tajba tas-Saltna” qabel jiġi t-tmiem. (Mt. 24:14) Minħabba li Alla hu ġust u jħobbna ħafna, hu jrid jagħti lil kemm jistaʼ jkun nies iċ-ċans li jsiru jafuh permezz tal-Bibbja.

IL-BIBBJA TURI LI ALLA JĦOBBNA

13. Il-Bibbja kif turi li Ġeħova jħobbna? (Ġwanni 21:25)

13 Il-Bibbja turina li l-ikbar kwalità taʼ Ġeħova hi l-imħabba. (1 Ġw. 4:8) Aħseb dwar dak li qalilna Ġeħova fil-Kelma tiegħu u dwar dak li ma qalilniex. Hu tana dak li għandna bżonn biex insiru l-ħbieb tiegħu, ngħixu ħajja ferħana, u jkollna l-ħajja taʼ dejjem. Imma peress li Ġeħova jħobbna ma taniex informazzjoni żejda li m’għandniex bżonn biex naqduh.—Aqra Ġwanni 21:25.

14. X’hemm iżjed fil-Bibbja li juri li Alla jħobbna?

14 Ġeħova juri li jħobbna anki bil-mod kif jikkomunika magħna. Hu ma taniex lista twila taʼ regoli fil-Bibbja biex jgħidilna eżatt x’għandna nagħmlu u ma nagħmlux f’ħajjitna. Minflok, hu jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin billi juża rakkonti taʼ nies li għexu fil-passat, profeziji, u pariri tajbin. B’dawn il-modi l-Bibbja timmotivana biex inħobbu u nobdu lil Ġeħova b’qalbna kollha.

Għala għandna nimmeditaw fuq kif Ġeħova ttratta lill-qaddejja tiegħu fil-passat? (Ara paragrafu 15)

15. (a) Il-Bibbja kif turi li Ġeħova jimpurtah minna? (b) Fl-istampa, it-tifla, iż-żagħżugħ, u l-oħt anzjana fuq liema karattri tal-Bibbja qed jimmeditaw? (Ġen. 39:1, 10-12; 2 Slat. 5:1-3; Lq. 2:25-38)

15 Il-Bibbja turina li Ġeħova jimpurtah ħafna minna. B’liema mod? Il-Bibbja fiha ħafna rakkonti taʼ nies li kellhom “sentimenti bħal tagħna.” (Ġak. 5:17) Iżjed minn hekk, meta naqraw kif Ġeħova tratta man-nies, nistgħu naraw b’mod ċar li “Ġeħova juri affezzjoni b’tenerezza kbira u hu mimli ħniena.”—Ġak. 5:11.

16. Meta fil-Bibbja naqraw dwar uħud li żbaljaw, x’nitgħallmu dwar Ġeħova? (Isaija 55:7)

16 Il-Bibbja turina mod ieħor kif Ġeħova juri li jħobbna. Tgħidilna li meta nagħmlu xi żball, Ġeħova mhux se jabbandunana. L-Iżraelin dinbu kontra Ġeħova għal darba wara l-oħra. Imma meta huma vera ddispjaċiehom, hu ħafrilhom. (Aqra Isaija 55:7.) Il-Kristjani tal-bidu wkoll kienu jafu li Alla jħobbhom ħafna. Meta raġel kien qed jagħmel dnub serju imma mbagħad iddispjaċieh, l-appostlu Pawlu inkuraġġixxa lill-Kristjani biex jaħfrulu u jinkuraġġuh. (2 Kor. 2:6, 7; 1 Kor. 5:1-5) Kemm hi xi ħaġa sabiħa li meta l-qaddejja tiegħu jiżbaljaw, Ġeħova jaċċettahom lura! Hu bi mħabba jgħinhom, jinkuraġġihom, u jistidinhom biex jerġgħu jkunu l-ħbieb tiegħu. Ġeħova jwegħedna li jagħmel hekk maʼ dawk kollha li jiżbaljaw u jiddispjaċihom għal dak li jagħmlu.—Ġak. 4:8-10.

APPREZZA L-BIBBJA BĦALA “RIGAL PERFETT”

17. Il-Bibbja għala hi rigal speċjali?

17 Ġeħova tana rigal sabiħ. Il-Bibbja għala hi daqshekk speċjali? Mill-Bibbja tgħallimna li Alla hu għaref, ġust, u jħobbna ħafna. Tgħallimna wkoll li hu jridna nsiru nafuh u nkunu l-ħbieb tiegħu.

18. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-Bibbja?

18 Aħna ma rridux ninsew li l-Kelma t’Alla hi rigal speċjali. (Ġak. 1:17) Għalhekk, ejja nkomplu nuru l-apprezzament tagħna għall-Bibbja. Nistgħu nagħmlu dan billi naqrawha u nimmeditaw fuqha. Meta nagħmlu hekk nistgħu nkunu ċerti li l-Awtur tagħha se jbierek l-isforzi tagħna, u se ‘nsibu l-għarfien t’Alla.’—Prov. 2:5.

GĦANJA 98 L-Iskrittura—Imnebbħa minn Alla

a Il-Bibbja tgħinna nersqu qrib taʼ Ġeħova. Dan il-ktieb x’jgħallimna dwar l-għerf, il-ġustizzja, u l-imħabba t’Alla? Dak li se nitgħallmu se jgħinna napprezzaw iżjed il-Bibbja u nifhmu li hi rigal mingħand Missierna tas-sema.