Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 9

Apprezza l-Ħajja li Tak Alla

Apprezza l-Ħajja li Tak Alla

“Bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.”—ATTI 17:28.

GĦANJA 141 Il-miraklu tal-ħajja

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Għal Ġeħova kemm hi importanti ħajjitna?

 IMMAĠINA li ħabib tiegħek tak pittura antika ħafna li tiswa ħafna flus. Il-kuluri tagħha ċċaraw u għandha xi tbajjaʼ. Minkejja dan, il-pittura tiswa miljuni t’ewro. Bla dubju, int se tapprezzaha u tieħu ħsiebha. B’mod simili, Ġeħova tana rigal prezzjuż ħafna, il-ħajja. Fil-fatt, Ġeħova wriena kemm hi importanti l-ħajja tagħna għalih billi bagħat lil ibnu biex imut għalina.—Ġw. 3:16.

2. Kif naraw fit-2 Korintin 7:1, Ġeħova x’jistenna minna?

2 Ġeħova hu l-Wieħed li jagħti l-ħajja. (Salm 36:9) L-appostlu Pawlu wkoll kien jemmen dan, u qal: “Bih ngħixu u niċċaqalqu u neżistu.” (Atti 17:25, 28) Għalhekk, nistgħu ngħidu li l-ħajja hi rigal mingħand Alla. Bi mħabba hu jipprovdilna dak li għandna bżonn biex nibqgħu ħajjin. (Atti 14:15-17) Imma bħalissa Ġeħova mhux qed jagħmel mirakli biex iżommna ħajjin. Minflok, hu jridna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nibqgħu b’saħħitna u nkomplu naqduh. (Aqra t-2 Korintin 7:1.) Għala għandna nipproteġu saħħitna u ħajjitna, u kif nistgħu nagħmlu dan?

APPREZZA L-ĦAJJA

3. X’inhi raġuni waħda għala nipprovaw nibqgħu b’saħħitna?

3 Raġuni waħda għala għandna nipprovaw nibqgħu b’saħħitna hi biex inkunu nistgħu nkomplu naqdu lil Ġeħova bl-aħjar mod. (Mk. 12:30) Aħna nixtiequ li nippreżentaw ‘ġisimna bħala sagrifiċċju ħaj, qaddis, u aċċettabbli għal Alla,’ u għalhekk ma nagħmlux affarijiet li jistgħu jagħmlu ħsara lil saħħitna. (Rum. 12:1) Bla dubju, nagħmlu x’nagħmlu, ma nistgħux inkunu ċerti li mhux ħa nimirdu. Imma nagħmlu kulma nistgħu biex nibqgħu b’saħħitna għax irridu nuru lil Missierna tas-sema li aħna napprezzaw il-ħajja.

4. Ir-Re David x’ried jagħmel?

4 Ir-Re David spjega għala apprezza l-ħajja li tah Alla meta kiteb: “X’vantaġġ hemm jekk immut u ninżel fil-ħofra? Se jfaħħrek it-trab? Se jitkellem dwar il-lealtà tiegħek?” (Salm 30:9) David jaf kiteb dan il-kliem lejn l-aħħar taʼ ħajtu. Imma hu kien determinat li jibqaʼ b’saħħtu u ħaj sakemm ikun possibbli biex ikun jistaʼ jkompli jaqdi lil Ġeħova. Bla dubju, aħna wkoll nixtiequ nagħmlu hekk.

5. X’nistgħu nagħmlu minkejja li aħna kbar fl-età jew morda?

5 Jekk inkunu morda jew kbar fl-età, x’aktarx li mhux se nkunu nistgħu nagħmlu l-affarijiet li konna nagħmlu qabel. Minħabba f’hekk, forsi nħossuna frustrati u mdejqin. Imma aħna xorta rridu nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nieħdu ħsieb saħħitna. Għala? Għax sew jekk aħna kbar fl-età u sew jekk aħna morda, aħna xorta nistgħu nfaħħru lil Ġeħova, bħalma għamel ir-Re David. Kemm jinkuraġġina li nafu li għal Ġeħova aħna prezzjużi anki meta nkunu morda jew kbar fl-età! (Mt. 10:29-31) Anki jekk immutu, hu jkun jixtieq ħafna li jirxoxtana. (Ġob 14:14, 15) Waqt li għadna ħajjin irridu nagħmlu dak li nistgħu biex nipproteġu saħħitna u ħajjitna.

EVITA AFFARIJIET LI JAGĦMLULEK IL-ĦSARA

6. Ġeħova x’jistenna minna meta niġu biex nieklu u nixorbu?

6 Għalkemm il-Bibbja mhix xi ktieb dwar kif tieħu ħsieb saħħtek jew x’għandek tiekol, tgħidilna x’jaħseb Ġeħova dwar dawn l-affarijiet. Hu jinkuraġġina biex ‘inbiegħdu l-għali minn ġisimna’ għax jagħmlilna l-ħsara. (Ekk. 11:10) Il-Bibbja tgħidilna biex ma niklux ikel żejjed u ma nixorbux ħafna alkoħol. Dawn l-affarijiet jistgħu jagħmlulna l-ħsara u anki joqtluna. (Prov. 23:20) Ġeħova jistenna li aħna nkunu bbilanċjati meta nieklu u nixorbu.—1 Kor. 6:12; 9:25.

7. Il-parir li nsibu fi Proverbji 2:11 kif jgħinna nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar saħħitna?

7 Aħna nuru li napprezzaw ir-rigal li tana Ġeħova billi nużaw l-abbiltà li naħsbu. (Salm 119:99, 100; aqra Proverbji 2:11.) Pereżempju, aħna naħsbu sew dwar dak li nieklu. Jekk ikun jogħġobna xi ikel imma nafu li jagħmlilna l-ħsara, jagħmel sens li ma nikluhx. Aħna nuru wkoll li nużaw l-abbiltà li naħsbu meta norqdu biżżejjed, nagħmlu eżerċizzju b’mod regulari, u nżommu lilna nfusna u d-dar tagħna nodfa.

EVITA L-INĊIDENTI

8. Kemm hu importanti għal Ġeħova li nevitaw l-inċidenti?

8 Ġeħova ta liġijiet lill-Iżraelin biex jgħinhom jipproteġu ruħhom mill-inċidenti fid-dar u fuq ix-xogħol. (Eżo. 21:28, 29; Dt. 22:8) Jekk xi ħadd ikun qatel lil xi ħadd ieħor bi żball, hu kellu jbati konsegwenzi serji. (Dt. 19:4, 5) Il-Liġi kienet tgħid li anki dawk li bi żball iweġġgħu tarbija li għadha ma twilditx għandhom jiġu kkastigati. (Eżo. 21:22, 23) L-Iskrittura turina b’mod ċar li Ġeħova jridna nagħmlu dak kollu li nistgħu biex nevitaw l-inċidenti.

F’dawn is-sitwazzjonijiet kif nistgħu nuru li nirrispettaw il-ħajja? (Ara paragrafu 9)

9. X’nistgħu nagħmlu biex nevitaw l-inċidenti? (Ara l-istampi.)

9 Aħna nuru li napprezzaw il-ħajja billi noqogħdu attenti li ma nweġġgħux meta nkunu d-dar u x-xogħol. Pereżempju, jekk ikollna bżonn narmu xi affarijiet li jaqtgħu, kimiki, jew mediċina, għandna narmuhom b’mod li ma jagħmlux ħsara lil oħrajn u nkunu ċerti li ma nħallux dawn l-affarijiet fejn isibuhom it-tfal. Aħna noqogħdu attenti meta nqabbdu xi ħaġa bin-nar, nużaw il-misħun u għodda tad-dawl. Meta nkunu qed nużawhom m’għandniex inħalluhom weħidhom. Aħna ma nsuqux wara li nieħdu xi mediċina li traqqadna, jekk inkunu xrobna l-alkoħol, u jekk inkunu għajjenin. U ma nużawx il-mobile waqt li nkunu qed insuqu.

META JINQALAʼ XI DIŻASTRU

10. Kif nistgħu nkunu preparati meta jinqalgħu affarijiet li m’għandniex kontroll fuqhom?

10 Kultant jistgħu jinqalgħu affarijiet li ma jkollniex kontroll fuqhom, bħal pereżempju diżastri naturali, pandemiji, u ġlied. Però meta jiġru, aħna nistgħu nipprovaw noqogħdu attenti u nevitaw il-periklu billi nobdu d-direzzjonijiet tal-gvern, bħal li nitilqu minn fejn inkunu. (Rum. 13:1, 5-7) Xi kultant nistgħu nippreparaw minn qabel għal xi emerġenza. Għalhekk meta l-gvern jagħti xi direzzjonijiet t’għajnuna minn qabel, għandna nobduhom. Pereżempju, ikun tajjeb li jkollok xi ilma u ikel li ma jiskadix malajr u xi affarijiet tal-first-aid.

11. Jekk fejn ngħixu jkun hemm marda li tittieħed, x’għandna nagħmlu?

11 Xi rridu nagħmlu jekk fejn ngħixu jkun hemm marda li tittieħed? Aħna rridu nobdu d-direzzjonijiet tal-gvern, bħal li naħslu jdejna spiss, inżommu d-distanza, nilbsu l-maskla, u nagħmlu kwarantina. Meta nagħmlu dawn l-affarijiet inkunu qed nuru kemm napprezzaw il-ħajja li tana Ġeħova.

12. Proverbji 14:15 kif jistaʼ jgħinna nkunu nafu liema informazzjoni għandna nemmnu?

12 Waqt emerġenza xi kultant nisimgħu affarijiet mingħand il-ħbieb, in-nies, jew fl-aħbarijiet li ma jkunux vera. Minflok ma nemmnu ‘kull kelma li nisimgħu,’ irridu noqogħdu attenti għal dak li jgħidu t-tobba u l-gvern. (Aqra Proverbji 14:15.) Il-Ġemgħa li Tiggverna u l-uffiċċji tal-fergħa jagħmlu dak kollu li jistgħu biex ikollhom informazzjoni eżatta qabel jagħtuna direzzjoni dwar il-laqgħat u l-ministeru. (Ebr. 13:17) Meta nobdu din id-direzzjoni, aħna nipproteġu lilna nfusna u lil oħrajn. B’hekk nistgħu wkoll nagħtu xhieda tajba.—1 Pt. 2:12.

KUN LEST LI MA TIĦUX DEMM

13. X’inhu mod ieħor kif nuru li napprezzaw il-ħajja li tana Ġeħova?

13 Ħafna nies jafu li x-Xhieda taʼ Ġeħova ma jiħdux demm. Dan għax nemmnu li d-demm hu qaddis. Aħna nobdu l-liġi taʼ Ġeħova u ma naċċettawx li nieħdu demm, anki meta tinqalaʼ emerġenza. (Atti 15:28, 29) Imma dan ma jfissirx li aħna rridu mmutu. Anzi, aħna nħobbu l-ħajja li tana Alla. Aħna nfittxu l-għajnuna taʼ professuri li huma lesti li jgħinuna b’modi mingħajr ma jużaw id-demm.

14. Kif nistgħu nevitaw li jkollna bżonn xi kura jew operazzjoni taʼ malajr?

14 Jekk nieħdu ħsieb saħħitna billi nagħmlu l-affarijiet li semmejna f’dan l-artiklu, forsi mhux se jkollna bżonn nagħmlu operazzjoni jew nieħdu xi kura oħra. Jekk nieħdu ħsieb saħħitna se jgħaddilna iktar malajr meta nagħmlu xi operazzjoni. U meta nżommu d-dar u l-post fejn naħdmu bla periklu u nobdu l-liġijiet tat-traffiku, se nevitaw li jkollna bżonn nagħmlu xi operazzjoni taʼ malajr.

Minħabba li l-ħajja hi importanti għalina, aħna nimlew id-Direttiva Medika bil-Quddiem u nġorruha magħna (Ara paragrafu 15) c

15. (a) Għala hu importanti li fuqna dejjem ikollna d-Direttiva Medika bil-Quddiem? (Ara l-istampa.) (b) Kif naraw fil-vidjow, kif nistgħu nieħdu deċiżjonijiet tajbin dwar id-demm?

15 Minħabba li aħna napprezzaw il-ħajja, nimlew id-Direttiva Medika bil-Quddiem (il-karta tad-demm) u nżommuha fuqna l-ħin kollu. Fuq dan id-dokument, aħna nniżżlu x’inhi l-għażla tagħna dwar it-trasfużjonijiet tad-demm u xi tipi taʼ kura. Għandek bżonn terġaʼ timla d-Direttiva Medika bil-Quddiem? Jekk m’għandekx waħda jew trid tirranġa li għandek, agħmilha mill-ewwel. Bla dubju, meta niktbu x’inhuma x-xewqat tagħna, mhux se ndumu biex nirċievu l-għajnuna mingħand it-tobba. U se ngħinu wkoll lit-tobba u n-nurses biex ma jagħtuniex mediċina li ma taqbilx magħna. b

16. X’nistgħu nagħmlu jekk ma nafux nimlew id-Direttiva Medika bil-Quddiem?

16 L-inċidenti u l-mard jiġu fuq kulħadd, anki fuq dawk li huma żgħar u b’saħħithom. (Ekk. 9:11) Għalhekk, hu importanti li fuqek ikollok id-Direttiva Medika bil-Quddiem. Jekk ma tafx kif timla dan id-dokument, staqsi lill-anzjani biex jgħinuk. Huma jagħmlu ċert li jkunu jafu kif jimlew id-dokument, imma mhux se jieħdu deċiżjonijiet għalik. Din hi responsabbiltà tiegħek. (Gal. 6:4, 5) Imma huma jistgħu jgħinuk tifhem l-għażliet li għandek u timla d-dokument.

KUN RAĠONEVOLI

17. Kif nistgħu nuru li aħna raġonevoli fejn tidħol is-saħħa?

17 Ħafna mid-deċiżjonijiet li nieħdu dwar is-saħħa u l-kura medika huma bbażati fuq dak li tgħallimna mill-Bibbja. (Atti 24:16; 1 Tim. 3:9) Meta nieħdu deċiżjonijiet u nitkellmu dwarhom m’oħrajn, irridu niftakru x’jgħid Filippin 4:5: “Ħa jkun jaf kulħadd kemm intom raġunevoli.” Meta nkunu raġonevoli mhux se ninkwetaw iżżejjed dwar saħħitna, u mhux se nġiegħlu lil oħrajn jaħsbuha bħalna. Anki jekk id-deċiżjonijiet li jieħdu ħutna jkunu differenti minn tagħna, aħna nirrispettawhom u nħobbuhom.—Rum. 14:10-12.

18. Kif nistgħu nuru li napprezzaw il-ħajja?

18 Aħna nuru l-apprezzament tagħna lejn Ġeħova, il-Wieħed li tana l-ħajja, billi nipproteġu ħajjitna u nagħtuh l-aħjar li nistgħu. (Riv. 4:11) Għalissa, irridu nkampaw mal-mard u problemi oħrajn. Imma l-Ħallieq tagħna ma xtaqx li ngħixu din il-ħajja. Dalwaqt hu se jagħtina ħajja taʼ dejjem mingħajr tbatija u mewt. (Riv. 21:4) Sa ma jasal dak iż-żmien, kemm hu sabiħ li ngawdu l-ħajja u naqdu lil Missierna tas-sema, Ġeħova!

GĦANJA 140 Ħajja bla tmiem—X’serħan!

a Dan l-artiklu se jgħinna napprezzaw iktar il-ħajja li tana Alla. Se naraw x’nistgħu nagħmlu biex nipproteġu saħħitna u ħajjitna meta jiġri xi diżastru u x’nistgħu nagħmlu biex nevitaw l-inċidenti. Se naraw ukoll xi rridu nagħmlu biex inkunu preparati f’każ li tinqalaʼ emerġenza medika.

c X’TGĦIDILNA L-ISTAMPA: Ħu żagħżugħ jimla d-Direttiva Medika bil-Quddiem u jagħmel ċert li jiħodha miegħu.