Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 35

Komplu Kunu Paċenzjużi

Komplu Kunu Paċenzjużi

“Kunu paċenzjużi.”—ĠAK. 5:7.

GĦANJA 114 “Kunu paċenzjużi”

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Għala tieħu pjaċir meta n-nies ikunu paċenzjużi?

 AĦNA nieħdu pjaċir meta n-nies ikunu paċenzjużi. Aħna nirrispettaw lil dawk li huma kapaċi jistennew għal xi ħaġa mingħajr ma taqbżilhom. Aħna napprezzawhom lil dawk li jkunu paċenzjużi magħna meta niżbaljaw. U napprezzaw ukoll li maʼ min studjajna l-Bibbja kien paċenzjuż magħna meta sibnieha diffiċli biex naċċettaw jew napplikaw xi pariri tal-Bibbja. U fuq kollox, kemm napprezzaw li Ġeħova hu paċenzjuż magħna!—Rum. 2:4.

2. Meta nistgħu nsibuha diffiċli biex inkunu paċenzjużi?

2 Għalkemm napprezzaw lil dawk li jkunu paċenzjużi, mhux dejjem ikun faċli għalina biex nuru din il-kwalità. Pereżempju, nistgħu nsibuha diffiċli biex nibqgħu kalmi meta neħlu fit-traffiku speċjalment meta nkunu mgħaġġlin. Nistgħu nibdew nirrabjaw meta oħrajn idejquna. U xi kultant, nistgħu nsibuha diffiċli biex nibqgħu nistennew id-dinja l-ġdida li wegħedna Ġeħova. Tixtieq tkun iktar paċenzjuż? F’dan l-artiklu se niddiskutu kif nistgħu nkunu paċenzjużi u għala hu importanti. Se naraw ukoll x’jistaʼ jgħinna biex inkunu iktar paċenzjużi.

X’JIĠIFIERI LI TKUN PAĊENZJUŻ?

3. Persuna paċenzjuża x’tagħmel meta oħrajn jirrabjawha?

3 Ejja naraw erbaʼ modi kif nistgħu nuru l-paċenzja. L-ewwel, persuna paċenzjuża ma tirrabjax malajr. Meta n-nies jittrattawha ħażin, hi tibqaʼ kalma u ma tpattix lura. U meta tkun stressjata, ma tittrattax lil oħrajn ħażin. Fil-Bibbja, l-ewwel darba li tidher din it-tip taʼ paċenzja hi meta Ġeħova qal: “Jien Ġeħova, Alla ħanin u qalbi tajba, ma nirrabjax malajr, nuri ħafna mħabba u lealtà, u dejjem inżomm kelmti.”—Eżo. 34:6.

4. Persuna paċenzjuża x’tagħmel meta jkollha bżonn tistenna?

4 It-tieni, persuna paċenzjuża tistenna bil-kalma. Meta tkun qed tistenna xi ħaġa u ddum iktar milli taħseb, tipprova ma tirritax ruħha. (Mt. 18:26, 27) Hemm ħafna sitwazzjonijiet fejn ikollna nistennew bil-kalma. Pereżempju, meta xi ħadd ikun qed jitkellem, bil-paċenzja rridu nisimgħuh mingħajr ma nwaqqfuh. (Ġob 36:2) Jaf ikollna bżonn il-paċenzja wkoll meta nkunu qed ngħinu student biex jifhem it-tagħlim tal-Bibbja jew biex jirnexxilu jegħleb vizzju.

5. X’inhu mod ieħor kif persuna turi li hi paċenzjuża?

5 It-tielet, persuna paċenzjuża ma taqbadx u tagħmel xi ħaġa mingħajr ma taħsibha. Vera li xi kultant ikollna naġixxu malajr. Imma meta persuna paċenzjuża jkollha tagħmel xi ħaġa importanti, ma tgħaġġilx biex tibdieha jew biex tlestiha. Minflok, tagħmel ċert li jkollha ħin biżżejjed biex tagħmel dak li għandha bżonn. Imbagħad tieħu l-ħin biex tagħmel ix-xogħol sew.

6. Persuna paċenzjuża kif taġixxi meta tiffaċċja l-problemi?

6 Ir-rabaʼ, persuna paċenzjuża tipprova tiffaċċja l-provi mingħajr ma tgerger. Dan jurina li l-paċenzja għandha x’taqsam maʼ li nissaportu. Bla dubju, ma fiha xejn ħażin li tiftaħ qalbek maʼ ħabib u tgħidlu kif tħossok dwar il-problema. Imma persuna paċenzjuża tagħmel dak li tistaʼ biex tibqaʼ pożittiva u tibqaʼ taqdi lil Ġeħova bil-ferħ. (Kol. 1:11) Ix-Xhieda taʼ Ġeħova għandhom ikunu paċenzjużi f’dawn is-sitwazzjonijiet kollha li ddiskutejna. Għala? Ejja naraw ftit raġunijiet.

IL-PAĊENZJA GĦALA HI IMPORTANTI ĦAFNA?

Il-bidwi bil-paċenzja jibqaʼ jistenna għax ikun konvint li dak li żeraʼ se jikber. Aħna wkoll, bil-paċenzja nibqgħu nistennew għax konvinti li Ġeħova se jwettaq il-wegħdi tiegħu eżatt fil-ħin (Ara paragrafu 7)

7. Skont Ġakbu 5:7, 8, il-paċenzja għala hi importanti ħafna? (Ara l-istampa.)

7 Biex ikollna l-ħajja taʼ dejjem irridu nkunu paċenzjużi. Bħall-qaddejja leali fil-passat, irridu nkunu paċenzjużi u nistennew lil Ġeħova biex iwettaq il-wegħdi tiegħu. (Ebr. 6:11, 12) Il-Bibbja tqabbel is-sitwazzjoni tagħna maʼ dik taʼ bidwi. (Aqra Ġakbu 5:7, 8.) Bidwi jaħdem iebes biex jiżraʼ u jsaqqi, imma hu ma jkunx jaf eżatt meta se jikbru l-ħxejjex. Għalhekk, bil-paċenzja jistenna għax konvint li dak li żeraʼ se jikber. Bl-istess mod, aħna nibqgħu naħdmu għal Ġeħova minkejja li ‘ma nafux meta se jiġi l-Mulej.’ (Mt. 24:42) Aħna nistennew bil-paċenzja wkoll għax nafu li Ġeħova se jwettaq il-wegħdi tiegħu fil-ħin eżatt. Jekk ma nkunux paċenzjużi, nistgħu negħjew nistennew u maż-żmien ma nibqgħux naqdu lil Ġeħova. Nistgħu nibdew ukoll niffokaw fuq affarijiet li naħsbu li se jagħmluna ferħanin bħalissa. Imma jekk inkunu paċenzjużi nistgħu nibqgħu nissaportu sal-aħħar u nsalvaw.—Mik. 7:7; Mt. 24:13.

8. Il-paċenzja kif tgħinna jkollna ħbiberija tajba m’oħrajn? (Kolossin 3:12, 13)

8 Biex ikollna ħbiberija tajba m’oħrajn irridu nkunu paċenzjużi. Dan jgħinna biex noqogħdu attenti meta oħrajn ikunu qed jitkellmu. (Ġak. 1:19) Il-paċenzja tgħinna wkoll biex inżommu l-paċi. Il-paċenzja tgħinna biex meta nkunu stressjati ma ngħidux xi ħaġa li biha nweġġgħu lil oħrajn. U meta nkunu paċenzjużi mhux se nirrabjaw mill-ewwel meta xi ħadd iweġġagħna. Minflok, aħna se ‘nkomplu nissaportu lil xulxin u naħfru lil xulxin mill-qalb.’—Aqra Kolossin 3:12, 13.

9. Il-paċenzja kif tgħinna meta nkunu rridu nieħdu xi deċiżjoni? (Proverbji 21:5)

9 Il-paċenzja tistaʼ tgħinna wkoll biex nieħdu deċiżjonijiet aħjar. Minflok ma ngħaġġlu, aħna nieħdu l-ħin biex naraw sew x’għażliet għandna u nagħżlu l-aħjar waħda. (Aqra Proverbji 21:5.) Pereżempju, jekk inkunu qed infittxu xogħol, forsi nkunu nixtiequ naċċettaw l-ewwel wieħed li nsibu, anki jekk se jtellfilna xi laqgħat u mill-ħin li nqattgħu fil-ministeru. Imma jekk inkunu paċenzjużi, aħna se naħsbu kemm se jiħdilna ħin biex naslu x-xogħol, kemm se jkollna naħdmu sigħat, u kif dan se jaffettwa l-familja tagħna u l-ħbiberija li għandna maʼ Ġeħova. Meta nkunu paċenzjużi se jkollna iktar ċans li nieħdu deċiżjonijiet tajbin.

KIF TISTAʼ TKUN IKTAR PAĊENZJUŻ?

10. Kristjan kif jistaʼ jkun iktar paċenzjuż?

10 Itlob biex tkun iktar paċenzjuż. Il-paċenzja hi waħda mill-kwalitajiet tal-frott tal-ispirtu. (Gal. 5:22, 23) Għalhekk, irridu nitolbu lil Ġeħova biex jagħtina l-ispirtu qaddis ħalli nuru din il-kwalità. Meta niffaċċjaw sitwazzjoni fejn ikollna nkunu paċenzjużi, aħna ‘nibqgħu nitolbu’ għall-ispirtu qaddis biex jgħinna. (Lq. 11:9, 13) Nistgħu nitolbu wkoll lil Ġeħova biex jgħinna naraw is-sitwazzjoni bħalma jaraha hu. Imbagħad wara li nitolbu, irridu nagħmlu l-aħjar tagħna biex inkunu paċenzjużi. Jekk nibqgħu nitolbu biex inkunu paċenzjużi u nagħmlu sforz biex nuru din il-kwalità, Ġeħova se jgħinna anki jekk m’aħniex persuna paċenzjuża.

11-12. Ġeħova kif wera l-paċenzja?

11 Immedita fuq eżempji mill-Bibbja. Fil-Bibbja nsibu ħafna eżempji taʼ wħud li kienu paċenzjużi. Meta nimmeditaw fuq l-eżempju tagħhom, nistgħu nitgħallmu modi kif nuru l-paċenzja. Qabel ma naraw xi ftit eżempji minnhom, ejja naraw l-eżempju taʼ Ġeħova, l-iktar wieħed li juri paċenzja.

12 Fil-ġnien tal-Għeden, Satana maqdar l-isem taʼ Ġeħova billi qal lil Eva li Ġeħova mhux ġust u li mhux vera jħobbhom. Kieku ried Ġeħova setaʼ qered lil Satana mill-ewwel. Imma minflok ikkontrolla lilu nnifsu u kien paċenzjuż, avolja kien se jieħu ż-żmien biex juri li l-mod kif hu jmexxi hu l-aħjar. U kemm ilu jistenna, hu ssaporta t-tmaqdir kollu fuq ismu. Barra minn hekk, Ġeħova baqaʼ jistenna bil-paċenzja biex iktar nies ikollhom l-opportunità li jgħixu għal dejjem. (2 Pt. 3:9, 15) U b’hekk, miljuni taʼ nies saru jafu dwaru. Jekk niffokaw fuq il-paċenzja li juri Ġeħova, x’aktarx se jkun iktar faċli għalina biex nistennewh jeqred il-ħażen li hawn.

Il-paċenzja tgħinna biex ma nirrabjawx malajr meta xi ħadd jittrattana ħażin (Ara paragrafu 13)

13. Ġesù kif wera li kien paċenzjuż bħal Missieru? (Ara l-istampa.)

13 Ġesù jimita eżatt lil Missieru, u meta kien fuq l-art, hu kien paċenzjuż. X’aktarx mhux dejjem kien faċli biex ikun paċenzjuż, speċjalment mal-iskribi u l-Fariżej, li kienu ipokriti. (Ġw. 8:25-27) Imma bħal Missieru, Ġesù ma kienx jirrabja malajr. Hu ma pattiex lura meta għajruh u pprovaw jargumentaw miegħu. (1 Pt. 2:23) Ġesù bil-paċenzja ssaporta l-provi u ma qagħadx igerger. Mela nistgħu nifhmu għala l-Bibbja tgħidilna biex ‘naħsbu sew dwar dak li ssaporta l-kliem ostili minn dawk li jidinbu.’ (Ebr. 12:2, 3) Bl-għajnuna taʼ Ġeħova, aħna wkoll nistgħu nissaportu kull prova li niffaċċjaw.

Jekk nimitaw il-paċenzja li kellu Abraham, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jippremjana issa u ħafna iktar fid-dinja l-ġdida (Ara paragrafu 14)

14. X’nistgħu nitgħallmu mill-paċenzja li wera Abraham? (Ebrej 6:15) (Ara l-istampa.)

14 Xi wħud minna forsi ilhom snin jistennew id-dinja l-ġdida. U issa forsi jinkwetaw li mhux ħa jilħquha. X’jistaʼ jgħinna nibqgħu nistennew bil-paċenzja? Aħseb dwar l-eżempju t’Abraham. Meta Abraham kellu 75 sena u kien għad ma kellux tfal, Ġeħova wiegħdu: “Nagħmlek ġens kbir.” (Ġen. 12:1-4) Abraham ra din il-wegħda titwettaq? Mhux kollha. Wara 25 sena li qasam ix-Xmara Ewfrat, Abraham ra lil ibnu Iżakk jitwieled. U wara li għaddew 60 sena oħra, ra lin-neputijiet tiegħu Għesaw u Ġakobb jitwieldu. (Aqra Ebrej 6:15.) Avolja Abraham qatt ma ra lid-dixxendenti tiegħu jsiru nazzjon kbir u jidħlu fl-Art Imwiegħda, hu kellu ħbiberija tajba mal-Ħallieq. (Ġak. 2:23) U meta Abraham jiġi rxoxtat, se jkun ferħan ħafna meta jsir jaf li minħabba l-fidi u l-paċenzja tiegħu bbenefikaw nies minn mad-dinja kollha. (Ġen. 22:18) X’nitgħallmu? Aħna wkoll forsi ma nilħqux naraw il-wegħdi kollha li wegħedna Ġeħova jitwettqu. Imma jekk inkunu paċenzjużi bħal Abraham, nistgħu nkunu ċerti li Ġeħova se jippremjana issa u ħafna iżjed fid-dinja l-ġdida.—Mk. 10:29, 30.

15. X’nistgħu nagħmlu bħala studju personali?

15 Fil-Bibbja nsibu ħafna eżempji oħrajn taʼ nies li kienu paċenzjużi. (Ġak. 5:10) Għax ma tagħmilx studju personali biex titgħallem iktar dwar dawn l-eżempji? b Pereżempju, għalkemm David kien għadu żagħżugħ meta ntgħażel biex ikun ir-re taʼ Iżrael, hu kellu jistenna ħafna snin biex jibda jmexxi. Simegħon u Anna baqgħu leali lejn Ġeħova waqt li kienu qed jistennew il-Messija mwiegħed. (Lq. 2:25, 36-38) Waqt li tkun qed tistudja rakkonti bħal dawn, fittex it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li ġejjin: X’għen lil din il-persuna tkun paċenzjuża? Kif ibbenefikat għax kienet paċenzjuża? Kif nistaʼ nimitaha? Tistaʼ titgħallem ukoll minn dawk li ma baqgħux paċenzjużi. (1 Sam. 13:8-14) Forsi tistaqsi: ‘Għala ma kinux paċenzjużi? Xi ġralhom għax ma kinux paċenzjużi?’

16. X’affarijiet ingawdu meta nkunu paċenzjużi?

16 Aħseb dwar l-affarijiet li tgawdi meta tkun paċenzjuż. Meta nkunu paċenzjużi, inkunu iktar ferħanin u kalmi. Il-paċenzja tistaʼ ttejjeb is-saħħa fiżika u mentali tagħna. Meta nkunu paċenzjużi m’oħrajn, se nsiru iktar ħbieb tagħhom. L-aħwa fil-kongregazzjoni se jkunu magħqudin iktar. Jekk xi ħadd idejjaqna u ma nirrabjawx, se nevitaw li nkabbru l-problema. (Salm 37:8, ntt.; Prov. 14:29) Imma l-iktar ħaġa importanti, meta nkunu paċenzjużi nkunu qed nimitaw lil Missierna tas-sema u nersqu eqreb tiegħu.

17. X’għandna nkunu determinati li nagħmlu?

17 Il-paċenzja hi kwalità sabiħa ħafna u tgħin lil kulħadd. Mhux dejjem faċli biex inkunu paċenzjużi, imma bl-għajnuna taʼ Ġeħova nistgħu naħdmu biex ikollna din il-kwalità. U waqt li qed nistennew id-dinja l-ġdida, nistgħu nkunu ċerti li “għajnejn Ġeħova huma fuq dawk li jirrispettawh ħafna u li qed jistennewh jurihom imħabba u lealtà.” (Salm 33:18) Jalla lkoll kemm aħna nkunu determinati li nkomplu nuru l-paċenzja.

GĦANJA 41 Jekk jogħġbok, ismaʼ talbi

a Illum il-biċċa l-kbira tan-nies mhumiex paċenzjużi. Imma l-Bibbja tgħidilna biex nuru din il-kwalità. Dan l-artiklu se jurina għala l-paċenzja hi importanti ħafna u kif nistgħu nkunu iktar paċenzjużi.

b Biex issib rakkonti mill-Bibbja dwar il-paċenzja mur fil-Gwida għall-Pubblikazzjonijiet tax-Xhieda taʼ Ġeħova. Taħt is-suġġett “Emozzjonijiet, Kwalitajiet, u Kondotta” fittex “Paċenzja.”