Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

1923​—Mitt Sena Ilu

1923​—Mitt Sena Ilu

“AĦNA nistennew li s-sena 1923 tkun eċċitanti ħafna,” qal It-Torri tal-Għassa tal-1 taʼ Jannar 1923. “Hu privileġġ mill-isbaħ li ngħidu lil dawk in-nies li qed ibatu li ġej żmien aħjar.” Fl-1923, l-istudenti tal-Bibbja bidlu l-mod kif jagħmlu l-laqgħat, il-konvenzjonijiet, u kif jippritkaw. Minħabba f’hekk saru iżjed magħqudin.

IL-LAQGĦAT GĦENU L-AĦWA JKUNU IKTAR MAGĦQUDIN

Kalendarju bl-iskritturi u n-numru tal-għanjiet

Matul is-sena, l-organizzazzjoni għamlet xi bidliet biex tgħin lill-Istudenti tal-Bibbja jkunu iktar magħqudin. It-Torri tal-Għassa beda jispjega l-iskrittura li kienu jiddiskutu kull ġimgħa fil-Laqgħa taʼ Talb u Tifħir lil Ġeħova. L-Istudenti tal-Bibbja għamlu wkoll kalendarju li kien juri l-iskrittura li se jiddiskutu fil-laqgħa kull ġimgħa u għanja għal kuljum biex ikantawha fil-qima tal-familja jew fl-istudju personali.

Waqt il-laqgħat, l-Istudenti tal-Bibbja kienu jgħidu xi esperjenza li kellhom fuq il-ministeru, għala jixtiequ jirringrazzjaw lil Ġeħova, ikantaw, jew jgħidu talba. Eva Barney, li tgħammdet fl-1923 meta kellha 15-il sena, qalet: “Jekk ridt tagħmel kumment, kellek tqum bilwieqfa u tibda tgħid xi ħaġa hekk, ‘Nixtieq nirringrazzja lill-Mulej għall-affarijiet tajbin kollha li tani.’” Xi aħwa vera kienu jħobbu jikkummentaw. Oħtna Barney kompliet tgħid: “Ħuna Godwin kien jirringrazzja lil Alla għal ħafna affarijiet. Imma meta l-mara tiegħu kienet tinduna li l-ħu li qed jikkonduċi qed jiddejjaq, kienet tiġbidlu ftit il-coat u kien ipoġġi.”

Darba fix-xahar, kull kongregazzjoni kien ikollha Laqgħa taʼ Talb u Tifħir lil Ġeħova speċjali. Dwar din il-laqgħa, It-Torri tal-Għassa tal-1 tʼApril 1923 qal: “Nofs il-laqgħa għandu jkun fiha kummenti u esperjenzi dwar il-ministeru u biex tinkuraġġixxi lill-aħwa. . . . Aħna nafu li dawn il-laqgħat inkuraġġanti se jgħinu lill-aħwa jkunu iktar magħqudin.”

Xi ħadd li bbenefika ħafna minn dawn il-laqgħat kien Charles Martin, pubblikatur taʼ 19-il sena minn Vancouver, il-Kanada. Hu qal: “Hemmhekk tgħallimt x’għandi ngħid meta nkun qed nipprietka. Ħafna drabi, xi ħadd kien jgħid xi esperjenza li kellu fuq il-ministeru. Dan kien itini idea taʼ x’għandi ngħid u kif inwieġeb mistoqsijiet differenti.”

L-IPPRITKAR GĦEN L-AĦWA JKUNU MAGĦQUDIN

Bulletin tal-1 taʼ Mejju 1923

L-aħwa saru iktar magħqudin meta kienu jagħmlu ċerti ġranet jippritkaw flimkien. It-Torri tal-Għassa tal-1 tʼApril 1923 qal: “It-Tlieta, l-1 taʼ Mejju 1923 se tkun ġurnata għall-ippritkar biex b’hekk inkunu iktar magħqudin. Din se tibqaʼ ssir kull l-ewwel Tlieta tax-xahar . . . Kull membru taʼ kull kongregazzjoni hu inkuraġġit biex jieħu sehem f’dan ix-xogħol.”

Anki ż-żgħażagħ ħadu sehem. Hazel Burford, li dak iż-żmien kellha 16-il sena, qalet: “Il-fuljett Bulletin kien ikun fih eżempji taʼ konversazzjonijiet biex nitgħallmuhom bl-amment. a Jien u n-nannu konna noħorġu ħafna fuq is-service.” Imma kien hemm ħu li ma ħax pjaċir li kienet qed tipprietka. Hi qalet: “Ħu kbir fl-età ħass li jien m’għandix nipprietka. Dak iż-żmien, ħafna ma kinux jifhmu li l-Istudenti tal-Bibbja kollha, inkluż ‘ġuvintur u tfajliet,’ għandhom ifaħħru lill-Ħallieq Grandjuż tagħna.” (Salm 148:​12, 13) Imma oħtna Burford baqgħet tipprietka. Iktar tard hi marret it-tieni klassi tal-Iskola taʼ Gilegħad u bdiet taqdi bħala missjunarja fil-Panama. Maż-żmien, l-aħwa bidlu l-mod kif jaħsbu dwar iż-żgħażagħ li jippritkaw.

IL-KONVENZJONIJIET GĦENU L-AĦWA JKUNU IKTAR MAGĦQUDIN

Il-konvenzjonijiet għenu l-aħwa biex ikunu iktar magħqudin. Ħafna mill-konvenzjonijiet kellhom ġurnata apposta biex jippritkaw. Pereżempju, dawk kollha li marru l-konvenzjoni f’Winnipeg, il-Kanada, ġew mistidnin biex jippritkaw hemmhekk fil-31 taʼ Marzu. F’dawn il-ġranet speċjali, l-aħwa kienu jitkellmu maʼ ħafna iktar nies u kien ikollhom riżultati tajbin. Fil-5 t’Awwissu, madwar 7,000 persuna marru konvenzjoni oħra f’Winnipeg. Din kienet l-ikbar attendenza li qatt kien hemm dak iż-żmien f’konvenzjoni fil-Kanada.

L-iktar konvenzjoni importanti tax-Xhieda taʼ Ġeħova fl-1923 saret mit-18 sas-26 t’Awwissu f’Los Angeles, Kalifornja. Fil-ġimgħat taʼ qabel il-konvenzjoni, il-gazzetti rreklamaw il-konvenzjoni u l-Istudenti tal-Bibbja qassmu iktar minn 500,000 invit. Kellhom banners li rreklamaw il-konvenzjoni fuq it-trasport pubbliku u l-karozzi tagħhom.

Il-konvenzjoni tal-Istudenti tal-Bibbja fl-1923 f’Los Angeles

Is-Sibt 25 t’Awwissu, Ħuna Rutherford ta t-taħdita “Sheep and Goats.” Hu spjega b’mod ċar li n-nagħaġ huma nies tajbin li se jgħixu fil-ġenna tal-art. Hemmhekk qara wkoll ir-riżoluzzjoni bl-isem “A Warning.” Din ir-riżoluzzjoni qalet li l-Kristjaneżmu hu ħażin u inkuraġġiet lil dawk sinċiera biex jitilqu minn “Babilonja l-Kbira.” (Riv. 18:​2, 4) Iktar tard, Studenti tal-Bibbja madwar id-dinja ħadmu iebes biex iqassmu miljuni taʼ fuljetti dwar din ir-riżoluzzjoni.

“Dawn il-laqgħat inkuraġġanti se jgħinu lill-aħwa jkunu iktar magħqudin”

Fl-aħħar ġurnata tal-konvenzjoni kien hemm iktar minn 30,000 li semgħu t-taħdita taʼ Ħuna Rutherford, li kien jisimha “All Nations Marching to Armageddon, but Millions Now Living Will Never Die.” Peress li stennew li kien se jkun hemm ħafna nies, l-Istudenti tal-Bibbja krew il-Los Angeles Coliseum li kien għadu kif inbena. Biex jagħmlu ċert li kulħadd jismaʼ, l-aħwa użaw is-sistema tas-sawnd tal-istejdjum li kienet tal-aħħar teknoloġija. Kien hemm ħafna li semgħu l-konvenzjoni minn fuq ir-radio.

ŻIEDA MAD-DINJA KOLLHA

Fl-1923 kien hemm żieda kbira fix-xogħol tal-ippritkar fl-Afrika, l-Ewropa, l-Indja, u l-Amerika t’Isfel. Fl-Indja, A.  J. Joseph, waqt li kien qed jieħu ħsieb il-mara u s-sitt itfal li kellhom, beda jgħin biex ikun hemm il-letteratura bil-Ħindi, it-Tamil, it-Telugu, u l-Urdu.

William R. Brown u l-familja tiegħu

Fi Sierra Leone, l-Istudenti tal-Bibbja Alfred Joseph u Leonard Blackman kitbu lill-kwartieri ġenerali fi Brooklyn, New York, u talbuhom l-għajnuna. Fl-14 t’April 1923 irċivew risposta. Alfred jgħid: “Darba waħda, tard is-Sibt filgħaxija, irċivejt telefonata li ma kontx qed nistenna.” Xi ħadd staqsieh, “Int il-persuna li ktibt lill-kwartieri ġenerali biex jibagħtulkom l-għajnuna fl-ippritkar?” Alfred qallu: “Iva.” “Tajjeb, se jibagħtu lili.” Dan kien William R. Brown. Hu kien wasal dakinhar mill-Karibew flimkien mal-mara tiegħu, Antonia, u ż-żewġt itfal tagħhom, Louise u Lucy. L-aħwa ma tantx damu ma ltaqgħu maʼ Ħuna Brown u l-familja tiegħu.

Alfred ikompli jgħid: “L-għada filgħodu, jien u Leonard konna qegħdin niddiskutu l-Bibbja bħalma konna nagħmlu kull ġimgħa. F’daqqa waħda rajna lil Ħuna Brown, li kien raġel twil ħafna. Hu kien vera żeluż u l-għada stess ried jagħti taħdita pubblika.” F’inqas minn xahar, Ħuna Brown qassam il-letteratura kollha li kien ġab miegħu. Imbagħad irċieva 5,000 ktieb ieħor, u ma damx ma kellu bżonn iktar. Imma hu ma kienx magħruf bħala xi ħadd li jbigħ il-kotba. Matul ħajtu, kemm dam jaqdi lil Ġeħova, hu dejjem kien juża l-Bibbja fit-taħditiet tiegħu u minħabba f’hekk, in-nies bdew jgħidulu Bible Brown.

Il-Betel f’Magdeburg madwar is-sena 1923

Fil-Ġermanja, l-aħwa ddeċidew li jitilqu mill-uffiċċju tal-fergħa li kien hemm f’Barmen minħabba li l-fergħa kienet żgħira ħafna għan-nies li konna. Barra minn hekk kienu semgħu wkoll li l-armata Franċiża kienet se tattakka l-belt. L-Istudenti tal-Bibbja sabu binja f’Magdeburg, li kienet tidher perfetta biex jipprintjaw il-letteratura. Fid-19 taʼ Ġunju, l-aħwa ppakkjaw l-affarijiet li kienu jużaw biex jipprintjaw u affarijiet oħrajn u marru fil-Betel il-ġdida taʼ Magdeburg. L-għada li l-aħwa qalu lill-kwartieri ġenerali li kienu ġarrew kollox fil-Betel il-ġdida, fil-gazzetti kien hemm li Franza ħadet taħt idejha l-belt taʼ Barmen. L-aħwa raw li Ġeħova kien qed jgħinhom u jipproteġihom.

George Young maʼ Sarah Ferguson (lemin) u oħtha

Fil-Brażil, George Young, li vvjaġġa ’l bogħod biex jaqsam l-aħbar tajba fetaħ fergħa ġdida u beda jippubblika It-Torri tal-Għassa bil-Portugiż. Fi ftit xhur, hu qassam iktar minn 7,000 rivista u ktieb. Sarah Ferguson kienet ferħana ħafna meta Ħuna Young mar iżur il-familja tagħha. Hi kienet ilha taqra It-Torri tal-Għassa mill-1899, imma ma kellhiex iċ-ċans li titgħammed. Ftit xhur wara, oħtna Ferguson u l-erbat itfal tagħha, fl-aħħar irnexxielhom jagħmlu dan il-pass importanti.

“NAQDU LIL ĠEĦOVA BIL-FERĦ”

Fl-aħħar tas-sena, It-Torri tal-Għassa tal-15 taʼ Diċembru 1923 qal kif il-bidla fil-laqgħat, il-ministeru, u l-konvenzjonijiet affettwat lill-Istudenti tal-Bibbja. Ir-rivista kienet tgħid: “Jidher ċar li l-aħwa fil-kongregazzjonijiet . . . għandhom fidi b’saħħitha . . . Ejja nippreparaw għal iktar xogħol u nkomplu naqdu lil Ġeħova bil-ferħ matul is-sena 1924.”

Is-sena 1924 kienet sena eċċitanti wkoll għall-Istudenti tal-Bibbja. L-aħwa f’Betel kienu ilhom jaħdmu għal xhur fuq biċċa art fi Staten Island, li kienet qrib il-kwartieri ġenerali fi Brooklyn. Il-bini tlesta fil-bidu tas-sena 1924, u dan għen biex l-aħwa jkunu iktar magħqudin u tiġi ppritkata l-aħbar tajba b’modi li qatt ma ppritkajna bihom.

Aħwa tal-kostruzzjoni fi Staten Island

a Issa hu l-Fuljett għall-Istudju tal-Laqgħa—Il-Ħajja u l-Ministeru Kristjan Tagħna.