Mur fil-kontenut

Mur fil-werrej

ARTIKLU GĦALL-ISTUDJU 43

Ġeħova Se Jtik is-Saħħa

Ġeħova Se Jtik is-Saħħa

“[Ġeħova] jissodakom, u jsaħħaħkom.”—1 PT. 5:10.

GĦANJA 38 Hu se jsaħħek

ĦARSA BIL-QUDDIEM a

1. Alla kif saħħaħ lill-qaddejja leali tiegħu tal-passat?

 IL-BIBBJA spiss tgħid li rġiel li kellhom il-fidi kienu b’saħħithom. Imma huma mhux dejjem ħassewhom hekk. Pereżempju, kien hemm drabi meta r-Re David ħassu ‘b’saħħtu daqs muntanja,’ imma drabi oħra beda jibżaʼ. (Salm 30:7) Bl-ispirtu t’Alla, Sansun kien b’saħħtu ħafna, imma kien jaf li mingħajr l-għajnuna t’Alla kien ‘jiddgħajjef, u jsir bħal bnedmin oħra.’ (Mħ. 14:​5, 6; 16:17) Dawn l-irġiel leali kienu b’saħħithom biss għax tahom is-saħħa Ġeħova.

2. L-appostlu Pawlu għala qal li kien dgħajjef u fl-istess ħin b’saħħtu? (2 Korintin 12:​9, 10)

2 L-appostlu Pawlu wkoll kien jaf li kellu bżonn is-saħħa mingħand Ġeħova. (Aqra t-2 Korintin 12:​9, 10.) Pawlu kellu problemi taʼ saħħa, bħalma jkollna aħna. (Gal. 4:​13, 14) U kultant kien isibha diffiċli biex jagħmel it-tajjeb. (Rum. 7:​18, 19) Ġieli anke ħassu anzjuż u beżaʼ dwar dak li setaʼ jiġri. (2 Kor. 1:​8, 9) Imma meta Pawlu ħassu dgħajjef kien b’saħħtu. Kif? Ġeħova tah is-saħħa li kellu bżonn biex jibqaʼ jissaporti.

3. Liema mistoqsijiet se nwieġbu f’dan l-artiklu?

3 Ġeħova jwiegħed lilna wkoll li se jtina s-saħħa biex nissaportu. (1 Pt. 5:10) Imma biex Ġeħova jgħinna rridu nagħmlu sforz min-naħa tagħna. Pereżempju, il-karozza għandha l-magna biex timxi. Imma biex timxi, min ikun qed isuq irid jagħfas il-gass. B’mod simili, Ġeħova lest li jtina s-saħħa imma aħna rridu nagħmlu xi ħaġa biex nibbenefikaw minnha. Ġeħova kif jagħtina s-saħħa? U aħna xi rridu nagħmlu biex nirċievu din is-saħħa? Biex inwieġbu dawn il-mistoqsijiet se naraw kif Ġeħova għen lill-profeta Ġona, lil Marija omm Ġesù, u lill-appostlu Pawlu. Se naraw ukoll kif Ġeħova għadu jsaħħaħ il-qaddejja tiegħu llum.

IT-TALB U L-ISTUDJU SE JGĦINUK TISSAPORTI

4. Xi rridu nagħmlu biex Ġeħova jtina s-saħħa?

4 Mod wieħed kif Ġeħova jtina s-saħħa hu permezz tat-talb. Ġeħova jwieġeb it-talb tagħna billi jtina “qawwa iktar min-normal.” (2 Kor. 4:7) Itina s-saħħa wkoll meta naqraw il-Bibbja u nimmeditaw fuqha. (Salm 86:11) Il-messaġġ tal-Bibbja ‘hu qawwi.’ (Ebr. 4:12) Meta titlob lil Ġeħova u taqra l-Bibbja, se tirċievi s-saħħa li jkollok bżonn biex tissaporti, tibqaʼ ferħan, jew tagħmel inkarigu diffiċli. Ara kif Ġeħova saħħaħ lill-profeta Ġona.

5. Il-profeta Ġona għala kellu bżonn il-kuraġġ?

5 Il-profeta Ġona kellu bżonn il-kuraġġ. Hu beda jibżaʼ jmur fejn bagħtu Ġeħova, allura telaʼ fuq vapur u ħarab f’post ieħor. Minħabba f’hekk, hu u n-nies li kienu fuq il-vapur kważi mietu f’maltempata. Meta l-baħrin tefgħuh il-baħar, belgħetu ħuta kbira. Kif taħseb li ħassu Ġona? Għall-ewwel forsi setaʼ ħaseb li kien se jmut u li Ġeħova kien telqu. Ġona żgur li ħassu inkwetat.

Kif nistgħu nsiru b’saħħitna meta nkunu għaddejjin minn xi problema bħal Ġona? (Ara paragrafi 6-9)

6. Skont Ġona 2:​1, 2, 7, x’inkuraġġixxa lil Ġona meta kien f’żaqq il-ħuta?

6 Ġona x’għamel biex ma jibqax jibżaʼ meta kien waħdu f’żaqq il-ħuta? Hu talab lil Ġeħova. (Aqra Ġona 2:​1, 2, 7.) Minkejja li Ġona m’obdiex lil Ġeħova, hu vera ddispjaċieh u kien ċert li Ġeħova se jismaʼ t-talba tiegħu. Ġona ħaseb ukoll dwar skritturi li kien jaf. Kif nafu dan? Għax it-talba tiegħu li nsibuha f’​Ġona kapitlu 2, fiha ħafna kliem u frażijiet li nsibuhom fis-Salmi. (Pereżempju, qabbel Ġona 2:​2, 5 maʼ Salm 69:1; 86:7.) Jidher ċar li Ġona kien jaf dawn l-iskritturi sew. Dawk il-versi għenu lil Ġona biex ikun ċert li Ġeħova se jgħinu. Ġeħova salva lil Ġona u iktar tard Ġona kien lest li jagħmel l-inkarigu tiegħu.—Ġona 2:10–3:​1-4.

7-8. Ġeħova kif saħħaħ lil ħu mit-Tajwan matul il-problemi tiegħu?

7 L-eżempju taʼ Ġona jistaʼ jgħinna meta nkunu qed niffaċċjaw il-problemi. Pereżempju, Li, b ħu mit-Tajwan, ibati minn problemi taʼ saħħa serji. Barra minn hekk, xi wħud minn tal-familja jittrattawh ħażin għax hu Xhud taʼ Ġeħova. Imma meta jitlob u jistudja, Ġeħova jagħtih is-saħħa li jkollu bżonn. Hu jgħid: “Xi kultant tant inħossni anzjuż li ma nkunx nistaʼ nikkalma biex nagħmel l-istudju personali.” Imma hu ma jaqtax qalbu. Li jkompli jgħid: “L-ewwel nitlob lil Ġeħova. Imbagħad nilbes il-headphones u noqgħod nismaʼ l-għanjiet tagħna. Ġieli anke noqgħod inkanta magħhom sakemm nikkalma. Imbagħad nibda nistudja.”

8 L-istudju personali għen lil Li biex jissaporti sitwazzjonijiet diffiċli. Pereżempju, wara li għamel operazzjoni, nurse qaltlu li kien se jkollu jieħu d-demm għax kellu d-demm baxx ħafna. Fil-lejl qabel l-operazzjoni Li kien qara dwar oħt li kienet għamlet l-istess operazzjoni. Id-demm tagħha kien baxx iktar minn tiegħu, imma m’aċċettatx li tieħu demm u rnexxielha tirkupra. Din l-esperjenza għenet lil Li biex jibqaʼ leali.

9. Jekk tħossok anzjuż minħabba xi problema, x’tistaʼ tagħmel? (Ara l-istampi.)

9 Meta tkun għaddej minn problema, ġieli tħossok anzjuż ħafna biex titlob lil Ġeħova? Jew tħossok għajjien ħafna biex tistudja? Ftakar li Ġeħova jifhem eżatt is-sitwazzjoni tiegħek. Għalhekk, anke jekk tgħid talba żgħira, tistaʼ tkun ċert li hu se jagħtik dak li jkollok bżonn. (Efes. 3:20) Jekk issibha diffiċli biex taqra u tistudja minħabba li int marid u tħossok għajjien, jew imdejjaq, tistaʼ tismaʼ l-qari tal-Bibbja jew waħda mill-pubblikazzjonijiet tagħna bl-awdjo. Tistaʼ tismaʼ wkoll waħda mill-għanjiet tagħna jew tara xi vidjow fuq jw.org. Ġeħova jrid jagħtik is-saħħa, u se jagħmel hekk jekk titolbu u tfittex għat-tweġibiet tat-talb tiegħek fil-Bibbja u fl-affarijiet kollha li jipprovdilek.

L-AĦWA JISTGĦU JINKURAĠĠUK

10. L-aħwa kif jinkuraġġuna?

10 Ġeħova jistaʼ juża lill-aħwa biex jinkuraġġina. Huma jistgħu jkunu ‘għajnuna li ssaħħaħna’ meta niffaċċjaw problema jew insibuha diffiċli biex nagħmlu xi inkarigu. (Kol. 4:​10, 11) Aħna għandna bżonn il-ħbieb speċjalment meta nkunu mdejqin. (Prov. 17:17) Meta nkunu skuraġġiti, l-aħwa jistgħu jagħtuna dak li jkollna bżonn u jinkuraġġuna biex inkomplu naqdu lil Ġeħova. Ara kif xi wħud inkuraġġew lil Marija, omm Ġesù.

11. Marija għala kellha bżonn il-kuraġġ?

11 Marija kellha bżonn il-kuraġġ biex tagħmel dak li ried Ġeħova. Immaġina kemm ħassitha anzjuża Marija meta l-anġlu qalilha li se jkollha tarbija minkejja li ma kinitx miżżewġa. Hi ma kellhiex esperjenza kif trabbi t-tfal, imma kien se jkollha tieħu ħsieb tifel li kien se jsir il-Messija. Marija kien għad qatt ma kellha relazzjonijiet sesswali maʼ xi ħadd, imma kellha tgħid lil Ġużeppi li se jkollha tarbija. Dan żgur li kien diffiċli ħafna għaliha.—Lq. 1:​26-33.

12. Skont Luqa 1:​39-45, Marija kif irċeviet l-inkuraġġiment li kellha bżonn?

12 Marija kif irċiviet is-saħħa li kellha bżonn biex tagħmel l-inkarigu diffiċli tagħha? Hi talbet l-għajnuna m’għand oħrajn. Pereżempju, hi talbet lill-anġlu Gabrijel biex jagħtiha iktar informazzjoni dwar l-inkarigu. (Lq. 1:34) Imbagħad, hi vjaġġat lejn Ġuda, “pajjiż muntanjuż,” biex tara lil Eliżabetta li kienet tiġi minnha. L-isforzi li għamlet Marija żgur li ma kinux għalxejn! Fil-fatt Eliżabetta faħħret lil Marija u inkuraġġietha billi qaltilha profezija dwar it-tarbija li kien se jkollha. (Aqra Luqa 1:​39-45.) Marija qalet li Ġeħova ‘għamel kollox bl-id b’saħħitha tiegħu.’ (Lq. 1:​46-51) Billi uża lill-anġlu Gabrijel u lil Eliżabetta, Ġeħova inkuraġġixxa lil Marija.

13. X’ġara meta oħt talbet lill-aħwa biex jgħinuha?

13 Bħal Marija, int ukoll tistaʼ tkun inkuraġġit permezz tal-aħwa. Dasuri, oħt mill-Bolivja, kellha bżonn l-inkuraġġiment. Missierha marad b’marda serja u ma kienx hemm kura għaliha. Meta kien l-isptar xtaqet tqattaʼ kemm jistaʼ jkun ħin miegħu. (1 Tim. 5:4) Imma dan ma kienx faċli. Hi tgħid: “Ħafna drabi ħassejtni li ma stajtx inkompli.” Dasuri talbet għajnuna? Għall-ewwel le. Hi tgħid: “Jien ma ridtx indejjaq lill-aħwa. Bdejt naħseb li Ġeħova għandu jtini l-għajnuna li għandi bżonn. Imma mbagħad irrealizzajt li bdejt nipprova nsolvi l-problemi tiegħi waħdi.” (Prov. 18:1) Dasuri ddeċidiet li tikteb lil xi ħbieb u tgħidilhom dwar is-sitwazzjoni tagħha. Hi tgħid: “Ma nistax nispjega kemm ħassejtni inkuraġġita bl-għajnuna li tawni l-aħwa. Kienu jġibuli l-ikel l-isptar u jaqsmu xi versi miegħi. Kemm hi xi ħaġa sabiħa li tkun taf li m’intix waħdek. Aħna nagħmlu parti mill-familja kbira li għandu Ġeħova u l-aħwa jixtiequ jgħinuna meta jkollna bżonn.Huma jibku magħna meta nkunu qed inbatu, u jinkuraġġuna biex inkomplu naqdu lil Ġeħova magħhom.”

14. Għala għandna naċċettaw l-għajnuna mingħand l-anzjani?

14 Mod ieħor kif Ġeħova jtina s-saħħa hu permezz tal-anzjani. Huma rigal li juża Ġeħova biex jinkuraġġina. (Is. 32:​1, 2) Għalhekk, meta tħossok anzjuż tkellem mal-anzjani. Toqgħodx tiddejjaq taċċetta l-għajnuna mingħand l-anzjani. Ġeħova jistaʼ jinkuraġġik billi juża lilhom.

IT-TAMA GĦALL-FUTUR TISTAʼ TINKURAĠĠIK

15. Il-Kristjani liema tama għandhom?

15 Il-wegħdi li nsibu fil-Bibbja jagħtuna tama u s-saħħa biex inkomplu naqdu lil Ġeħova. (Rum. 4:​3, 18-20) Xi Kristjani għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem fis-sema u oħrajn għandhom it-tama li jgħixu għal dejjem f’ġenna tal-art. Minħabba li għandna din it-tama, aħna għandna s-saħħa biex nissaportu l-problemi, nippritkaw l-aħbar tajba u ngħinu lill-aħwa fil-kongregazzjoni. (1 Tess. 1:3) Din it-tama saħħet ukoll lill-appostlu Pawlu.

16. L-appostlu Pawlu għala kellu bżonn il-kuraġġ?

16 L-appostlu Pawlu kellu bżonn il-kuraġġ. Fl-ittra tiegħu lill-Korintin, hu qabbel lilu nnifsu maʼ reċipjent tal-fuħħar fraġli. Hu kien ‘magħfus,’ ‘mifxul,’ ‘ippersegwitat,’ u ‘mitfugħ maʼ l-art.’ Kultant anke kien fil-periklu tal-mewt. (2 Kor. 4:​8-10) Pawlu kiteb dan il-kliem matul it-tielet vjaġġ missjunarju tiegħu u wara reġaʼ ffaċċja sitwazzjonijiet diffiċli. Pawlu ġie msawwat, arrestat, kważi għereq fil-baħar, u mitfugħ il-ħabs.

17. Skont it-2 Korintin 4:​16-18, x’għen lil Pawlu biex jissaporti l-problemi?

17 Pawlu ffoka fuq it-tama tiegħu u dan għenu biex jibqaʼ jissaporti. (Aqra t-2 Korintin 4:​16-18.) Hu qal lill-Korintin li ma kienx se jaqtaʼ qalbu, anke jekk is-saħħa tiegħu kienet sejra lura. Pawlu ma kienx se jħalli dan jiskuraġġih u ffoka fuq il-futur tiegħu. It-tama taʼ ħajja taʼ dejjem fis-sema kienet speċjali għalih, u kien lest li jissaporti kull problema biex jirċievi dan il-premju. Pawlu mmedita fuq dik it-tama u b’hekk ħassu “jiġġedded minn jum għall-ieħor.”

18. It-tama kif għenet lil Thomas u lill-familja tiegħu?

18 Ħu mill-Bulgarija, jismu Thomas, iħossu inkuraġġit meta jaħseb fuq it-tama għall-futur. Xi snin ilu, ħuh iż-żgħir miet f’aċċident. Minħabba f’hekk, Thomas vera kien iħossu mdejjaq. Allura biex iħossuhom aħjar, hu, il-mara tiegħu, u t-tifel, iħobbu jimmaġinaw kif ħa jkun l-irxoxt. Hu jgħid: “Pereżempju, inħobbu nitkellmu dwar fejn ħa niltaqgħu maʼ ħija, x’ikel ħa nagħmlulu, lil min ħa nistiednu għall-ewwel get-together miegħu, u x’se ngħidulu dwar l-aħħar jiem.” Thomas jgħid li meta jaħsbu dwar it-tama, dan jgħin lilu u lill-familja biex ikomplu jissaportu u biex jistenna bil-paċenzja ż-żmien meta Ġeħova se jirxoxta lil ħuh.

Kif taħseb li ħa tkun il-ħajja tiegħek fid-dinja l-ġdida? (Ara paragrafu 19) c

19. Kif tistaʼ ssaħħaħ il-fidi tiegħek fil-wegħdi taʼ Ġeħova? (Ara l-istampa.)

19 Kif tistaʼ ssaħħaħ il-fidi tiegħek fil-wegħdi taʼ Ġeħova? Pereżempju, jekk għandek it-tama li tgħix għal dejjem fuq l-art, aqra versi mill-Bibbja taʼ kif se tkun il-ġenna tal-art u aħseb dwarhom. (Is. 25:8; 32:​16-18) Immaġina kif ħa tkun id-dinja l-ġdida u ara lilek innifsek hemm. Aħseb dwar maʼ min se tiltaqaʼ, xi ħsejjes ħa tismaʼ, u kif ħa tħossok. Biex jgħinek timmaġina, ara stampi mill-pubblikazzjonijiet tagħna dwar il-ġenna tal-art, jew tistaʼ tara l-vidjows tal-kanzunetti oriġinali bħal The New World to Come, Wara l-kantuniera, jew Immaġina ż-Żmien. Jekk nieħdu l-ħin biex spiss naħsbu dwar id-dinja l-ġdida, il-problemi tagħna se jkunu qishom temporanji u ħfief. (2 Kor. 4:17) It-tama li tana Ġeħova tgħinna nissaportu l-problemi.

20. Meta nkunu dgħajfin x’se jgħinna nkunu b’saħħitna?

20 Anke meta nħossuna dgħajfin, “permezz t’Alla, aħna se jkollna s-saħħa.” (Salm 108:13) Hu diġà pprovdielek dak li għandek bżonn biex jinkuraġġik. Allura meta jkollok bżonn l-għajnuna biex tagħmel xi inkarigu, biex tissaporti xi problema, jew biex tibqaʼ ferħan, itlob lil Ġeħova u agħmel studju personali. Aċċetta l-għajnuna li jagħtuk l-aħwa. Aħseb taʼ spiss dwar il-futur fid-dinja l-ġdida. Imbagħad se ssir ‘b’saħħtek bil-qawwa kollha li tiġi mis-setgħa glorjuża t’Alla sabiex tissaporti bis-sħiħ u tibqaʼ tistabar bil-ferħ.’—Kol. 1:11.

GĦANJA 33 Ixħet toqlok fuq Ġeħova

a Dan l-artiklu ħa jgħin lil dawk li għandhom xi problema jew xi inkarigu li jħossu li hu diffiċli wisq għalihom. Ħa nitgħallmu kif Ġeħova jistaʼ jgħinna u xi rridu nagħmlu biex nirċievu l-għajnuna tiegħu.

b Xi ismijiet ġew mibdulin.

c X’TURINA L-ISTAMPA: Oħt li hi nieqsa mis-smigħ qed taħseb dwar il-wegħdi li hemm fil-Bibbja u qed tara vidjow mużikali biex jgħinha timmaġina kif se tkun ħajjitha fid-dinja l-ġdida.